MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
Se nħallsu prezz għoli għall-Ewro
Il-Ġimgħa
l-oħra l-President tal-Bank Ċentrali ta’ l-Unjoni Ewropea,
Jean-Claude Trichet, qagħad jiskomoda ruħu u jiġi f’Malta
ħalli jieħu sehem fil-ftuħ ta’ kampanja ta’ propaganda
mifruxa fuq tliet xhur, favur il-munita Ewro, u biex jitkellem f’konferenza
dwarha, organizzata mill-Kumitat Nazzjonali dwar l-Ewro (il-NECC) u l-Bank
Ċentrali ta’ Malta, bl-għajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea.
Huwa wera l-ferħ kbir tiegħu li pajjiżna se jdaħħal
l-Ewro, u faħħar ħafna lil pajjiżna għall-passi li
ħa biex jikkwalifika li jidħol fiż-żona tal-pajjiżi
ta’ l-Unjoni li jużaw l-Ewro.
Li ma qalx Trichet huwa xi prezz pajjiżna se jħallas biex ikun
jista’ juża l-Ewro.
Huwa
ma semma xejn li Malta se tagħti lill-Bank Ċentrali ta’ l-Unjoni,
kull sena, bejn 11 u 12-il miljun liri Maltin (jew 25 u 28 miljun Ewro
rispettivament), biex minflok il-lira Maltija, ikollna l-Ewro.
Għax
mill-ewwel tas-sena d-dieħla, il-profitti li l-Bank Ċentrali ta’
Malta kien jagħmel fis-sena (bejn 11 u 12-il miljun liri Maltin), issa se
jkun jista’ jagħmilhom il-Bank Ċentrali ta’ l-Unjoni li se jieħu
r-riservi barranin tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Kellu raġun għalhekk il-President tal-Bank Ċentrali ta’
l-Unjoni jkun daqstant ferħan li pajjiżna se jċedi l-lira Maltija
għall-Ewro.
Għax
il-Bank Ċentrali ta’ l-Unjoni jista’ jagħmel qligħ tajjeb
kull sena minn fuq ir-riservi barranin ta’ Malta, u pajjiżna se jħallas
prezz għoli billi se jitlef 11 jew 12 il-miljun liri Maltin kull sena.
Fil-kampanja twila ta’ propaganda għad-dħul ta’ l-Ewro f’pajjiżna,
ħadd ma kellu d-diċenza li jispjega lill-poplu Malti kemm hu kbir
il-prezz li l-poplu se jkollu jħallas biex juża l-Ewro flok il-lira
Maltija.

Lit-tfal ta’ l-iskola u l-istudenti żgħażagħ tagħna
se fil-kurrikulu tagħhom, jisquhom tagħrif ta’ propaganda favur
l-Ewro u l-Unjoni Ewropea, iżda mhux se jispjegawlhom li pajjiżna se jħallas
il-prezz ta’ 11 jew 12 il-miljun liri Maltin kull sena ħalli huma jużaw
l-Ewro.
L-irjus kbar ta’ Malta wrew il-ferħ kbir tagħhom lill-President tal-Bank Ċentrali ta’ l-Unjoni matul iż-żjara tiegħu fostna.
Min-naħa
tiegħu, huwa ma wrihomx kemm rahom baħnana li lanqas jintebħu li
pajjiżhom se jitlef il-profitti li jagħmel il-Bank Ċentrali ta’
Malta, u li l-Bank Ċentrali ta’ l-Unjoni se jiggwadanja bid-dħul
ta’ l-Ewro f’pajjiżna.
Il-propagandisti ta’ l-Unjoni Ewropea qegħdin isostnu li l-poplu Malti se
jagħmel pass storiku meta fl-1 ta’ Jannar li ġej, jaqleb għall-Ewro.
Se tkun telfa, mhux rebħa, storika għall-poplu tagħna għax
il-munita komuni ta’ l-Unjoni se tkompli ttellfilna mis-sovranità tagħna.
Se nitilfu l-kontroll fuq kemm ikunu r-rati ta’ l-imgħaxijiet fuq is-self
u fuq id-depożiti.
Mhux se jibqgħalna l-fakultà li permezz ta’ l-aġġustament tar-rata ta’ l-imgħax, ngħinu ħalli jiżdiedu l-impjiegi f’pajjiżna.
Ma
jkunx aktar possibbli li permezz tal-valur tal-munita Maltija, ngħinu biex
il-prezzijiet ma jgħolewx ħafna u b’hekk jitrażżan l-għoli
tal-ħajja, u biex ngħinu ħalli nkabbru l-esportazzjoni.
Min jirrispetta lill-Maltin u jħares tassew l-interessi nazzjonali, għandu
jgħarraf lill-poplu mhux bil-vantaġġi biss ta’ l-Ewro, iżda
wkoll bl-iżvantaġġi li se nġarbu.
Min biegħ ruħu lill-Unjoni Ewropea qiegħed jissagrifika
l-interessi nazzjonali u jinganna lill-poplu.
Jista’ jirnexxilu jagħmel dan għal xi żmien.
Iżda
jasal iż-żmien meta l-poplu jintebaħ li ġie ttradut, u
jbiddel f’imrar il-ferħ ta’ dawk kollha li llum huma ħatja ta’
dan l-għajb nazzjonali u disprezz tal-poplu.
L-għada li Trichet ħalla Malta, tħabbar li fl-Italja seba’
miljuni huma foqra minħabba l-Ewro li t-Taljani daħħlu flok
il-Lira Taljana.
Kemm
se jkollna foqra f’Malta, minħabba d-dħul ta’ l-Ewro?
Aktar
tagħrif dwar l-UE
Waqt
li kien f’Malta, Jean-Claude Trichet ma setax ma jqanqalx mal-Prim Ministru
l-kwistjoni ta’ l-indipendenza tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-influwenza
tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Bank Ċentrali Ewropew kien ingħata “status” speċjali,
differenti minn dak ta’ l-istituzzjonijiet l-oħrajn ta’ l-Unjoni,
fil-Kostituzzjoni miftehma f’Ruma f’Ottubru, 2004.
Iżda
t-Trattat il-ġdid ta’ Riforma jqis lill-Bank Ċentrali l-istess bħal
l-istituzzjonijiet l-oħrajn ta’ l-Unjoni.
Minħabba dan, Trichet jibża’ li l-Bank Ċentrali se jkun suġġett
wisq għal dak li jridu l-pajjiżi membri, u b’hekk, tkun imtiefsa
l-indipendenza tal-Bank.
Trichet talab li l-Bank Ċentrali jingħata l-istess “status” li
kellu fil-Kostituzzjoni tal-2004, iżda t-talba ma ntlaqgħetx.
Il-President
Franċiż Nicolas Sarkozy l-aktar li jisħaq li l-Bank Ċentrali
ta’ l-Unjoni jagħti kas kif jaħsbuha l-pajjiżi membri.
Riżoluzzjoni
tas-CNI

Fil-Laqgħa
Ġenerali Annwali tas-CNI
li saret fis-7 ta’ Ottubru, fl-uffiċċju Nru 60A Triq id-Dejqa,
il-Belt, il-membri tas-CNI
approvaw din ir-riżoluzzjoni mressqa minn Harry Demarco.
“Din il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Kampanja Ħelsien Nazzjonali
CNI,
illum, 7 ta’ Ottubru, 2007, tinnota:
(a) Li għalkemm għaddew sitt xhur mill-għeluq tal-perjodu ta’
tliet snin, 2004-2006, meta Malta tat lill-Unjoni Ewropea Lm73,750,000, għadu
ma ntqalx uffiċjalment kemm, mill-Lm154,710,000 li l-Unjoni suppost tatna,
fil-fatt tathomlna. (Qed jingħad li tawna inqas minn nofshom).

(b) Li flok ix-xogħol jiġri wara l-ħaddiema Maltin, kif kien wiegħed
il-Prim Ministru Fenech Adami, għandna iktar minn 100 fabbrika li għalqu,
eluf ta’ ħaddiema mkeċċijin minn xogħolhom, iktar minn
6,000 permessi maħruġin lill-barranin, u hemm theddida li s-sena d-dieħla,
is-sinsla ta’ l-għixien ta’ pajjiżna li jiddependi mill-vapuri,
titkisser u tgħib.

Għalhekk, tappella lill-partiti politiċi kollha u lill-għaqdiet
tal-ħaddiema kollha, ma jħallux li sseħħ il-vendetta
tal-Kummissarju Gunther Verheugen li, bil-kompliċità ta’ x’uħud
fostna, ikisser it-Tarzna ta’ Malta, li l-Luftwaffe Ġermaniża ma
rnexxilhiex tagħmel bil-gelgul ta’ bombi.”
Kritika
Ħarxa
Il-membri tas-CNI iddiskutew il-qagħda umiljanti li pajjiżna nġieb fiha;
agħar minn meta kellna l-affarijiet barranin u d-difiża mhux f’idejna.
Għax
illum kollox jiddependi minn xi tgħid l-Unjoni Ewropea, minn kemm nistgħu
nagħmlu xogħol fit-Tarzna, sa l-inqas ħaġa, kemm inħallsu
taxxa fuq il-ħrieqi tat-trabi.
Tqanqlu ħafna punti ta‘ kritika.
Intqal li l-poplu Malti qisu tilef il-ħila li jmexxi lilu nnifsu u skond kif jaqbillu.
Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tkasbret, u pajjiżna qed jingħata biċċa biċċa lill-barranin, l-agħar fosthom, il-medda kbira ta’ art f’Ta’ Qali, għall-bini ta’ l-Ambaxxata bażi Amerikana.
Xogħol
tal-Maltin qed jingħata lill-barranin, bħall-każ tas-Sea Malta,
b’dannu għall-ħaddiema u għall-esportaturi, li mhux qegħdin
jingħataw servizz regolari, kif kienet tagħtihom il-kumpanija
nazzjonali.
Bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, pajjiżna tilef ħafna, fosthom
il-miljuni ta’ kull sena mill-Protokoll Taljan, u l-qligħ ta’ kull sena
tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Tilef
ukoll id-dritt li skond il-liġi jibgħat lura l-immigranti illegali jew
li jagħtihom għajnuna xierqa biex ikomplu fi triqthom lejn l-Ewropa.
Waqt li ftit mijiet qegħdin igawdu mill-Unjoni Ewropea, il-kotra tal-poplu
qiegħda tbati bil-politika u r-regolamenti tagħha.
Il-membri tas-CNI qablu li jżidu l-ħidma tagħhom ħalli mill-iktar fis tinbena maġġoranza li trid li Malta terġa’ tieħu l-indipendenza u l-ħelsien mill-UE, billi l-Maltin jerġgħu jieħdu rajhom f’idejhom.
Kumitat
tas-CNI
2007-8
Fil-Laqgħa
Ġenerali ntagħżel il-kumitat għas-sena 2007-2008 tas-CNI:
Ċermen: Dr Karmenu Mifsud Bonnici;
Segretarju Ġenerali: M. Borg;
Kaxxier: H. Demarco;
Membri: P. Barbara, C. Galea, L. Galea, R. Galea, C. Gatt,
M. Gatt, C. Lewis, E. Sultana, M. Sultana; Awdituri: E. Farrugia u E. Privitera.
L-ambjent
pagan u Mażoniku ta’ l-Unjoni Ewropea
F’ġurnal
lokali tal-Ħadd li għadda, Mons Anton Gauci rrefera għar-rapport
f’ħarġa ta’ qabel tal-ġurnal, li qal li l-Knisja f’Malta
tista’ tispiċċa investigata mill-Unjoni Ewropea għas-sussidju
li l-Gvern jagħtiha, wara li hija għaddietlu, bi ksur tar-rieda
tad-donaturi jew testaturi, il-proprjetà li dawn ħallewlha b’mottiv
spiritwali.

Dan ir-rapport deher wara li sar magħruf li qegħdin isiru sforzi fl-Unjoni Ewropea ħalli jinvestigaw lill-Istat Taljan għall-għajnuna finanzjarja li jagħti lill-Knisja Kattolika.
Il-Papa
Benedittu XVI rabat dan il-fatt mal-Mażunerija mferrxa li hemm fl-Unjoni
Ewropea.
Dwar it-theddida ta’ investigazzjoni mill-Unjoni Ewropea, Monsinjur Gauci
kkummenta li
“issa
hemm il-biża’ tal-waħx li l-Unjoni Ewropea, li xi sinjuri mexxejja
Maltin għoġobhom idaħħluna fiha. Ma nitkellimx
mill-intenzjoni tagħhom. Din il-ħaġa jarawha huma u jaraha Alla
li ma jħallasx bilfors nhar ta’ Sibt, imma li mmankabbilment iħallas,
ħafna drabi anki minn din id-dinja, u żgur fl-oħra”.
Monsinjur Gauci kompla jilmenta hekk:
“Xeħtuna
f’ambjent li tellifna s-sovranità tagħna, tellifna l-vera indipendenza
tagħna. Naturalment ma nistenniex li jaqblu miegħi dawk li fattru
l-froġa, bħalma nistenniex li jaqblu miegħi dawk li qegħdin
ipappuha grazzi għal din il-mossa.
“U huma bosta dawk il-Maltin li qegħdin ipappuha u jpappuha tajjeb ħafna.
Miniex nirreferi biss għal dawk li qegħdin barra minn Malta
b’salarji fenominali u bi kwalità ta’ ħajja superjuri għal dik
ta’ impjegati ta’ l-istat ta’ l-istess livell li jaħdmu lokali, forsi
anki jgħixu f’ambjent oltre lussuż imma anki pagan.”
“Lanqas
nistenna li jaqblu miegħi dawk il-politiċi li daħħluna
f’dak l-ambjent deskritt minn ħabibna Ratzinger, bħala wieħed
ta’ Mażunerija” kiteb Mons Gauci, li fisser li n-natura umana għandha
l-karatteristika li tiġbed lejn l-interessi personali tagħha, fil-każ
tagħna, anki lejn dawk tal-politika partiġġjana.
Il-kittieb jissokta jagħmel għadd ta’ mistoqsijiet dwar x’kien
l-atteġġjament tal-Knisja f’Malta fil-kwistjoni tas-sħubija
fl-UE, u jfakkar fil-qawl li jgħid li min ikun kaġun tal-ħsara
tiegħu stess, għandu jibki miegħu nnifsu.
Għalhekk
min tkellem favur l-UE, jew naqas li jwissi dwar il-perikli tagħha, issa
jagħti t-tort lilu nnifsu jekk l-Unjoni tieħu atteġġjament
negattiv kontra l-Knisja.
Monsinjur Gauci jisħaq li:
“Jekk jirnexxielna niċċajtaw mal-poplu, ma’ Alla żgur mhux se jirnexxielna. La lilna tal-Knisja, u lanqas lill-politiċi għatxana għal setgħa, unuri u flus.”
Għax, jispiċċa jikteb:
“Assolutament
mhix ċajta ddaħħal lil pajjiżek f’ambjent pagan u
massoniku”.
Il-Ħamis, 11 ta' Ottubru, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ