MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAHDMU BIEX NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

  Kontra l-ftehim ta’ sħubija fl-UE

 

Jiżbalja min jaħseb li l-oppożizzjoni tagħna għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea se tiddgħajjef wara li fis-6 ta’ Lulju li għadda l-Parlament Malti vvota favur il-ftehim tas-sħubija tas-16 ta’ April 2003.

 

Konna kontra s-sħubija fl-Unjoni u għadna aktar kontra issa li l-poplu beda jġarrab l-imrar tas-sensji, tnaqqis tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, żidiet fl-għoli tal-ħajja u piżijiet oħra kollha konsegwenzi tas-sħubija fl-Unjoni.

 

‘Il quddiem fi ħsiebna nkabbru l-oppożizzjoni tagħna għas-sħubija fl-Unjoni, aktar ma l-poplu u partikolarment il-familji tal-ħaddiema u taż-żagħar fis-soċjeta` jintagħfsu 

b’aktar taxxi, 

bil-ħlasijiet għas-servizzi soċjali pprovduti qabel b’xejn mill-Istat u 

b’kundizzjonijiet agħar tal-pensjonijet: 

dawn kollha miżuri li jkollhom jittieħdu minħabba s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

 

Nibqgħu nsostnu li l-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni għandu jinbidel fi ftehim ta’ sħubija ma’ l-Unjoni. 

 

B’hekk, rajna jerġa’ jiġi f’idejna. 

 

Nerġgħu niksbu l-Indipendenza u l-Ħelsien għal pajjiżna. 

 

Pajjiżna jkun jista’ jaħdem attivament għall-paċi u jħaddem politika ta’ newtralita` li biha jħares is-sliem għall-poplu tagħna. 

 

Skond il-kundizzjonijiet tal-ftehim u r-regoli tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, l-impiegi fis-settur pubbliku jridu jonqsu, l-ispiża għas-servizzi soċjali u l-welfare state trid tiċkien u s-servizzi jridu jingħataw bil-ħlas. 

 

Isaltan is-suq ħieles u l-kompetizzjoni bla rażan, minflok il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u d-dinjita` tal-bniedem.

 

Bil-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni, pajjiżna jkollu jitmexxa skond il-politika li l-Unjoni tiddeċiedi, mhux skond il-politika li minn żmien għal żmien il-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin tagħżel fl-elezzjonijiet ġenerali.

 

Hekk kif sentejn ilu l-maġġoranza tal-poplu aċċettat li dan iseħħ, f’sentejn oħra l-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin għandha dritt tiddeċiedi li dan ma jkomplix iseħħ. 

 

L-għan tagħna huwa li tinbena din il-maġġoranza popolari f’pajjiżna bħal ma ġara fi Franza u fl-Olanda kontra l-ħakma arroganti u burokratika ta’ l-Unjoni Ewropea u l-politika anti-soċjali tagħha.

 

Il-poplu Franċiż u Olandiż mhux kontra l-paċi u mhux kontra l-koperazzjoni fejjieda bejn il-pajjiżi ta’ l-Ewropa, iżda kontra r-regoli u t-tmexxija ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

L-istess ħaġa aħna. 

 

Aħna rridu l-paċi u l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea u tad-dinja kollha. 

 

Għalhekk aħna favur ftehim ta’ sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Ħalli bħala Stat Indipendenti, Ħieles u Sovran, permezz tal-politika tan- newtralita`, naħdmu mal-pajjiżi l-oħra ta’ l-Unjoni Ewropea għal dawn l-għanijiet mingħajr ma nfarrku lill-pajjiżna kif il-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea qiegħed jagħmel.

 

Favur ftehim ta’ sħubija ma’ l-UE

 

Aħna favur ftehim ta’ sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea, mhux wieħed ta’ sħubija fl-Unjoni.

Għax sħubija fl-Unjoni tfisser li l-Unjoni tikkmanda u rajna ma jkunx f’idejna. 

 

Mentri sħubija ma’ l-Unjoni tfisser li nibqgħu Indipendenti, Ħielsa u Sovrani, u niftehmu ma l-Unjoni fejn jaqbel lilna u lilha, u fejn ma jaqblilniex, nagħmlu dak li jkun fl-interess ta’ pajjiżna, u l-Unjoni ma tistax twaqqafna.

 

Għalhekk aħna rridu naħdmu ħalli nfehmu lill-maġġoranza tal-Maltin u Għawdxin – Nazzjonalisti u Laburisti u ta’ l-Alternattiva – li għall-ġid tal-poplu tagħna u biex inkunu nistgħu lkoll nimxu ‘l quddiem, mhux ftit igawdu u ‘l ħafna jbagħtu, għandna nbiddlu l-ftehim ta’ sħubija fl-Unjoni f’wieħed ta’ sħubija ma’ l-Unjoni.

 

Bi ftehim ta’ sħubija ma’ l-Unjoni minflok fl-Unjoni, ma jibqgħux il-funzjonarji u l-burokratiċi ta’ Brussels jiddeċiedi għalina l-Maltin, ma jkollniex aħna bilfors nilbsu l-istess libsa li l-Unjoni tfassal għall-pajjiżi membri kollha tagħha, żgħar u kbar l-istess. 

 

Ma jibqgħux iż-żgħażagħ tagħna li qegħdin ifittxu x-xogħol għall-ewwel darba, il-ħaddiema, l-impjegati, is-self employed u ż-żgħar, iqisu li huma ttrattati skond il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod li l-interessi tagħhom jiġu wara l-interessi tan-negozji kbar li hawn fl-Unjoni, tas-suq ħieles u tal-kummerċ liberalizzat.

 

Bi ftehim ta’ sħubija ma’ l-Unjoni, minflok wieħed ta’ sħubija fl-Unjoni kif għamilna, aħna l-Maltin inkunu nistgħu nwettqu miżuri li sħubija fl-Unjoni ma tippermettilniex, biex nilqgħu għall-globalizzazzjoni li biha l-kapitalisti ta’ l-Unjoni qegħdin jieħdu x-xogħol mill-pajjiżi Ewropej (inkluż Malta) għall-pajjiżi fejn il-ħaddiema għandhom pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol mhux aħjar minn ta’ skjavi.

 

Jekk ikollna ftehim ta’ sħubija ma’ l-Unjoni, inkunu nistgħu ma nżarmawx il-‘welfare state’ kif l-Unjoni tridna nagħmlu. 

 

Ma jkollniex bilfors malajr inbiddlu l-kundizzjonijiet tal-pensjonijiet kif l-Unjoni qegħda ġġiegħel lill-Gvern li jagħmel. 

 

Il-Gvern ma jkollux inaqqas is-servizzi li jipprovdi liċ-ċittadini u jabdika minn funzjonijiet soċjali li l-Unjoni trid li jkunu f’idejn il-privat li jmexxihom bl-għan li jagħmel profitti.

 

Fuq kollox, bi ftehim ta’ sħubija ma’, u mhux wieħed ta’ sħubija fl-Unjoni, din ma tkunx tista’ timpedina milli nagħtu l-inċentivi u l-għajnuniet li jkunu meħtieġa ħalli ma nħallux l-impriżi jitilqu minn pajjiżna għal pajjiżi oħra barra mill-Unjoni, u ħalli nerġgħu niġbdu lejn pajjiżna investiment produttiv ġdid ħalli nkattru x-xogħol u noħolqu l-impjiegi. 

 

Il-ftehim ta’ sħubija fl-Unjoni ma jħalliniex nagħmlu dan bl-iskuża li noħolqu distorsjoni għall-kompetizzjoni.

 

U mingħajr ir-rabta ta’ sħubija fl-Unjoni nkunu nistgħu nagħmlu ftehim ma’ kull pajjiż ieħor kif jaqblilna, bħal fil-każ tal-ftehim mal-Libja dwar iż-żejt.

 

Nistgħu nagħmlu sħab ma’ l-Unjoni Ewropea mingħajr ma nkunu parti minnha. 

 

Jaqblilna nkunu hekk anki għall-ħarsien tal-poplu tagħna mit-theddid ta’ attakki u attentati li ħafna mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni qegħdin iġarrbu. 

 

Għalhekk għandna d-dmir li naħdmu ħalli nbiddlu l-ftehim li għamilna fl-2003 li qiegħed joħnoqna.

 

Sirna Ewropej aktar mill-UE

 

L-akbar trade union fir-Renju Unit (UK), il-UNISON, fil-Konferenza Ġenerali Annwali tagħha ddeċidiet li għandha topponi l-politika ta’ l-UE ta’ liberalizzazzjoni u s-suq ħieles u għaddiet mozzjoni b’appoġġ għall-vot LE għall-Kostituzzjoni Ewropea tal-Franċiżi u l-Olandiżi.

 

Fil-każ ta’ trade union oħra qawwija, il-Public and Commercial Services Union (PSC), id-delegati kważi unanimament ivvotaw li jekk isir referendum dwar il-Kostituzzjoni Ewropea, iħeġġu lill-poplu jivvota LE.

 

Hemm trade unions oħra li jopponu l-Kostituzzjoni Ewropea. 

 

Il-Prim Ministru Ingliż, Tony Blair ixxukkjat bir-riżultat ta’ Franza u ta’ l-Olanda, malajr ħassar ir-referendum li kien wiegħed li se jagħmel fir-Rebbiegħa li ġejja.

 

F’Malta bqajna għaddejjin bir-ratifika tal-Kostituzzjoni Ewropea mejta, qisu ma ġara xejn. 

 

Imkien ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ma saret b’vot unanimu bħal Malta. 

 

Qabel il-Maltin konna magħrufa bħala “Kattoliċi aktar mill-Papa”. 

 

Issa l-politiċi Maltin saru magħrufa bħala “Ewropej aktar mill-mexxejja ta’ l-UE”.

 

Nuqqasijiet tal-Kostituzzjoni Ewropea

 

Il-Partit Demokratiku Kristjan (KDH) tas-Slovakkja, ivvota kontra r-ratifika tal-Kostituzzjoni Ewropea.

 

Skond il-mexxej tal-KDH, Pavol Hrusousky, il-partit ivvota LE, minħabba n-nuqqas ta’ demokrazija, in-nuqqas ta’ Kristjanita` u n-nuqqas ta’ onesta` tal-Kostituzzjoni Ewropea.

 

Ħaġa ta’ l-iskantament kif ħadd mill-politiċi Maltin ma kellu l-kuraġġ isemmi li hemm xi ħaġa ħażina fil-Kostituzzjoni Ewropea!

Nistaqsu

Il-kriżi ta’ l-UE dwar il-Kostituzzjoni u l-Budget. 

GĦOQDA flok GĦAQDA Ewropea?

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min KISER il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

L-Erbgħa, 10 ta’ Awissu, 2005.

<< Lura http://www.cnimalta.org/2005.html

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ