MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

       

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Il-gażiba ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-Palestina

 

L-Unjoni Ewropea tinsab f’gażiba kbira dwar il-Palestina.

 

L-Unjoni nsistiet li jsiru elezzjonijiet demokratiċi fil-Palestina, u bagħtet rappreżentanti tagħha biex jossorveljaw li l-elezzjonijiet ikun regolari.

 

L-elezzjonijiet saru regolari u taw ir-riżultat tar-rieda tal-maġġoranza tal-poplu Palestinjan fl-għażla tal-Ħamas flok il-Fataħ li mexxa l-Awtorità Palestinjana sal-lum.


Il-Ħamas ma jagħrafx l-Istat ta’ Iżrael u jrid li jeħles lill-Palestina mill-okkupazzjoni Iżraelita.

 

Irid li l-Palestinjani li tkeċċew minn arthom u minn djarhom, imorru lura u jingħataw lura arthom u djarhom li llum huma f’idejn l-Iżraeliti.


Il-gażiba ta’ l-Unjoni Ewropea hija din.

 

Il-Ħamas illum jirrappreżentaw demokratikament ir-rieda tal-maġġoranza tal-poplu Palestinjan.

 

Jekk l-Unjoni ma taċċettax lill-Ħamas, l-Unjoni tkun qiegħda teħodha kontra r-rieda tal-maġġoranza tal-Palestinjani kif imfissra liberament fl-elezzjonijiet demokratiċi li għadhom kif saru.

 

Id-dritt tas-‘self determination’


Jekk l-Unjoni tibqa’ ma tagħrafx lill-Ħamas, l-Unjoni tkun qiegħda tiċħad il-prinċipju tad-dritt ta‘ poplu li jagħżel huwa kif jitmexxa, magħruf bħala d-dritt tas-‘self determination’ tal-popli.

 

Ma tistax l-Unjoni ssostni l-prinċipju tas-‘self-determination’ ta’ popli meta hija taqbel ma’ l-għażla li l-popli jagħmlu u tirrofta li tagħraf l-għażla tal-popli meta l-Unjoni ma tkunx taqbel ma’ l-għażla li l-popli jagħmlu.

 

L-Unjoni Ewropea m’għandhiex dritt fl-istess li tinsisti għall-elezzjonijiet demokratiċi u tiċħad ir-riżultat tagħhom meta dan ma jogħġobhiex.

 

Hija fid-dmir li tirrispetta r-rieda tal-maġġoranza mfissra demokratikament.


Iżda l-Unjoni lesta tagħmel dan fil-każ tar-rebħa tal-Ħamas fil-Palestina?

 

Jekk ma tagħmilx dan, il-poplu Palestinjan ikollu dritt jixli lill-Unjoni li hija kontrih u li mhux minnu li l-Unjoni temmen fl-elezzjonijiet demokratiċi.

 

Tridu jittradixxi l-elettorat


Biex tagħraf lill-Ħamas, l-Unjoni Ewropea trid li l-Ħamas imur kontra r-rieda tal-maġġoranza li vvotatlu u jagħraf lill-Istat ta’ Iżrael, jieqaf milli jiġġieled ħalli jeħles lill-Palestina mill-okkupazzjoni Iżraelita u jċedi l-armi li għandu.

 

Il-Ħamas ma jridx jittradixxi lill-maġġoranza tal-Palestinjani li vvotaw għat-twemmin u l-programm tiegħu.

Jekk il-Ħamas ma jagħmilx kif tridu l-Unjoni Ewropea, din qiegħda thedded li twaqqaf l-għajnuna finanzjarja li tagħti lill-Palestinjani.

 

Mingħajr għajnuna finanzjarja minn barra, il-Ħamas ma jkunx jista’ jmexxi lill-Poplu Palestinjan.


Sal-lum l-Unjoni Ewropea ma kinitx tħares lejn il-Ħamas bħala moviment li qed jiġġieled għall-ħelsien tal-Palestina mill-ħakma Iżraelita u għad-dritt tal-Palestinjani li jingħataw lura arthom u djarhom misruqin lilhom.

 

Kienet tqisu bħala moviment terroristiku, għax l-armi li juża fil-ġlieda għall-ħelsien, huma l-ispluzzjonijiet ta’ bombi li jagħmel fl-ibliet ta’ Iżrael li fihom jinqerdu nies ċivili.

 

Min-naħa tieghu l-Ħamas isostni li jekk il-ħafna mwiet tal-Palestinajani mill-Iżraeliti mhux terrorizmu, lanqas ma jista’ jitqies bħala terroriżmu l-qtil ta’ Iżraeliti mill-Palestinjani.

 

Iżda l-Unjoni Ewropea ma tqisx li l-Iżraeliti jagħmlu atti terroristiċi meta jeqirdu lill-Palestinjani, fil-waqt li tqis li l-Palestinjani jagħmlu atti terroristiċi meta joqtlu lill-Iżraeliti.

 

Għajnuna mill-Iran u s-Sawdi Għarabja


L-Unjoni Ewropea taf li jekk hija twaqqaf l-għajnuna finanzjarja lill-Palestinjani minħabba r-rebħa elettorali tal-Ħamas, il-poplu Palestinjan idur kontra l-Unjoni.

 

Taf ukoll li l-Ħamas jkollu jaqa’ għall-għajnuna finanzjarja mill-Iran u mis-Sawdi Għarabja li t-tnejn għandhom il-mezzi finanzjarji biex jagħmlu tajjeb dak li l-Palestinjani jitilfu mill-Unjoni Ewropea.


L-Unjoni Ewropea taf ukoll li mhux biss il-poplu Palestinjan ikun kontriha, iżda wkoll jissoktaw jiħraxu kontriha l-popli Għarab li jifhmu li huma l-pajjiżi Ewropej li jaħtu għall-inkwiet kollu tal-Palestina, minħabba t-twaqqif ta’ l-Istat ta’ Iżrael bl-għajnuna tal-gvernijiet Ewropej u bl-inkoraġġiment li taw lil-Lhud biex imorru mill-pajjiżi Ewropej joqogħdu f’Iżrael.


Il-Ħamas qed jistaqsi lill-Unjoni Ewropea għax l-Unjoni ma tgħidx lil Iżrael jagħraf minnufih it-twaqqif ta’ l-Istat tal-Palestina?

 

Għaliex l-Unjoni ma ssostnix ma’ l-Iżraeliti li jtemmu minnufih l-okkupazzjoni ta’ l-art Palestinjana li l-Ġnus Magħquda ilhom is-snin li ddeċidew li tingħata lura lill-Palestinjani?

 

U għaliex l-Unjoni ma ġġiegħelx ukoll lil Iżrael inaqqas l-armi qerrieda li għandu u jneħħi l-armi nukleari li għandu maħżunin?

 

‘Nuclear free zone’


Dawn il-fatturi kollha u ħafna oħrajn ma jħallux lill-Unjoni Ewropea tfassal politika barranija ġusta dwar il-Palestina u dwar ir-reġjun tal-Lvant Nofsani.

 

Kellna eżempju tal-politika mħawwda ta‘ l-Unjoni l-ġimgħa l-oħra meta saret riżoluzjoni dwar il-programm nukleari ta’ l-Iran.


Fir-riżoluzjoni kien intqal li r-reġjun għandu jkun ħieles mill-armi nukleari.

 

Iżda billi Iżrael għandu l-armi nukleari, kien oġġezzjona għal dan il-kliem u kellu jitneħħa.


Żewġ pajjiżi ta’ l-Unjoni għandhom l-armi nukleari: l-Ingilterra u Franza.

 

Ftit ġranet ilu, il-President Chirac stqarr li Franza tkun lesta tuża l-armi nukleari jekk ikollha bżonn.

 

F’pajjiżi oħrajn ta’ l-Unjoni hemm in-nukleari tan-NATO.

 

Għalhekk l-Unjoni ma tistax teħodha kontra n-nukleari. Malta, fl-Unjoni hija mċappsa b’dan il-ħmieġ.

 

Is-Sibt, 11 ta’ Frar, 2006.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

  

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ