MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

       

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA  

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

  Nazzjonaliżmu mhux razziżmu, iżda patrijottiżmu!

Il-politika taż-żewġ partiti rigward dak li għandu x’jaqsam ma’ l-immigrazzjoni illegali qiegħda tidher li hi kważi l-istess.

L-unika kompetizzjoni li hemm bejniethom hi dik ta’ min se jidher li għandu l-akbar “ħniena” lejn l-immigranti illegali.

U l-“ħniena” lejn pajjiżna u lejn il-ħarsien ta’ l-identità nazzjonali tagħna tidher li qiegħda titwarrab fil-ġenb.

Jidher ċar li ż-żewġ partiti qegħdin jibżgħu li jekk ipoġġu l-ewwel l-interess ta’ pajjiżna u tal-poplu Malti, jiġu mgħajrin “razzisti” mill-edituri u opinjonisti tal-ġurnali bl-Ingliż!

Artiklu interessanti ħafna fuq dan is-suġġett inkiteb mill-Avukat Anna Mallia fil-ġurnal “Malta Today” ta’ nhar il-Ħadd, 4 ta’ Ġunju bit-titlu “Nazzjonalisti m’humiex razzisti”.

Il-kelma “Nazzjonalisti” ma kinitx qiegħda tirreferi għall-partitarji tal-Partit Nazzjonalista, iżda għal dawk il-Maltin li jemmnu “fil-ħarsien ta’ l-identità nazzjonali u t-tħaris tas-sigurtà nazzjonali” ta’ Malta.

Nemmnu li jkun ta’ interess għall-qarrejja ta’ din il-paġna li nġibu għall-attenzjoni tagħhom xi siltiet mill-artiklu ta’ Anna Mallia għax jaqblu ma’ dak li temmen is-CNI dwar din il-problema bla tarf li qed iħabbat wiċċu magħha pajjiżna – l-immigrazzjoni illegali u l-konsegwenzi gravi futuri tagħha fuq pajjiżna u l-poplu tagħna.

Fost punti oħrajn Anna Mallia kitbet hekk:

1. “Il-partiti politiċi u dawk kollha li qegħdin idaħħlu rashom fir-ramel, jgħidulna li għandna noqgħodu attenti ħalli ma nħallux lir-razzisti, “faxxisti” jew “estremisti” milli jieħdu r-riedni f’idejhom. Kif jista’ jkun li l-kuxjenza tħallihom kwieti. Li nafu żgur hu li għandna sezzjoni mis-soċjetà tagħna li mhix kuntenta bil-mod kif is-sigurtà nazzjonali u l-identità nazzjonali qiegħda tiġi mħarsa. Il-partiti politiċi ta’ pajjiżna m’huma jieħdu ebda azzjoni dwar dan”.

2. “Qegħdin iħallu barranin jiġu jaħdmu f’Malta bla ma jistaqsuhom xi kwalifiki għandhom li jiżguraw li x-xogħol li jagħmlu f’Malta jkun qabel mal-permess tax-xogħol li ngħataw”.

3. “Qegħdin iħallu żwieġ ta’ konvenjenza bla ma jistaqsu għall-prova li l-barrani huwa verament ħieles biex jiżżewweġ u joqogħdu biss fuq dikjarazzjoni li jagħmlu dawn il-barranin”.

4. “Kull barrani li jiżżewweġ xi mara Maltija, minkejja li jkun isawwatha u li minkejja l-ammont ta’ għajnuna soċjali li nagħtuh mit-taxxi tagħna, u minkejja d-diversi drabi li jkun weħel il-ħabs, xorta nagħtuh iċ-ċittadinanza Maltija”.

5. Rigward l-esperjenza li għaddiet minnha l-Avukat Anna Mallia fl-Italja meta l-Maltin kollha twaqqfu u ġew interrogati qabel tħallew jgħaddu mill-ajruport, Anna Mallia kitbet hekk: “Ċertament l-Italja ma tistax tiġi akkuzata b’razziżmu meta tieħu azzjoni biex tħares is-sigurtà nazzjonali tagħha. Tista’ tiġi akkużata li qiegħda tikser il-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-moviment ħieles tal-persuni, iżda fl-istess ħin għandha tiġi mfaħħra għall-fatt li tpoġġi s-sigurtà nazzjonali tagħha qabel l-Unjoni Ewropea”.

6. “Ħobbni u obgħodni, iżda l-opinjoni ġenerali f‘Malta hi li mhux qed isir biżżejjed biex titħares l-identità nazzjonali. In-nazzjonaliżmu qed jikber f’Malta u qed isib appoġġ mill-isferi kollha tas-soċjetà Maltija. Kemm minn Nazzjonalisti kif ukoll minn Laburisti. U ħafna nies fit-toroq qed jappoġġjaw dawn l-organizzazzjonijiet tal-Lemin jew il-Lemin Estrem”.

7. “Dawk li jħallsu t-taxxi m’humiex razzisti. Huma mdejqin jaraw it-taxxi tagħhom minfuqin fuq nies li ma jkunu qegħdin jikkontribwixxu xejn għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Huma mdejjqin li jkollhom joqogħdu fil-kju għal ħin twil fiċ-Ċentru ta’ l-Emerġenza f’San Luqa u jaraw dawn l-immigranti illegali jitqabbżu l-kju u jinqdew aħjar. Ma jippretendux li dawn il-mistednin mhux mixtieqa jiġu ttrattati aħjar minna. Aktar ma ntambru fuq ‘ir-razziżmu’ aktar se tikber il-firda bejnietna”.

8.“Li tkun Nazzjonalist ma jfissirx li tkun razzist. Kwalunkwe dizzjunarju jgħidlek li tkun Nazzjonalist ifisser li tkun patrijottiku. Iż-żewġ partiti politiċi huma responsabbli għat-tixrid ta’ dawn il-fazzjonijiet lemini.

“Issa hija r-responsabbiltà tagħhom li jiżgurawna li dawn ma jikbrux aktar, mhux billi jiddaħħlu pieni aktar ħorox, iżda billi s-sigurtà nazzjonli u l-identità nazzjonli jerġgħu jitpoġġew fuq quddiem ta’ l-aġenda nazzjonali tagħna”.

L-unika punt li ma naqblux ma’ dak li kitbet Anna Mallia hu dak li qisu dawk li huma “nazzjonlisti” (jiġifieri jpoġġu l-interess ta’ Malta qabel kollox) huma Leminin.

Anzi naħsbu l-kontra.

Aktar hemm Xellugin li jemmnu li l-interess ta’ pajjiżna għandu jiġi l-ewwel.

Il-bqija m’hemmx aktar xi nżidu ma’ li kitbet tant tajjeb Anna Mallia.

J’Alla l-partiti politiċi jagħtu kas ta‘ dak li nkiteb jekk ma jridux li jkollna sorpriżi kbar fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

Il-ħrafa Ewropea tal-privatizzazzjoni

Wieħed mill-kmandamenti li kull pajjiż li jissieħeb bħala membru fl-UE jrid jibda jemmen fih hu l-privatizzazzjoni ta’ l-azjendi – speċjalment dawk kummerċjali – li jkunu tal-poplu, jiġifieri tal-Gvern.

L-allat ta’ l-UE jġibu l-iskuża komda li meta dawn l-azjendi jingħataw f’idejn il-privat, dawn isiru iktar effiċjenti u b’hekk il-konsumatur jinqeda aħjar u b’orħos għax ikun hemm il-kompetizzjoni ma’ azjendi privati oħrajn!

Kemm dan mhu veru xejn rajnih u missejnih b’idejna stess meta l-“ġojjell” ta’ bank li kellu l-poplu Malti, ingħata bir-ribass lill-HSBC.

Apparti li flok ma ħoloq opportunitajiet ta‘ xogħol ġodda, dan kien naqqas mijiet ta’ ħaddiema.

Is-servizzi li kien jinghata l-poplu mill-Mid-Med Bank qabel, tnaqqsu ghax ingħalqu diversi uffiċini f’xi rħula f’Malta u f’Għawdex.

Waqt li l-prezz tas-servizzi li jingħataw ogħla u mhux niżel għall-klijenti jew “konsumaturi” tal-bank!

L-investitur privat, kif dejjem sħaqna aħna, m’għandu ebda obbligu soċjali lejn il-poplu, li joffri servizzi li jkunu baxxi biżżejjed biex kulħadd ikun jista’ jlaħħaq magħhom.

L-uniku obbligu ta‘ min imexxi azjenda privata hu lejn is-sidien, ix-shareholders tal-kumpanija u xejn iżjed.

U l-għan ta’ dawn l-azjendi hu li l-profitti jkunu kemm jista’ jkun kbar, u kull sena jiżdiedu!

Għalhekk ukoll qed naraw l-istorja tirrepeti ruħha fil-każ tas-Sea Malta, li tkissret biex ix-xogħol utli li kienet tagħmel fl-interess ta’ pajjiżna, ngħata lill-kumpanija privata Taljana, il-‘Malta Motorways of the Sea’ tal-biljunarju Grimaldi.

L-istess ġara f’dan il-każ.

It-tariffi u s-servizzi, minflok tjiebu biex l-esportaturi f’pajjiżna jikkompetu aħjar, għolew sewwa.

U s-servizzi marru għall-agħar!

Tgħid ta’ din il-ħsara li qiegħda ssir lil pajjiżna, għax għandna Gvern li lest jobdi b’għajnejh magħluqin il-kmandamenti ta’ l-UE, se tikkumpensana l-Unjoni Ewropea?

Jibżgħu jqajmuha mill-mewt!

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Josè Manuel Barroso, ħabbar li għadu mhux iż-żmien li jerġgħu jipprovaw iqajmu mill-mewt il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea.

Fil-fatt qegħdin jibżgħu jagħmlu dan għax jafu li jerġgħu jaqilgħu damdima oħra.

Barroso wasal biex iwaħħal fil-gvernijiet nazzjonali, li qegħdin iwaħħlu fl-UE għall-problemi kbar li għandhom.

Imbagħad f’Malta qegħdin naraw jiġri l-kontra.

Hawnhekk kważi ħadd mill-politiċi u l-midja ma jwaħħal fl-UE għall-problemi li għandna.

Hawn jieħdu pjaċir iwaħħlu f’xulxin u lill-UE, li żgur taħti għal diversi problemi li għandna – bħall-għoli fil-prezz tal-mediċini – minħabba t-taxxa ta’ reġistrazzjoni imposta – qegħdin iħalluha gallarija!!!

Il-Ġermanizi jitilfu l-fiduċja

Skond il-European Journal ta’ Mejju 2006, il-poplu Ġermanizż qiegħed jitlef dejjem aktar il-fiduċja fl-UE.

Skond stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika li sar mir-‘Readers Digest European Trusted Brands, irriżulta li 39 fil-mija tal-poplu Ġermaniz iridu li l-Unjoni Ewropea jkollha inqas influwenza fuq pajjiżhom milli għandha issa.

Waqt li kienu biss 20 fil-mija li jaħsbu li l-UE jkollha iżjed influwenza fuq il-Ġermanja.

Sebgħa u tmenin fil-mija jaħsbu li l-UE hija wisq burokratika.

Waqt li 61 fil-mija qalu li m’għandhomx informazzjoni biżżejjed dwar il-Kostituzzjoni ta’ l-UE.

Ħlas għal ċerti gurnalisti

Hans Peter Martin, li spiss jikxef stejjer imbarazzanti dwar l-UE, kixef storja oħra fl-International Herald Tribune (5 ta’ April, 2006).

F’din l-istorja ntqal kif l-UE tħallas sussidji lil ċerti ġurnalisti biex darba fix-xahar imorru Strasbourg biex jikkaverjaw is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew.

Jagħtuhom ‘camera crews’ b’xejn u 100 Ewro kuljum għall-ikel u spejjeż oħrajn.

Il-Presidenza Awstrijaka organizzat vjaġġ lussuż għal Vjenna għal 60 gurnalist magħżulin fi Frar.

Ingħataw akkomodazzjoni fil-Hilton Hotel u kellhom ikla lussuża f’kastell barokk bl-aqwa ikel u divertiment minn kantanti magħrufin ta’ l-opri!

X’ma jkunux iffissati fuq l-Unjoni Ewropea ċerti ġurnalisti!

Taqbila


Il-privat m’għandu ebda obbligu soċjali,

lejn is-sidien biss irid ikun leali.

Il-profitt kull sena jkun irid iżid,

għax dak li jippretendi minnu s-sid!  

Is-Sibt, 10 ta’ Ġunju, 2006.

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

  

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ