MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Il-politika tal-UE falliet

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

Biex il-banek ma jfallux, il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE avvanzawlhom biljuni ta’ ewro.

 

L-akbar eżempju huwa dak tal-Ġermanja, fejn il-Gvern ħareġ €98 biljun biex jgħin lill-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji.

 

F’ħafna każi, il-gvernijiet kellhom jissellfu biex jgħinu lill-banek.

 

Issa, bid-djun li l-gvernijiet għamlu, se jfallu l-ewro u biex ma jseħħx dan, qegħdin inaqqsu l-impjiegi u jagħfsu lill-poplu ż-żgħir b’miżuri ta’ awsterità.


Din hi storja kerha ta’ ċirku vizzjuż ta’ qerq u ta’ sfruttament li qiegħda tinħadem fl-UE.

 

Għax ta’ min jistaqsi, għand min marru l-biljuni li l-banek silfu fl-ewwel lok mid-depożiti magħmulin lilhom mill-poplu?

 

Ladarba l-banek kienu fil-periklu li jfallu, bilfors huma ma setgħux jiġbru lura l-flus li huma kienu sellfu.


Il-biljuni li l-banek sellfu u ma ġabrux lura, spiċċaw għand in-negozjanti tas-swieq finanzjarji internazzjonali li għandhom il-gvernijiet imorru biex jissellfu ħalli jistgħu jsalvaw lill-banek u b’hekk ma jħallux li l-poplu jitlef id-depożiti li jkun għamel fil-banek.


Issa l-gvernijiet,

* bil-miżuri ta’ awsterità,

* iridu li l-istess poplu jħallas

* id-djun li l-gvernijiet għamlu

* biex ma jintilfux flus il-poplu,

* billi l-istess poplu jħallas aktar taxxi,

* bħal żieda fir-rata tal-VAT,

* jaċċetta tnaqqis fil-pagi,

* fil-pensjonijiet u

* fil-benefiċċji soċjali.

 

Mela biex il-poplu ma jkunx tilef id-depożiti li kellu fil-banek,

* se jħallas lill-Gvern

* biż-żieda fit-taxxi

* u bit-tnaqqis fil-pagi,

* pensjonijiet u

* benefiċċji soċjali,

* ħalli l-Gvern iħallas lura d-dejn li għamel

* biex isalva l-banek u d-depożiti tal-poplu


Dan huwa ċ-ċirku vizzjuż ta’ qerq u sfruttament tal-poplu li qed iseħħ fl-UE.

 

 

Biex l-ewro ma tfallix

 

L-UE qiegħda tħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri jwettqu politika ta’ awsterità minħabba d-djun kbar li l-gvernijiet għamlu u biex l-ewro ma tfallix, kif stqarret l-istess Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel.

 

Politika ta’ awsterità fil-prattika għall-UE tfisser dħul inqas għall-ħaddiem u għaż-żgħir, jinħatt biċċa biċċa fl-istat soċjali u jiżdied il-qgħad.

 

B’dawn il-miżuri l-poplu jitlef ħafna minn dak li kiseb matul is-snin, qabel ma ssieħeb fl-UE u jerġa’ jsib ruħu lura fil-qagħda soċjali mwiegħra li kien fiha fis-snin tal-imgħaddi.


L-UE qiegħda tisħaq li l-gvernijiet tal-pajjiżi membri jnaqqsu l-iżbilanċ (defiċit) ta’ kull sena, kif ukoll l-ammont ta’ dejn nazzjonali li għandhom.

 

Sas-sena 2013 id-defiċit ma jridx ikun aktar minn 3% tal-ġid kollu li l-pajjiż jipproduċi f’sena (Prodott Gross Domestiku).

 

Biex d-defiċit ma jkunx aktar minn 3% tal-PGD, huwa stmat li l-pajjiżi taż-Żona Ewro u l-Ingilterra jridu jniżżlu d-defiċit tagħhom flimkien, b’total ta’ madwar €400 biljun.

 

L-Ingilterra trid tnaqqas id-defiċit b’€100 biljun,

* il-Portugall b’€2 biljun,

* il-Greċja bi €30 biljun,

* Franza trid tniżżel id-defiċit b’4% tal-PGD u

* l-Ġermanja trid tagħmel €60 biljun inqas dejn sas-sena 2016.

 

L-UE qiegħda tipproponi wkoll li tiżdied l-età tal-irtirar mix-xogħol billi titla’ għal 70 sena.

 

Ħsara lill-ekonomiji

 

Il-politika tal-UE

* fl-oqsma finanzjarji,

* ekonomiċi,

* industrijali u

* soċjali

* tagħmel ħerba sħiħa mill-ekonomiji

* u mill-qagħda soċjali tal-poplu tal-pajjiżi membri

* u b’mod partikolari taż-Żona Ewro.

 

B’effett tal-politika mħaddma mill-UE,

* id-dejn nazzjonali f’kull pajjiż tela’ mas-smewwiet,

* l-iżbilanċi kull sena kibru, l-attività produttiva naqset,

* il-qgħad żdied,

* il-faqar infirex

* u l-istat soċjali qed tinħatt biċċa biċċa

* u l-kotra tbaxxitilha l-livell tal-għajxien,

* intrapriżi għalqu fil-pajjiżi tal-UE

* biex fetħu f’pajjiżi barra l-UE,

* speċjalment fil-pajjiżi tal-Lvant imbiegħed.


Minflok l-UE tilħaq lill-Istati Uniti tal-Amerika u lil-Ġappun, dawn qegħdin jaqtgħuha aktar għax qegħdin jikbru b’rati akbar minn dawk li bihom l-UE qiegħda tikber.

 

Dan filwaqt li ċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil qegħdin jikbru saħansitra b’rata ħafna akbar anki fir-riċessjoni.

L-ewwel bil-kriżi finanzjarja,

* imbagħad bir-riċessjoni ekonomika

* u wara bil-piż tad-djun kbar nazzjonali

* u issa bil-periklu li xi pajjiżi tal-UE ifallu

* u bit-theddida li l-ewro tfalli,

* l-UE ddgħajfet immens.


L-inkwiet soċjali kbir li qed iqum f’ħafna pajjiżi tal-UE jixli l-politika mhux sostenibbli tagħha.

 

Nagħmlu sewwa jekk pajjiżna jarmi mill-aktar fis din il-politika ddettata mill-UE, dejjem jekk il-poplu tagħna ma jridx ikompli jegħreq mal-UE.


Pajjiżna se jkollu jiddejjen

* €66 miljun biex iħallashom lill-UE din is-sena,

* €74 miljun biex jgħin lill-Greċja

* u bejn €350 u €400 miljun

* biex tingħata għajnuna lill-pajjiżi oħrajn tal-UE li jkunu fi kriżi.

 

Jekk noħorġu mill-UE, neħilsu minn dawn il-piżijiet

 

Otto von Bismarck: bid-demm u l-ħadid

 

minn Charles Micallef, Kampanja Helsien Nazzjonali

 

Din li l-UE qiegħda tħeġġeġ u tordna lill-pajjiżi taż-Żona Ewro biex kemm jistgħu jkissru l-istat soċjali, filwaqt li ma tridx li titnaqqas in-nefqa militari ta’ kull pajjiż, tfakkarni li l-UE għadha tħaddan il-ħsieb Prussjan ta’ Otto von Bismarck (1815 – 1898), li kien “Mit Blut und Eisen” – Bid-demm u l-ħadid – b’referenza ċara għall-militariżmu Ġermaniż u l-gwerer fl-Ewropa.

 

Illum l-armati tal-pajjiżi Ewropej m’għadhomx jiġġieldu kontra xulxin bħall-imgħoddi.

 

Fil-Medju Evu, darba Franza u l-Ingliterra damu għaddejjin bi gwerra mitt sena.

 

Tajjeb li m’għadx hawn dawk il-gwerer, għax bihom jinqerdu eluf ta’ nies filwaqt li jmorru tajjeb is-sidien tal-fabbriki tal-armamenti, bħal Krup u mhux il-klassi tal-ħaddiema.

 

Iżda din li l-UE trid

* li jonqsu l-pagi,

* il-benefiċċji soċjali,

* il-pensjonijiet,

* is-servizzi tas-saħħa bla ħlas….

* Turi li hija aktar moħha fit-tixrid tad-demm u fil-ħadid tal-munizzjoni tal-gwerra fl-Iraq u fl-Afgħanistan, milli fil-ġid tal-klassi tal-ħaddiema.

 

Innotajt li meta l-UE qalet li trid li jitnaqqsu l-pagi tal-ħaddiema, ma smajthiex tgħid li jitnaqqsu wkoll is-salarji tal-Prim Ministri, Ministri u Presidenti.

 

Lanqas smajtha tikkritika l-korruzzjoni li taqtagħha b’sikkina u l-evażjoni tat-taxxi mill-kbar.

 

Mhumiex il-ħaddiema u ż-żgħir li jwettqu l-korruzzjoni u jevadu t-taxxi.

 

Huma s-sinjuri li jagħmlu dan u jfallu l-pajjiż.

 

L-UE donnha xejn m’għandha għal qalbha l-klassi tal-ħaddiema.

 

Donnha aktar tal-kapitalisti sfrenati li jemmnu li s-suq għandu jitħalla jsuq waħdu u bla ma jindaħallu ħadd.

 

Naħseb li huwa xireraq u wasal iż-żmien li l-folja tinqaleb favur il-klassi tal-ħaddiema Ewropej u fejn il-privat ma jasalx joħloq huwa l-impjieg għan-nies qegħda.

 

L-Istat għandu jidħol huwa għal min huwa bla xogħol u jista’ jaħdem.

 

Jekk kulħadd jaħdem, kulħadd iħallas il-bolla tas-Sigurta’ Nazzjonali u l-Income Tax u d-defiċit jinqata’ aktar malajr.

 

Issa faqqet il-kriżi tal-ewro u l-klassi tal-ħaddiema l-aktar li se tħallas għaliha.

 

Dwar l-ewro, naħseb li l-UE għamlet froġa sforz l-għaġġla li l-mexxejja tal-UE kellhom biex jaraw li l-UE jkollha munita waħda komuni.

 

X’naqsu li jagħmlu ?

 

Naqsu li jagħtuha żmien ta’ prova qabel jadottawha.

 

Vapur ġdid ma taqbadx tħaddmu bla ma tipprovah.

 

L-istess fil-każ ta’ xogħol kbir fuq bastiment fit-Tarzna.

 

Bastiment malli nlestuh, konna noħduh għat-testijiet, mhux f’baħar kalm tal-port imma f’baħar imqalleb, biex naraw jurix xi difett jew nuqqas meta jitfaċċa il-qilla tal-ħalel tal-maltemp.

 

Fil-każ tal-munita ewro, m’għamlux hekk.

 

Ma ttestjawhiex fil-maltemp tas-swieq finanzjarji u t-tisbit tal-ispekulaturi.

 

Issa l-ewro qed juri d-difetti tieħu u l-Kanċillier Ġermaniż waslet biex tgħid li jekk l-ewro tfalli, ifalli l-proġett tal-Unjoni Ewropea.

 

Kieku l-ewro għaddwewha mill-prova tal-maltemp finanzjarju, kieku a jingħadx diskors li tista’ tfalli.

 

Hawn nerġa’ niftakar fil-kliem ta’ Bismarck : “Mit Blud und Eisen” li l-UE tidher li qiegħda tadotta.

 

Nittama iżda li l-ħaddiema fl-UE ma jkollhomx għalfejn iċarċru demmhom (blut) biex iħarsu l-għajxien u l-interessi tagħhom u biex ma jkollhomx għalfejn jaqbdu l-armi tal-ħadid (eisen) biex jiddefendu lilhom infushom.

 

Il-klassi tal-ħaddiema

 

Iżda nistaqsi, x’importanza tagħti l-UE lejn il-ħarsien u l-interessi tal-ħaddiema?

 

Jidher li ma tantx tagħtihom importanza.

 

Fil-fatt Pascal Fontaine, fil-ktieb tiegħu dwar is-Schumann Declaration u l-Ewropa matul il-medda tas-snin 1950-2000, bit-titlu “A new idea for Europe” jikxef li l-UE m’għandhiex ix-xewqa li tħares l-interess u l-għixien tal-klassi tal-ħaddiema.

 

Għax huwa jikteb, dwar l-Ewropa tas-seklu 21, hemm tliet punti ewlenin :

* il-proċess tat-tkabbir tal-UE, li huwa jsejjaħ investiment fil-paċi;

* ir-riforma fl-istituzzjonijiet biex l-UE tkun b’saħħitha u demokratika,

* u l-għaqda politika biex tħares u tagħti sigurta’ soċjali tal-ħaddiema Ewropej.

 

Iżda tissemma biss is-sigurta’ fil-qasam militari.

 

Hawn tajjeb li jkolna sigurta’ fl-artijiet u fl-ibħra tagħna, iżda s-sigurta’ mhux qiegħda tissaħħaħ fl-UE b-invażjoni ta’ eluf ta’ immigranti illegali.

 

Anki fil-qasam tal-paċi ma kienx hemm investiment tajjeb bil-vjolenza militari li twettqet min-NATO bil-barka tal-UE, fis-Serbja.

 

It-Trattat ta’ Maastricht, ta’ Nizza u ta’ Lisbona jinjoraw il-klassi tal-ħaddiema, qisha ma teżistix u teżisti biss il-klassi tal-industrijalisti (qabel kienu jissejħu kapitalisti).

 

Ħażin li jinjoraw il-klassi tal-ħaddiema u ma jħarsux l-għajxien, l-interessi u s-sigurta’ soċjali tagħhom.

 

Jista' jiġri li jekk il-klassi tal-ħaddiema Ewropej tħoss li hija mwarrba, mgħaffġa u sfruttata mill-klassi kapitalista, toħroġ fit-toroq biex turi l-għadab tagġha. U l-UE tispiċċa arena ta’ konfrontazzjonijiet vjolenti bejn il-ħaddiema u l-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE.

 

L-aħjar u l-unika triq li għandu l-PL

 

minn Joseph M Cachia, Kampanja Helsien Nazzjonali

 

L-aħjar u l-unika triq li għandu l-Partit Laburista hi li jerħa’ lura lejn l-għeruq Xellugin tiegħu.

 

Jekk tassew il-Partit Laburista jrid jerġa’ jkun fil-Gvern għandu mill-aktar fis possibbli, jbiddel ir-rotta li qabad u jfittex li jħaddan politika ta’ ġustizzja soċjali li tinsab biss fuq politika Xellugija.

 

Hemm bżonn li l-Partit laburista jaqbad triq ta’ kruċjata ta’ ġustizzja morali.

 

Hu ta’ dannu għal kulħadd jekk il-polz tal-poplu ma jinħassx u l-għajta għall-ħaqq ma tkunx mismugħa minn min qed jippretendi li jmexxi lil pajjiżna fiż-żminijiet li ġejjin.

 

Hija ħasra li noqogħdu ninħlew fuq dettalji ta’ bla sens jew valur li flok jgħinu lill-poplu jifhem is-sitwazzjoni kerha u mwiegħra li ninsabu fiha, jservu biss ta’ aljenazzjonijiet mir-realtijiet ta’ madwarna.

 

Ikun żball kbir jekk il-Partit laburista jipprova jaħbi jew iwarrab il-prinċipji u l-ambizzjonijiet Soċjalisti tiegħu li wiret biex jipprova jogħġob lil kulħadd, ta’ fuq u ta’ isfel.

 

Veru li tajjeb li nkomplu nġeddu ruħna għaż-żminijiet tal-lum għax b’hekk nilħqu aktar udjenzi wiegħsa ta’ nies ta’ rieda tajba imma rridu nwiegħdu u naħilfu li ma naċċetaw ebda kompromessi fejn jidħli l-prinċipji tagħna u li s-sisien tat-twemmin Soċjalista jibqgħu dejjem il-bażi tal-partit tagħna.

 

Il-Partit Laburista Malti mhuwiex xi moviment ġdid.

 

Dan hu partit kbir, imħaddan minn nofs Malta u mibni fuq sisien sodi ta’ prinċipji ta’ ġustizzja soċjali.

 

Dan il-partit dejjem kien partit Soċjalista u jkun inutli li noqogħdu nilgħabu bl-ismijiet biex taparsi hu xi moviment maħluq minn xi individwi dan l-aħħar.

 

Daqstant ieħor hu ħela ta’ żmien u biza’ ta’ ħolqien ta’ firda l-logħob għall-bidla tal-arma tal-Partit.

 

X’hemm ħażin fl-arma tagħna ?

 

Dawn it-tattiċi jwasslu għat-tifrik u t-telf tal-fiduċja tal-poplu u ħafna drabi jħallu dubji serji dwra x’hemm differenti minn partiti politiċi oħrajn.

 

F’din is-sitwazzjoni anki l-eżistenza tal-partit tista’ tkun fil-periklu.

 

Il-Partit Laburista Malti jixraqlu ferm aktar fiduċja u mertu mill-partit oppost tiegħu, dak Nazzjonalista, li sfortunatament lanqas biss jixraqlu jissejjaħ aktar hekk wara l-bejgħ tan-nazzjon żgġir tagħna, artna u t-tmexxija ta’ pajjiżna lill-barrani.

 

Dan għandu bżonn jibdel ismu u ruħu mela aħna !!

 

Il-Partit Laburista Malti kapaċi jindirizza u jilqa’ l-isfidi moderni billi jaħdem, jappoġġja u joħloq bilanċ ta’ ħidma aktar ġusta fis-soċjeta’ li qegħdin ngħixu fiha.

 

Għandu wkoll ikollu l-ħila u s-saħħa jassigura li l-ġid ekonomiku li jista’ joħloq il-pajjiż jitqassam b’ġustizzja u b’morali u fil-każ ta’ ħtieġa ta’ xi sagrifiċċji, din għandha tintrefa’ l-aktar minn min ħataf u jiflaħ l-aktar.

 

Il-Partit Laburista Malti, sa mill-ħolqien tiegħu, dejjem kien kompost minn nies b’sens ta’ ġustizzja soċjali u li għamel kruċjati morali sħiħa għat-twaqqif ta’ soċjeta ġusta u qatt ma beża’ jew ħeba l-konvinzjonijiet tiegħi.

 

Hemm bżonn li nkunu onesti l-ewwel nett magħna nfusna u ma niddejqu xejn nistqarru l-prinċipji tagħna.

 

Dan hu l-ispirtu li għandi jmexxina.

 

Hu dover tagħna li nkunu aktar qawwijin fit-twemmin tagħna u nieħdu azzjonijiet aktar konkreti.

 

Ma rridux inħarsu negattivament u naraw it-tazza nofsa vojta imma jekk inkunu pożittivi kapaċi narawha nofsa mimlija.

 

Ma nixtieqx li nkun interpretat bħala xi kritiku pessimista u ma noffrix il-kontribuzzjoni moderata tiegħi għall-ġid futur tal-partit tiegħi.

 

Għaldaqstant, bl-onesta’ kollha u bla ebda pretenzjoni, nixtieq inressaq xi punti speċifiċi li nispera li jittieħdu inkonsiderazzjoni għat-tmexxija tal-Partit Laburista Malti.

 

Dawn għandhom x’jaqsmu ma’ :

* inqas formalita’ u aktar flessibbilita’;

* studju u trattar aktar u aħjar ta’ valuri u prinċipji milli ta’ proċeduri amministrattivi

* u aktar traffiku minn isfel għal fuq milli minn fuq għal isfel.

 

Is-serjeta’ rridu nsibuha fiż-żamma tat-twemmin Soċjalista tagħna u l-prinċipju sagrosant tal-eliminazzjoni ta’ kull sfruttament tal-bniedem.

 

B’hekk biss nistgħu naslu li niperswadu l-poplu fil-ġenwinita’ u l-integrita’ tal-prinċipji tagħna u nirbħu kull fiduċja u rispett.

 

F’dan se jiġġudikana l-poplu f’elezzjoni oħra!

 

Il-Ħamis 10 ta’ Ġunju 2010

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ