MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

  NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Id-diżastru ta’ l-UE fuq is-sajd

 

Derek Bennett huwa wieħed minn ħafna Inglizi li jilmentaw mill-politika żbaljata ta’ l-Unjoni Ewropea u li għandhom għal qalbhom l-interessi tal-poplu Malti u jisgħobihom li issa Malta ssieħbet fl-UE u se ġġarrab il-ħsara tal-politika tagħha. 

 

Fl-aħħar tal-ġimgħa l-oħra huwa kiteb ittra f’ġurnal lokali bl-Ingliż bi tweġiba għal ittra li ġimgħa qabel Anton R. Borg kien kiteb li fiha qal li Bennett kien qal ħwejjeġ taċ-ċajt u tad-daħk dwar l-effetti ħżiena tal-politika ta’ l-UE għall-qasam tas-sajd.


L-ittra ta’ Bennett hija ta’ interess għall-qarrejja ta’ din il-paġna u għalhekk qegħdin inxandruha maqluba għall-Malti. 

 

L-ittra tgħid hekk:


“Jekk Anton R. Borg jixtieq ikun jaf ħwejjeġ ‘taċ-ċajt u tad-daħk’, kif huwa fisser fl-ittra tiegħu tat-30 ta’ Diċembru, dwar il-kummenti tiegħi dwar is-sajd fl-Unjoni Ewropea, jagħmel tajjeb jekk huwa jistudja aktar il-politika komuni tas-sajd ta’ l-Unjoni (Common Fisheries Policy).


“Huwa jsib li l-ammont tal-bakkaljaw fl-ibħra territorjali tar-Renju Unit, li llum saru ‘rizorsi komuni ta’ l-Unjoni’, issa huwa baxx ħafna. Il-ftit sajjieda li baqa’ fir-Renju Unit ikollhom joħorġu jistadu skond il-permessi li jingħatawlhom mill-uffiċjali burokratiċi ta’ Brussels.

“Dawn il-permessi jgħidulhom liema ħut jistgħu jaqbdu u xi kwantità ta’ ħut jistgħu jniżżlu l-art. Il-membri tal-Parlament Ingliż ta’ Westminster issa m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-qabda tal-ħut li s-sajjieda tar-Renju Unit jistgħu jagħmlu.


“Għaldaqstant is-sajjieda joħorġu ’l barra fl-ibħra u jwaddbu x-xbieki tagħhom, u meta jsibu fix-xbieki kwalità ta’ ħut mhux skond il-permessi ta’ l-UE, ikollhom jarmu l-ħut mejjet lura fil-baħar, għax il-permessi ma jħalluhomx iniżżlu l-art dawk il-ħut.


“Is-sajjieda jmorru bnadi oħrajn u jkalaw ix-xbieki u jerġgħu jsibu li nqabdu ħut mhux skond il-kwalità tal-permessi ta’ l-Unjoni, u jkollhom jerġgħu jarmu lura fil-baħar dak il-ħut mejjet. Jiġrilhom hekk aktar minn darba, darbtejn u sakemm jirnexxielhom jaqbdu l-kwalità ta’ ħut skond il-kwota tal-permessi ta’ l-Unjoni, inittnu l-qiegħ tal-baħar bl-ammont kbir ta’ ħut mejjet. Dan, skond il-mod stramb tar-regoli u l-liġijiet ta’ l-Unjoni, jitqies li huwa l-mod kif jiġu konservati l-ħut fl-ibħra.


“Ħamsa fil-mija biss mill-bakkaljaw li jittiekel fir-Renju Unit jinqabad fl-ibħra madwar ix-xtut tal-pajjiżi li m’humiex aktar ibħra Ingliżi, għax issa saru jappartjenu lill-Unjoni Ewropea. Il-95% tal-bakkaljaw li jittiekel fir-Renju Unit jinqabad mill-ibħra ta’ pajjiżi li ma ssieħbux fl-Unjoni, bħan-Norveġja u l-Islanda.

 
“Dawn iż-żewġ pajjiżi għandhom is-sens komun li jifhmu li s-sħubija fl-Unjoni teqridilhom l-industrija tas-sajd. Dawn il-pajjiżi li għandhom il-kontroll ta’ l-industrija tas-sajd tagħhom, biex jippriservaw l-ammont ta’ ħut jagħrfu jwettqu miżuri li huma xierqa u tajbin għall-industrija tas-sajd tagħhom.


“Min-naħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea tagħraf biss kif tippreserva l-burokrazija tagħha spejjeż ta’ l-industrija tas-sajd li tbati bir-regoli u l-liġijiet ta’ l-Unjoni. Din hija storja tad-daħk, li kieku mhix waħda tan-niket”, ittemm tgħid l-ittra ta’ Bennett minn Walsall, l-Ingilterra.

Ta’ min ifakkar li ftit tal-ġimgħat ilu s-sajjieda Maltin qamu jipprotestaw kontra d-deċiżjoni ta’ l-Unjoni Ewropea li naqqsitilhom il-kwota tat-tonn li jistgħu jaqbdu. 

 

Jisgħobbina nfakkru wkoll li huwa Malti l-Kummissarju responsabbli kemm għat-tnaqqis tat-tonn għas-sajjieda Maltin, kif ukoll għad-diżastru li laqat lis-sajjieda tar-Renju Unit li dwaru titkellem l-ittra ta‘ Derek Bennett.


Il-politika ta‘ l-UE dwar is-sajd, mhux ġid qiegħda tagħmel, iżda deni u ħsara.

 

Għandna nżommu dan f’moħħna meta niġu biex niddeċiedu li ma nibqgħux imxekklin bir-regoli u l-liġijiet ta’ l-UE.

 

Ħejjef dwar l-Ewro u l-prezzijiet


Il-kumitat responsabbli biex issir il-bidla mil-Lira Maltija għall-Ewro (NECC) qed iqassam kalendarju kollu kuluri, f’kull dar f’pajjiżna. 

 

Biex jipprovaw jilloppjaw lill-poplu Malti li l-Ewro mhux se ġġib aktar għoli tal-ħajja, f’kull xahar tas-sena kitbu messaġġ ta’ propaganda.

X’uħud minn dawn il-messaġġi huma banali u trid tkun “beċċun” biex teħodhom bis-serjetà. 

 

Ħalli nikkwotaw ftit minnhom. 

 

Għal Jannar kitbu:

“Hekk fair – Se jkun faċli tqabbel il-prezzijiet madwar l-Ewropa malli nadottaw l-Ewro”.


Il-kumment tagħna huwa: 

Allura b’daqshekk, jekk tara xi prezzijiet orħos minn ta’ Malta jfisser li l-prezz ta’ dawk l-oġġetti f’Malta se jorħsu? 

 

Għall-konsumatur Malti mhux aktar importanti li jkun jista’ jqabbel il-prezzijiet bl-Ewro f’Malta ma’ kif kienu bil-Lira Maltija, speċjalment meta l-prezzijiet jibdew jintwerew bl-Ewro biss? 

 

Fil-pajjizi fejn l-Ewro ilha teżisti erba’ snin għad hemm kważi nofs il-poplu li għadhom ma jistgħux jidraw l-Ewro.

 

Għal Marzu kitbu:

“Ibda aħseb fl-Ewro… imma ftakar li hija l-munita li se tinbidel, mhux il-prezzijiet”. 

 

Il-kumment tagħna huwa: 

Mur emminhom.

 

F’kull pajjiż, li daħħal l-Ewro, il-prezzijiet “inbidlu” għax żdiedu. 

 

Iżda f’Malta, skond il-profeti tan-NECC, dan mhux se jiġri. 

 

Issa meta l-istess Prim Ministru Gonzi stqarr li ma jista’ jagħmel xejn dwar l-għoli tal-prezzijiet, allura se jagħmluh dawn il-profeti tan-NECC?

 

Għal Mejju kitbu:

“Wasal iż-żmien li tħalli flusek jaraw id-dawl… serraħ rasek”. 

 

Il-kumment tagħna hu: 

Veru li flusek se jkollok “tikkonvertihom” għall-Ewro, iżda kif kitbuha, aktar tistenna li l-Ewro hija xi forma ta’ reliġjon meta kitbu li “flusek jaraw id-dawl”.


Imma l-isbaħ meta kitbu: 

“Serraħ rasek”. 

 

Din fakkritna meta Dr Gonzi kien għadu Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista u qabel l-Elezzjoni ta’ l-1998 beda jgħajjat waqt mass meeting: “U mill-għada ta’ l-elezzjoni, il-poplu Malti jserraħ rasu”. 

 

Tafu kemm “serraħna” rasna wara. 

 

U hekk ibqgħu ċerti li se jiġri wara ftit taż-żmien li tkun iddaħħlet l-Ewro f’pajjiżna.

 

Għal Awissu kitbu:

“Dalwaqt naqilbu għall-Ewro… iżda fadal ċans biex nieħdu vaganza dan is-sajf”.

 

Il-kumment tagħna hu: 

Qishom qegħdin jgħidulna li aħjar naħsbu nieħdu vaganza f’Awissu li ġej għax din tista’ tkun l-aħħar vaganza ta’ ħajjitna bix-xokk li nistgħu nieħdu malli tidħol l-Ewro f’pajjiżna.

 


Għal Ottubru kitbu:

“Qed niftakar li fadal biss tliet xhur biex Malta tiggradwa għall-Ewro”.


Il-kumment tagħna huwa: 

Tridux ma ddaħħkuniex aktar bikom, Sinjuri tan-NECC. 

 

Jiġifieri għall-Gvern u dawn il-professuri, Malta llum għadha ma ggradwatx għax għandna l-Lira Maltija, bħal ma għandhom il-munita tagħhom l-Istati Uniti, l-Ingilterra, l-Isvezja, id-Danimarka, l-Isvizzera, il-Ġappun, ir-Russja, iċ-Ċina, l-Awstralja u għexieren ta’ pajjiżi oħrajn.

 

Għal Novembru kitbu:

“Kollox huwa mmarkat bil-Lira Maltija u bl-Ewro… tista’ tqabbel kollox biż-żewġ prezzijiet”. 

 

Il-kumment tagħna hu: 

L-ewwelnett iż-żewġ prezzijiet se jkunu biss għall-ewwel sitt xhur, jew l-aktar, sena. 

Wara jkunu bl-Ewro biss. 

U hemm jibda l-ors.


It-tieni, il-prezz tas-servizzi kif jista’ jidher biż-żewġ prezzijiet? 

 

Per eżempju, tabib li normalment jiċċargja għal viżta ta’ pazjent Lm4, skond ir-rata uffiċjali ta’ l-Ewro ta’ 42.93 ċenteżmi Maltin, din suppost tiġi 9.31 Ewro. 

 

Min jista’ qatt jemmen li t-tabib se jitolbok 9.31 Ewro u mhux ta’ l-inqas 9.50 Ewro u x’aktarx 10 Ewro?


L-istess avukati, mekkaniks, dentisti, bajjada, eċċ., eċċ. 

 

Ara dwar il-prezzijiet tas-servizzi ma kitbu xejn l-għorrief tan-NECC. 

 

Jew se jġiegħlu lit-tobba, l-avukati, il-mekkaniks, id-dentisti, il-bajjada, eċċ., eċċ., jagħmlu tabella fuq il-pavru jew idendluha m’għonqhom?

 

Għal Diċembru kitbu:

“Dan hu pass storiku li jmiss… Ejjew niċċelebraw il-wasla ta’ l-Ewro flimkien”. 

 

Il-kumment tagħna hu: 

“Kważi jridu jqabblu d-dħul ta’ l-Ewro f’pajjiżna mad-dħul tal-Konvoj ta’ Santa Marija fil-Port il-Kbir fil-15 ta’ Awissu, 1942. 

 

Dak in-nhar il-konvoj salvana kemm mill-guħ kif ukoll li Malta ma ċċedix u tittieħed mill-forzi Nazisti u Faxxisti.


Qegħdin ipinġu l-Ewro bħala xi ħaġa li se ssalvana wkoll u ma jibqax pajjiż tas-sekonda klassi għax issa se “niggradwaw”. 

 

Li se jiġri huwa li se jneżżgħuna libsa prezzjuza li kienet tagħtina kontroll fuq l-ekonomija tagħna u tagħrafna mill-popli l-oħrajn tad-dinja, biex flokha nilbsu bilfors uniformi li se jkunu qegħdin jilbsuha xi 350 miljun ruħ oħra fl-Ewropa.

U minn fuq, il-kumitat tan-NECC iriduna niċċelebraw. 

 

Li huma għandhom għal x’hiex jiċċelebraw, nifhmuha, għax naħsbu qegħdin jitħallsu tajjeb. 

 

Iżda li l-poplu Malti jiċċelebra għax wara li tilef l-Indipendenza u l-Ħelsien, issa se jitlef ukoll parti importanti mill-identità tiegħu, hija ħaġa tal-ġenn!

 

Il-Ħamis, 11 ta’ Jannar, 2007.

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ