MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.
Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000
Il-Kostituzzjoni
ta’ l-UE toħdilna jeddijietna
Skond rapport maħruġ min-National Platform EU Research and Information Centre ta’ l-Irlanda, jekk il-Kostituzzjoni ġida ta‘ l-Unjoni Ewropea ma tkunx approvata mill-pajjiżi membri kollha ta‘ l-Unjoni, l-Unjoni tibqa’ titmexxa kif hija mmexxija llum.
Dan juri li hemm alternattiva għall-Kostituzzjoni ġdida.
L-alternattiva
hija kif inhi l-Unjoni Ewropea llum.
Ir-rapport Irlandiż jgħid li l-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea fil-fatt twaqqaf Unjoni ġdida differenti minn dik tal-lum.
Kemm mil-lat
tal-liġi, kif ukoll mil-lat politiku, l-Unjoni Ewropea li titwaqqaf meta
l-Kostituzzjoni ġdida tidħol fis-seħħ, tkun Unjoni ġdida,
differenti minn dik li teżisti llum.
L-Unjoni Ewropea mwaqqfa bil-Kostituzzjoni ġdida tkun stat ieħor
Ewropew, differenti mill-Istati membri ta’ l-Unjoni.
Infatti l-istati
membri ta’ l-Unjoni jsiru skond il-liġi kostituzzjonali, reġjonali u
provinċji.
Fl-istess ħin il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni titqies li hija
l-għejjun ta’ kull setgħa legali fl-Unjoni, minflok
il-kostituzzjonijiet preżenti ta’ l-istati membri li llum jitqiesu li
huma l-għejjun tas-setgħa legali fl-istati membri.
Il-Kostituzzjoni
ġdida ta’ l-Unjoni ssir parti mill-Kostituzzjoni ta’ kull pajjiż
membru ta’ l-Unjoni u l-ebda pajjiż membru ma jkun jista’ jibdel xi
ħaġa minn dik il-Kostituzzjoni, mingħajr ma jkunu jaqblu l-pajjiżi
membri l-oħrajn kollha.
Bidla
fundamentali
Il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni mhix biss ġabra tar-regoli li l-Unjoni għandha llum, iżda se toħloq stat ġdid, “superpower” ieħor fid-dinja.
Fil-waqt li llum
l-Unjoni Ewropea teżisti bħala għaqda ta’ koperazzjoni bejn
stati, il-Kostituzzjoni ġdida tagħmilha stat kemm legalment kif ukoll
politikament, billi twaqqafha bħala stat distint mill-istati membri.
Illum l-istati membri ta’ l-Unjoni huma aqwa mill-Unjoni.
Bil-Kostituzzjoni ġdida, l-Unjoni Ewropea se ssir aqwa mill-istati membri.
Għalhekk
il-Kostituzzjoni ġdida tgħid li hija u l-liġijiet li l-Unjoni tagħmel
huma fuq il-liġijiet (u anki l-Kostituzzjonijiet) ta’ l-istati membri.
Jekk il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea tkun approvata, l-istati membri
jkunu abbandunaw id-demokrazija nazzjonali tagħhom, is-sovranità u
l-indipendenza tagħhom, u jkunu aċċettaw li jaqgħu taħt
stat superjuri għalihom.
Dan jammettuh
mexxejja politiċi ta’ pajjiżi membri ta’ l-Unjoni.
Il-Prim Ministru Belġjan, Guy Verhofsadt, għadu kif stqarr li
l-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni hija l-ġebla li fuqha qiegħed
jinbena l-istat Federali Ewropew.
L-għajb huwa li ftit jafu dan.
Infatti, Jean-Luc Dehaene, wieħed mill-viċi-presidenti tal-Konvenzjoni li fasslet l-abbozz tal-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni, ammetta li disgħa minn għaxra tal-poplu ma jkunx qara l-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni u jivvotaw skond ma jgħidulhom il-politiċi u skond ma jiktbu l-ġurnali.
Ma qalx biss
dan, iżda azzarda jgħid li jekk il-poplu jivvota kontra
l-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni, aktarx li terġa’ ssir
votazzjoni oħra, għax huwa assolutament meħtieġ li l-poplu
jgħid ‘iva’ għall-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni.
Dan il-kliem ta’ Jean-Luc Dehaene, li fl-imgħoddi kien anki Prim Ministru
tal-Belġjum, jikxfu li huwa joqgħod għar-rieda demokratika tal-maġġoranza,
meta din taqbel mar-rieda tiegħu.
Meta ma taqbilx,
ma jaċċettahix, u l-poplu jerġa’ jiġi mġiegħel
jivvota.
Tul
esaġerat
Kif juri
r-rapport Irlandiż dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea,
din hemm fiha mdaħħlin madwar il-mitt elf paġna tal-liġijiet
li saru mill-Unjoni Ewropea sal-lum, biex dawn issa jkollhom is-supremazija li
tagħtihom Kostituzzjoni.
Fl-istess ħin, il-Kostituzzjoni tisraq madwar 40 oqsma oħrajn li llum
huma fis-setgħa tal-gvernijiet tal-pajjiżi membri u bil-Kostituzzjoni
qegħdin jingħataw lill-Unjoni Ewropea ħalli tikkmandahom hi u
mhux il-gvernijiet tal-pajjiżi membri.
Il-parlamenti tal-pajjiżi membri jkollhom jobdu l-liġijiet li jagħmlu
l-25 Kummissarji Ewropej u l-25 Ministri li jiffurmaw il-Kunsilli tal-Ministri
fi Brussels, mgħejjunin mill-burokrazija kbira ta’ l-Unjoni Ewropea.
Hija ħrafa li tgħid li b’daqshekk il-pajjiżi membri jkunu qegħdin
jgħaqqdu flimkien is-sovranità tagħhom. Sovranità tfisser li poplu
jkollu s-setgħa li jiggverna lilu nnifsu.
Bil-Kostituzzjoni,
f’għadd ħafna akbar ta’ oqsma, il-popli ma jibqgħalhomx
is-setgħa li jiggvernaw lilhom infushom huma.
Is-setgħa bil-Kostituzzjoni ġdida tgħaddi għand
l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea, li huma differenti u distinti
mill-Parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi membri maħturin mill-popli
ta’ dawn il-pajjiżi.
Fl-oqsma li l-Kostituzzjoni ġdida tgħaddi lill-Unjoni, is-sovranità
tittieħed mill-pajjiżi membri u tgħaddi għand
l-Unjoni.
Dan mhux
‘pooling of sovreignty’ iżda ‘transfer of sovreignty’.
Minn pajjiżi indipendenti, il-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni se jsiru
dipendenti mill-Unjoni u kkmandati minn
Se jitilfu
jeddijiet, l-aqwa fosthom, il-jedd li jmexxu lilhom infushom.
Inwiegbu
lill-MIC
Iċ-Ċentru ta’ l-Informazzjoni Malta-EU (il-MIC) ix-xahar li għadda
wieġbu mistoqsija li għamlu huma stess f’ġurnal bl-Ingliż
b’dan il-mod.
Għad-domanda “X’differenza tagħmilli ċ-ċittadinanza ta’ l-UE bħala ċittadin Malti?”, il-MIC taw din it-tweġiba:
“Tagħmel
differenza. Il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE ssemmi għadd ta’
drittijiet u fosthom hemm id-dritt li tmur toqgħod bla xkiel fl-istati
membri, id-dritt li tivvota u toħroġ kandidat għall-elezzjoni
tal-Parlament Ewropew u għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fl-istat membru
fejn tkun toqgħod, taħt l-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini
ta’ dak l-istat.”
Il-kummenti
tas-CNI
L-ewwelnett, bħalma l-Maltin u l-Għawdxin għandna dritt li
mmorru noqogħdu u naħdmu f’kull stat membru ta’ l-Unjoni, l-istess
għandhom iċ-ċittadini kollha ta’ l-istati membri kollha li jiġu
joqogħdu u jaħdmu hawn Malta.
U billi pajjiżna
huwa l- iċken pajjiż fid-daqs u għandna l-akbar popolazzjoni
skond id-daqs, l-effett ta’ dan id-dritt li jissejjah, id-dritt tal-moviment
ħieles tal-persuni, lilna jolqotna ferm aktar ħażin milli jolqot
lill-istati membri l-oħrajn.
Fit-tieni lok għandu jingħad li għax issa sirna wkoll ċittadini
ta’ l-UE, tlifna l-aqwa dritt li kellna sa l-1 ta’ Mejju 2004, li kien
id-dritt li bil-vot tagħna niddeċiedu mhux biss min se jiggvernana, iżda
anki xi programm se jwettaq.
Issa f’ħafna
ħwejjeġ, tiddeċiedi l-Unjoni x’se jsir.
Tlifna wkoll id-dritt li jekk ma jogħġbuniex il-liġijiet magħmulin
minn min ikun tellajna fil-Gvern, nistgħu nibdluhom billi fl-elezzjoni
ta’ wara, intellgħu lil min jaqbel li jibdilhom.
Fi ftit kliem, tlifna li l-liġijiet li jkollna nobdu, ikunu magħmulin
mill-Maltin għall-Maltin.
Dawn huma tnejn mill-konsegwenzi ħżiena taċ-ċittadinanza
ta’ l-Unjoni Ewropea li l-MIC jinjoraw.
L-Istat
tal-Vatikan barra l-Unjoni Ewropea
L-Aggornat tal-MIC ħabbar li l-Papa bierek il-Kostituzzjoni ġdida
ta’ l-Unjoni Ewropea.
Ma qalux il-MIC
kemm il-Papa lmenta li l-Unjoni Ewropea rrifjutat li ssemmi t-twemmin Nisrani
fil-Kostituzzjoni tagħha.
Ma qalx lanqas kemm il-Papa lmenta li l-Parlament Ewropew ma riedx jaċċetta
lill-Ministru Taljan Rocco Buttiglione bħala wieħed mill-Kummissarji
Ewropej minħabba t-twemmin Kattoliku tiegħu dwar l-omosesswali u
l-ommijiet mhux miżżewġin.
Ahna nifhmu li l-Istat tal-Vatikan ikun favur l-għaqda u l-koperazzjoni
bejn il-pajjiżi ta’ l-Ewropa minflok firda u gwerer.
Iżda ma nifhmux li l-għaqda u l-koperazzjoni tal-pajjiżi ta’ l-Ewropa għandha tkun mibnija fuq politika ekonomika li hija kontra l-prinċipji soċjali Nsara.
Lanqas nifhmu
kif il-Vatikan jista’ jbierek il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea tas-suq li
jikkmanda l-bniedem, minflok li l-bniedem jirregola s-suq.
Ma nifhmux kif il-Vatikan jista’ jkun favur li l-Unjoni Ewropea tonfoq
il-biljuni fl-armamenti u fil-bini ta’ l-armata Ewropea, meta dawk il-biljuni
jistgħu jintefqu aħjar biex jittaffa l-ġuħ ta’ tant
miljuni u jitfejjaq il-mard ta’ tant tfal li jmutu qabel jikbru mifnijin
bil-mard.
Għaliex l-Istat tal-Vatikan qatt ma tħajjar jissieħeb fl-Unjoni
Ewropea, jekk l-Unjoni hija xi ħaġa tant tajba u ta’ min ifaħħarha?
It-tweġiba hija faċli ħafna.
* L-Unjoni Ewropea ma timxix skond il-valuri u l-morali Nsara.
* M’għandhiex ruħ.
*
Għandha stonku.
*
L-alla tagħha huwa l-profitt materjali.
* Hija art tal-missjoni għall-Knisja Kattolika.
* Il-Papa kemm-il darba qal dan.
*
Il-MIC qatt ma
qalu dan.
Il-maġġoranza
kontra l-Kostituzzjoni ta’ l-UE
Il-Kostituzzjoni ta’ Malta hija l-ogħla liġi tagħna.
Hekk ftehmna li għandha tkun.
Ma naċċettawx li liġi barranija li ma taqbilx mal-Kostituzzjoni tagħna, tkun aqwa minnha u tegħlibha.
Żgur li kważi
l-poplu kollu jaqbel ma’ dan u ma jridx li jkollu jobdi liġi li tkun
kontra dak li tgħid il-Kostituzzjoni Maltija.
Iżda l-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea tgħid li liġi
magħmula mill-Unjoni li ma tkunx taqbel mal-Kostituzzjoni ta’ Malta, tiġi
fuq il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna u tegħlibha.
Ebda Malti li ma hux mibjugħ ma jista’ jaċċetta dan.
Fuq din
il-pretensjoni biss, il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea ma jmissha qatt
ġiet iffirmata mill-Prim Ministru Malti u mill-Ministru ta’ l-Affarijiet
Barranin tagħna.
Minkejja li l-Prim Ministru u l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin iffirmaw
il-Kostituzzjoni ta’ l-UE, li tgħid li l-liġijiet ta’ l-Unjoni
huma aqwa mill-Kostituzzjoni ta’ Malta, xorta waħda l-Kostituzzjoni ta’
Malta tibqa’ aqwa minnhom u fuqhom sakemm ma tinbidilx mill-Parlament Malti.
Biex il-Kostituzzjoni ta’ Malta tinbidel, irid ikun hemm maġġoranza
ta’ tnejn minn kull tliet membri tal-Parlament li jivvotaw favur
it-tibdil.
Maġġoranza sempliċi ma tibdilx il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
L-Unjoni Ewropea
m’għandhiex is-saħħa tibdel il-Kostituzzjoni Maltija.
Lanqas il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea m’għandha ssaħħa
tegħleb il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Tnejn minn
tlieta tal-Membri tal-Parlament Malti biss jistgħu jagħmlu li l-liġijiet
ta’ l-Unjoni Ewropea jegħlbu lill-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Il-maġġoranza
kontra
Għalkemm il-Prim Ministru jgħid li jistenna li jkun hemm
kunsens dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea, huwa jaf li
l-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti ma taqbilx li l-liġijiet
ta’ l-Unjoni Ewropea jkunu aqwa mill-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Jaf dan għax
jaf li madwar għaxra fil-mija ta’ dawk li vvotaw favur is-sħubija
ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, illum kieku kellhom jivvotaw, jivvotaw kontra.
Illum nistgħu ngħidu li l-maġġoranza tal-poplu hija kontra
s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Il-folja diġà nqalbet meta lanqas ilna 20 xahar minn mindu sar ir-Referendum dwar is-sħubija.
Għalhekk
min fil-Parlament se jivvota favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni,
mhux se jogħġob lill-maġġoranza tal-poplu.
Aktar u aktar meta wieħed jiftakar li anke min huwa favur is-sħubija,
mhux bilfors jaqbel mal-kwalità ta’ Kostituzzjoni li l-Unjoni Ewropea
fasslet.
Ħaġa hemm ċara ħafna.
Min ma jivvotax favur il-Kostituzzjoni, ma jkunx qed jgħid LE għas-sħubija fl-Unjoni.
Iżda min jivvota favuriha, ikun qiegħed jgħid LE għall-Kostituzzjoni ta’ Malta.
L-Erbgħa, 10 ta’ Novembru, 2004.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ..................................................
ID Numru...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ