MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek
‘Downsizing’ bl-iskop li jkisser it-Tarzna
Fil-11 ta’
Frar, xahar qabel l-Elezzjoni Ġenerali, il_prim Ministru Gonzi, f’xandira
televiżiva organizzata mill_Awtorita’ tax-Xandir, saħaq li ma kienx
hemm ħsieb ta’ ‘downsizing’ tat-Tarzna.
F’ittra li bagħat lill-ħaddiema tat-Tarzna qabel l-Elezzjoni Gonzi assigurahom mix-xogħol tagħhom fil-futur.
Iżda fit-18 ta’ Ġunju, tliet xhur wara l-Elezzjoni, il-Prim Ministru, f’konferenza ta’ l-aħbarijiet mar lura mill-assigurazzjonijiet tiegħu u
* ħabbar l-ewwel ‘downsizing’ tat-Tarzna,
* billi joħdilha l-Boiler Wharf u
* bit-tneħħija tat-Tank Cleaning Farm mir-Ricasoli.
Għalhekk Gonzi ma żammx il-wegħda li mhux se jkun hemm ‘downsizing’ tat-Tarzna u huwa tilef il-kredibilita’ mal-ħaddiema.
Id-deċiżjoni
* li jonqsu l-ħaddiema tas-sengħa,
* li jittieħed il-moll tal-Boiler Wharf u
* li jitneħħa t-Tank Cleaning Farm tar-Ricasoli
se jagħtu daqqa ta’ ħarta kbira lit-Tarzna fil-ġejjieni.
Biex it-Tarzna taħdem tajjeb,irid ikollha l-ħaddiema tas-sengħa li teħtieġ ħalli tidħol għal xogħlijiet kbar.
Il-volum ta’ xogħol li t-Tarzna tagħmel llum, iġegħla tqabbad madwar 300 ‘casual’ il-ħin kollu.
Jekk tnaqqas in-numru ta’ ħaddiema tas-sengħa li hemm illum, it-Tarzna jkollha tnaqqs l-ammont ta’ xogħol li jsir illum u b’hekk tidgħajjef u mhux tissaħħaħ.
Biex it-Tarzna tħaddem baċir bi profitt, trid ikollha moll fejn torbot vapur li joħroġ minn baċir fejn ikun sar xogħol fuqu, ħalli jkompli jsir xogħol ‘afloat’.
It-Tarzna titlef jekk għal xogħol li jista’ jsir fuq vapur li jkun marbut mal-moll, il-vapur jinżamm fil-baċir.
Għax ikun qiegħed itellef li jiddaħħal vapur ieħor fil-baċir, waqt li fuq l-ewwel vapur isir ix-xogħol ‘afloat’.
Għalhekk ikun ta’ telf għat-Tarzna jekk jittieħdilha l-Boiler Wharf li huwa essenzjali għat-tkomplija tax-xogħol fuq il-vapuri li jiddaħħlu fil-baċir numru tlieta.
Kull xiber moll huwa imprezzabbli għal tarzna u aktar ma tarzna jkollha mollijiet aktar tista’ tagħmel xogħlijiet fl-istess ħin.
Li tnaqqas moll mit-Tarzna, ifisser li trid tnaqqsilha l-ammont ta’ xogħol li kapaċi tagħmel.
It-Tarzna ta’ Malta qegħda fit-tokk tar-rotot ta’ eluf ta’ vapuri u tankers li jaqsmu l-Mediterran u għalhekk għandha opportunita’ li tingħata tagħmel xogħol ta’ tiswija li l-vapuri u t-tankers jeħtieġu minn żmien għal żmien.
Ħafna minnhom ikollhom jitnaddfu miż-żjut u l-gassijiet qabel jibda jsir xogħol fuqhom.
Dan it-tindif it-Tarzna tagħmlu fit-Tank Cleaning Farm tar-Ricosali li huwa ta’ siwi kbir għat-Tarzna.
It-Tarzna ilha ssib intoppi biex tuża t-Tank Cleaning Farm għax il-Gvern ilu jiprova jdaħħal kuntrattur privat jagħmel ix-xogħol hu minflok it-Tarzna.
Issa l-Gvern iddeċieda li jtellef lit-Tarzna x-xogħol li jsir fit-Tank Cleaning Farm fir-Ricasoli u b’din il-mossa, se jnaqqas ix-xogħol u d-dħul tat-Tarzna, ħalli jgawdi kuntrattur privat li jingħata x-xogħol tat-tindif tal-vapuri u tankers miż-żjut u gassijiet, minflok li dan ix-xogħol jibqa’ jsir mill-ħaddiema tat-Tarzna.
Dawk
kollha li jifhmu fix-xogħol tat-Tarzna u li huma ġenwini fl-opinjonijiet
tagħhom, jikkundannaw it-tliet deċiżjonijiet tal-Gvern ta’
Gonzi,
* li jonqos in-numru ta’ ħaddiema tas-sengħa,
* li jittieħed il-Boiler Wharf u
* li jitneħħa t-Tank Cleaning Farm tar-Ricasoli.
It-tliet miżuri huma maħsuba biex iwettqu pjan li jkisser it-Tarzna, bi ħsara għal-pajjiżna, li għandu bżonn li t-Tarzna tissaħħaħ u tkompli trawwem aktar ħaddiema tas-sengħa li l-pajjiż avvanzat u industrijalizzat jeħtieġ li jkollu jekk irid jkomplu jiżviluppa ekonomikament, mingħajr ma jkollu jiddependi fuq ħaddiema tas-sengħa barranin.
It-tliet deċiżjonijiet ma ttieħdux fl-interess nazzjonali.
Jistgħu jogħġbu lill-UE iżda ma jagħmlux ġid lill-poplu tagħna.
Il-Gvern qed jagħmel is-somon ħżiena dwar it-Tarzna.
Mhux minnu dak li qal, li l-kaxxa ta’ Malta tilfet madwar 100 miljun Ewro minn kemm ilha li twaqqfet il-kumpanija l-Malta Shipyards Ltd fl-2003.
Jekk il-Gvern ħareġ 100 miljun Ewro mill-pagi li tħallsu lill-ħaddiema mill-2003 ‘l hawn, il-Gvern daħħal dak l-ammont kollu direttament mit-taxxi u l-kontribuzzjonijiet għas-sigurta’ soċjali.
Jekk nieħdu li t-total tal-pagi li tħallsu lill-ħaddiema tal-kumpanija kienu 300 miljun Ewro, li minnhom il-Gvern ħareġ 100 miljun Ewro, il-gvern daħħal 20% mill-pagi, f’kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Soċjali (10% tal-pagi ħallsuhom il-ħaddiema u 10% fuq il-pagi tħallsu mill-kumpanija).
Il-Gvern għalhekk daħħal 60 miljun Ewro (20% ta’ 300 miljun) Ewro ta’ kontribuzzjonijiet għas-Sigurta’ Soċjali.
Mit-300 miljun Ewro mħallsin f’pagi, wara li jinqatgħu t-30 miljun Ewro kontribuzzjonijiet tal-ħaddiema, dawn baqghalhom fi bwiethom 270 miljun Ewro.
Jekk il-ħaddiema tat-Tarzna ħallsu medja ta’ 10 fil-mija taxxa ta’ dħul (income tax), il-Gvern daħħal minn għandhom 27 miljun Ewro oġħra taxxa tad-dħul.
Jekk il-ħaddiema tat-Tarzna , wara li ħallsu l-income tax, baqgħalhom 243 miljun Ewro (270 miljun minus 27 miljun), nieħdu li dawn nefqu nofshom, jiġifieri 121.5 miljun Ewro fi prodotti u servizzi li fuqhom tħallset it-taxxa tal-VAT ta’ 18%.
Dan ifisser li l-ħaddiema tat_Tarzna ħallsu lill-Gvern 21.87 miljun Ewro taxxa tal-VAT.
Mela għal 100 miljun Ewro li l-Gvern ħareġ għall-pagi tal-ħaddiema tat-Tarzna, il-Gvern daħħal 60 miljun Ewro f’kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Soċjali, 27 miljun Ewro f’taxxa tad-dħul (‘income tax’), u 21.87 miljun Ewro f’taxxa tal-VAT, b’kollox 108.87 miljun Ewro.
Ħareġ 100 miljun Ewro u daħħal 108.87 miljun Ewro meta tħallsu 300 miljun Ewro pagi lill-ħaddiema tat-Tarzna.
Il-kaxxa ta’ Mala marret 8.87 miljun Ewro minn fuq.


Wara d-damdima li ħadu l-Allat ta’ l-Unjoni Ewropea fi Brussels bil-vot “le” ta’ l-Irlandiżi u l-aħbar li anki r-Repubblika Ċeka aktarx ma tirratifikax it-Trattat ta’ Lisbona, waslet ukoll l-aħbar li kompliet ħasdet lill-Kummissjoni Ewropea u l-aktar lill-President Franċiż, Nicolas Sarkozy u l-Gvern tiegħu li fl-1 ta’ Lulju, ħadu l-Presidenza ta’ l-Unjoni Ewropea f’idejhom – dik li l-President Pollakk, Kaczynski, mhux lest jiffirma r-ratifika tat-Trattat ta’ Lisbona.
Ir-reazzjoni tal-President Franċiż kienet l-aktar waħda importanti minħabba l-fatt li issa Franza għandha l-Presidenza ta’ l-Unjoni Ewropea.
Sarkozy ġie kkwotat li qal li
“jidher il hemm xi ħaġa ħażina fl-Unjoni Ewropea. U ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea jidhru li qegġdin jiddubitaw fl-Unjoni Ewropea”.
Kliem ieħor li ġie kkwotat li qal Sarkozy kien dan:
“Hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tinbena mill-ġdid”.
Aħna tas-CNI żgur li naqblu ma’ dan il-kliem ta’ Nicolas Sarkozy, speċjalment meta qal li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tinbena mill-ġdid.
Aħna ngħidu li pero’, il-bini mill-pdid irid isir bl-approvazzjoni tal-popli ta’ l-istati membri u mhux jerġa’ jsir kif sar illum – minn wara dahar iċ-ċittadini u bl-approvazzjoni biss tal-politiċi.
Jekk ma jsirx hekk, il-proġett kbir ta’ bini ta’ l-Unjoni Ewropea bilfors jispiċċa jerġa’ jirrokka bħal ma rrokkat il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea u t-Trattat ta’ Lisbona.
Meta s-sinjuri politiċi Ewropej – inklużi l-politiċi Maltin – se jdaħħluha f’moħħhom li huma qegħdin fil-parlamenti differenti ta’ l-istess membri biex jirrappreżentaw ir-rieda tal-popli tagħhom, u mhux biex jagħmlu li jfettlilhom minkejja li spiss nisimgħuhom jgħidu li “jridu jkunu qrib iċ-ċittadin”.
Din l-aħbar
qrajniha fil-ġurnal Malta Today Mid-Week tal-15 ta’ Ġunju.
Tafu xi tfisser din l-aħbar għal pajjiżna?
Tfisser li jekk il-Prodott Gross Domestiku ta’ Malta jkun f’dan l-istess livell, jew aktarx aktar għoli minn hekk, fis-sena 2013, parti kbira mill-fondi strutturali li nirċievu mill-Unjoni Ewropea jkollhom jieqfu.
U b’hekk Malta tibda tħallas lill-Unjoni Ewropea ferm aktar flus milli tirċievi.
Issa aħna kemm-il darba wissejnikom li meta nikkalkolaw kollox –
* il-fondi li tlifna mill-Protokoll taljan,
* il-profitti li qed nitilfu mill-Bank Ċentrali wara li daħħalna l-Ewro,
* is-sussidji li qed iħallas il-Gvern għall-qasam agrikolu u
* l-miljuni li qed iħallas biex issotni l-istrutturi li ħoloq minħabba s-sħubija fl-Unjni Ewropea (mijiet ta’ civil servants f’Malta u barra minn Malta) eċċ,
Malta diġa tinsab minn taħt mil-lat finanzjarju ma l-Unjoni Ewropea.
Aħseb u ara kemm aktar se mmorru minn taħt wara s-sena 2013.
Għalhekk hi biss ħolma li fl-Unjoni Ewropea fil-futur il-poplu Malti se jkun qiegħed jgħix aħjar minn meta Malta konna rajna f’idejna, minflok bħal ma qiegħed issa pajjiż maħkum.
Dan il-kliem mhux aħna għednieh.
Qalu ħaddieħor qabel ir-Referendum.
U kellu mitt elf raġun jgħid hekk.
Il-Ħamis, 10 ta’ Lulju, 2008
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ