MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID
LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET
TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA
LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.
Aktar
jintilfu voti milli jintrebħu
Dawk li jsostni li l-Partit Laburista għandu jivvota man-Nazzjonalisti favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea (li tissejjaħ Kostituzzjoni Ewropea), jgħidu li jekk il-partit ma jagħmilx hekk, jitlef aktar voti milli jirbaħ. Iżda dan huwa kalkolu għal kollox żbaljat.
Huwa kalkolu żbaljat għax eluf ta’ Laburisti akkaniti ma jaċċettawx li l-partit jivvota favur il-Kostituzzjoni Ewropea li tiddikjara għall-ewwel darba li l-liġijiet ta’ l-Unjoni huma aqwa u fuq il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Għal eluf ta’ Laburisti akkaniti, din id-dikjarazzjoni tas-supremazija tal-liġijiet ta’ l-Unjoni, li l-Kostituzzjoni Ewropea tagħmel fl-Artiklu 6 tagħha, hija sagtrileġġ li ebda Malti li jgħożż il-ġieħ tal-Kostituzzjoni ta’ pajjiżu, ma għandu jaċċetta, għall-ebda raġuni u taħt ebda skuża.
L-eluf ta’ Laburisti akkaniti li huma konvinti minn dan, jispiċċaw biex ma jmorrux jivvotaw għall-partit, jekk huma jħossu li l-partit ittradixxa l-Kostituzzjoni Maltija.
It-telf ta’ dawn l-eluf ta’ voti ta’ Laburisti akkaniti huma bil-bosta ħafna akbar mill-ammont ta’ voti li l-partit jista’ qatt jittama li jirbaħ billi jivvota favur il-Kostituzzjoni Ewropea.
Għalhekk qiegħed isir kalkolu żbaljat dwar il-voti li jitlef il-Partit laburista jekk ma jivvotax favur il-Kostituzzjoni Ewropea.
Għax mhux qiegħed jingħata każ ta’ kemm voti ta’ eluf ta’ Laburisti akkaniti l-partit jitlef jekk ma jiddefendix is-supremazija tal-Kostituzzjoni Maltija fuq il-liġijiet li l-UE tagħmel.
Ħafna Laburisti akkaniti jsostnu li l-partit jitlef l-elezzjoni ġenerali li jmiss jekk jivvota man-Nazzjonalisti favur il-Kostituzzjoni Ewropea, mhux biss għax ikun ċaħad is-supremazija tal-Kostituzzjoni Maltija, iżda wkll għax il-partit ikun mar kontra dak kollu li huwa kien jikkritika fl-Unjoni Ewropea, qabel ir-Referendum u l-aħħar Elezzjoni Ġenerali.
Dawk il-Laburisti akkaniti jirraġunaw li jekk kienet ħaġa flokha li l-partit jaċċetta d-deċiżjoni tal-maġġoranza dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea, ma jfiussirx li issa l-partit għandu jagħti l-voti tiegħu fil-Parlament, għall-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni.
Taċċetta ħaġa mod, la x-xitan irid hekk.
Tivvota inti favoriha, m’għandux ikun.
Ma jridx ikollok ħafna skola li l-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea, (il-Kostituzzjoni Ewropea) ma taqbilx mal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Għax il-Kostituzzjoni Maltija tgħid li hija suprema fuq kull liġi f’Malta u l-Kostituzzjoni Ewropea tgħid li l-liġijiet ta’ l-Unjoni Ewropea huma supremi fuq il-Kostituzzjoni Maltija.
Hawn min dan il-fatt tant ċar ma jridx jifhmu.
Hawn min waqt li jifhmu, irid jinjorah.
U hawn min sfaċċatament jgħid li l-affarijiet m’humiex hekk.
Iżda jgħidu x’jgħidu, il-fatt huwa ċar għal min irid jara l-affarijeit kif inhuma.
Il-Kostituzzjoni Ewropeama tridx tħalli l-Kostituzzjoni Maltija superejuri għal-liġijiet ta’ l-Unjoni, u għalhekk il-Kostituzzjoni Ewropea tmur kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Lanqas hemm bżonn ikollok ħafna skola biex tifhem li jekk il-Kostituzzjoni Ewropea ma tħaddanx politika ta’ newtralita`, hija ma taqbilx mal-Kostituzzjoni Maltija li hija mibnija fuq poolitika ta’ newtralita`.
Ikun liema partit politika jkun fil-gvern, jekk ikun ivvota favur il-Kostituzzjoni Ewropea, huwa jkun obbligat li jimxi bil-politika tal-Kostituzzjoni Ewropea li mhix waħda ta’ newtralita`.
Partit politiku li jivvota favur il-Kostituzzjoni Ewropea ma jkollu ebda raġun, la pooitiku, la legali u lanqas morali, li joħroġ mil-linja tal-politika tal-Kostituzzjoni Ewropea, li mhux linja ta’ politika ta’ newtralita`.
Lanqas hemm bżonn li tkun tiftakar ħafna biex tiftakar li l-Ftehim ta’ Sħubija li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma’ l-Unjoni Ewropea kien ukoll trattat internazzjonali.
Għalkemm kien trattat internazzjonali, xorta waħda l-partiti politiċi kollha ħadu sehem fir-referendum li sar biex jinstab jekk il-maġġoranza tal-poplu kinitx taqbel miegħu, jew le.
Għalhekk kif sar referendum dwar it-trattat internazzjonali ta’ l-2003 dwar is-sħubija fl-UE, xorta waħda jista’ jsir din id-darba dwar it-Trattat li Jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
L-Erbgħa, 11 ta’ Mejju, 2005.
<< Lura http://www.cnimalta.org/2005.html
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ