MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Il-kukkudrilli u l-Unjoni Ewropea

 

Il-biki tal-kukkudrilli huwa biki ipokrita. 

 

Jekk tista’ lilna tas-CNI tixlina b’kollox, żgur ma tistax tixlina b’ipokresija (bħal ma korrispondent insinwa fil-ħarġa ta’ nhar it-Tnejn), għax nibqgħu nsostnu li nistgħu noħorġu mill-Unjoni Ewropea, u li għandna noħorġu mill-aktar fis.


Għax li nistgħu noħorġu mill-Unjoni huwa fatt. 

 

Biex dan il-fatt iseħħ, kull ma hemm bżonn huwa li nikkonvinċu lill-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin li jaqblilna nagħmlu dan il-pass ’il quddiem, l-istess kif fl-2003 ikkonvinċewha biex nerġgħu lura kolonja, din id-darba mhux ta’ l-Ingilterra, iżda ta’ l-Unjoni Ewropea.


Meta nistqarru li għandna noħorġu mill-Unjoni, ma nkunux qegħdin ngħidu dak li ma nemmnux fih. 

 

Ngħiduh għax aħna konvinti li jaqbel lill-poplu tagħna li ma jibqax fil-qafas jew gaġġa ta’ l-Unjoni, ħalli nkunu ħielsa li nagħmlu dak li jaqbel lilna u ma nkunux kostretti nagħmlu dak li ma jkunx jaqbel lil pajjiżna, bħal ma hu, per eżempju, li nagħlqu t-Tarzna u li nħallu l-fabbriki jemigraw minn pajjiżna għax ma nistgħux ngħinuhom, minħabba d-direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea.


Huwa raġunar falz u fażul li tgħid li f’demokrazija l-minoranza m’għandhiex tkompli taħdem kontra dak li trid il-maġġoranza, bil-għan li għada l-maġġoranza ssir minoranza, u l-minoranza tal-lum tkun il-maġġoranza ta’ għada. 

 

Għalhekk huwa normali f’pajjiż demokratiku bħal Malta, li l-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin jaqilbu dak li ddeċidew fl-2003.


Min huwa konvint mill-fehmiet tiegħu li huma l-aħjar għal pajjiżna u għandu rieda soda, m’għandux iċedihom għax hekk jaqbillu personalment.

 

Aħna nifhmu li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea hija aktar żvantaġġjuża milli vantaġġjuża għall-poplu tagħna. 

 

Min huwa konvint minn dan, ikun ġifa jekk ma jibqax jaħdem, mhux biex nisfruttaw il-vantaġġi, iżda aktar u qabel kollox biex inwarrbu l-iżvantaġġi li huma akbar mill-vantaġġi, u dan jista’ jseħħ biss billi ma nibqgħux maħkumin mill-Unjoni u l-politika ħażina tagħha. 

 

Għax fuq kollox, hija l-politika ekonomika u soċjali neo-liberali kapitalista ta’ l-Unjoni Ewropea li hija ta’ ħsara kbira għall-poplu tagħna.


Lil min jgħidilna li fil-każ tas-sħubija fl-Unjoni m’hemmx kunsill għall-magħmul, ngħidulu li dan jgħodd għal min huwa dgħajjef jew opportunist. 

 

Għax il-kunsill jiddetta biex nagħmlu li nistgħu ħalli l-iżball insewwuh mill-aktar fis, ikunu kbar kemm ikunu kbar is-sagrifiċċji biex nagħmlu dan.


Meta issa nafu li pajjiżna sejjer minn taħt finanzjarjament bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, ma nagħmlux ġid lill-poplu tagħna meta nġibulu bħala skuża li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea biex naħbulu li finanzjarjament immorru aħjar jekk ma nibqgħux fl-Unjoni.


Nistgħu noħorġu meta rridu u għandna noħorġu mill-aktar fis għall-ġid tal-poplu tagħna, speċjalment għall-ħaddiema. 

 

Dan mhux biki tal-kukkudrilli, iżda pleġġ ta’ Maltin u Għawdxin li jgħożżu l-indipendenza u l-ħelsien u jridu l-ġid lil-ħaddiem.

 

It-Tarzna u l-Unjoni Ewropea

 

L-Unjoni Ewropea tippretendi li wara l-31 ta’ Diċembru 2008 nagħlqu t-Tarzna jekk din ma tkunx f’qagħda li tkompli mingħajr sussidju. 

 

L-Unjoni tirraġuna li la t-Tarzna hija kumpanija kummerċjali, m’għandhiex tingħata għajnuna mill-istat għax dan ikun qed jagħtiha vantaġġ fuq it-tarzni kompetituri tagħha fil-pajjiżi ta’ l-UE. 

 

Dan ir-raġunar huwa żbaljat u m’għandniex noqogħdu għalih.


M’għandniex naċċettaw li l-istat ma jagħtix għajnuna lill-kumpaniji kummerċjali biex dawn ikomplu jħaddmu n-nies li m’hemmx xogħol alternattiv għalihom. 

 

Ma naċċettawhx, mhux biss għax huwa prinċipju ħażin, iżda wkoll għax fil-pajjiżi ta’ l-UE hemm ħafna impriżi li jingħataw għajnuna mill-istat, kemm finanzjarjament, kif ukoll b’ordnijiet ta’ xogħlijiet governattivi li f’pajjiżna ma jeżistux. 

 

Insemmu l-każ ta’ l-Airbus u l-każ tal-bini tal-bċejjeċ navali, l-ewwel bħala eżempju ta’ għajnuna finanzjarja diretta, u t-tieni, bħala eżempju ta’ għajnuna indiretta.

 

L-UE tagħti sussidji

 

L-UE ma tistax tgħid li l-għoti ta’ sussidji hija ħaġa ħażina meta l-UE stess tagħti kull sena ’l fuq minn 40 fil-mija tal-fondi tagħha f’sussidji għall-biedja. 

 

L-UE mponiet fuq il-Gvern Malti li jwettaq il-Politika Agrikola Komuni tagħha li tfisser li l-Gvern jagħti parti mis-sussidju lill-biedja mit-taxxi miġbura mill-poplu. 

 

L-UE tat il-kunsens tagħha wkoll ħalli l-Gvern jissussidja lil-“low cost airlines” li jiġu f’pajjiżna. 

 

Għalhekk l-għoti tas-sussidji mhux xi prinċipju assolut ta’ l-UE.


Hemm aspett ieħor tal-kwistjoni li għandu jiġi kkunsidrat. 

 

Ħafna mid-dipartimenti u taqsimiet tal-Gvern ma jibbilanċjawx id-dħul u l-ħruġ tagħhom, u dawn ikomplu jaħdmu dejjem bil-fondi li l-Gvern joħroġ għalihom. 

 

Nieħdu b’eżempju d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li miegħu hemm eluf ta’ ħaddiema. 

 

U l-istess nistgħu ngħidu għal ħafna mill-awtoritajiet imwaqqfin biex jagħmlu xogħol li qabel kien isir direttament mill-impjegati tal-Gvern.

 

I t-Tarzna hija tal-Gvern

 

Issa t-Tarzna hija tal-Gvern ukoll, għalkemm titmexxa minn kumpanija kummerċjali li l-Gvern huwa x-‘shareholder’ tagħha. 

 

Jekk twarrab il-kumpanija min-nofs, jibqa’ l-Gvern responsabbli direttament mit-tmexxija tat-Tarzna u mill-ħaddiema tat-tarzna li għandhom jitqiesu l-istess bħall-ħaddiema l-oħrajn tal-Gvern.


Il-ħaddiema tat-Tarzna għandhom dritt li jitqiesu ħaddiema mal-Gvern. 

 

Tant, li dawk li ma tħallewx jaħdmu fit-Tarzna, għalkemm tqegħdu taħt kumpanija oħra tal-Gvern, xorta waħda qegħdin jaħdmu xogħol tal-Gvern jew f’dipartimenti tal-Gvern u jitħallsu mill-Gvern.

Jekk it-Tarzna ma tibqax kumpanija kummerċjali għax titmexxa direttament mill-Gvern, dan ikun responsabbli għall-ispejjeż u l-infieq kollha tagħha, bħal ma huwa responsabbli mill-ispejjeż u l-infieq kollha tad-dipartimenti u taqsimiet tal-Gvern. 

 

F’dak il-każ, la l-Gvern ma jkunx qed jagħti għajnuna lill-kumpanija kummerċjali, l-UE ma tkun tista’ tgħidlu xejn aktar dwar it-Tarzna, bħal ma tindaħallux x’jonfoq fuq id-dipartimenti u t-taqsimiet tiegħu.

 

M’għandhiex tagħlaq

 

Ma noħolmux li l-Gvern jagħlaq it-tarzna għax il-pajjiż jiffranka l-flus tas-sussidju. 

 

Bl-għeluq tat-tarzna u “1,400” ruħ bla xogħol, l-ispiża għall-istat tkun akbar f’għajnuniet għall-qgħad u għajnuna soċjali oħra, kif ukoll telf tad-dħul mit-taxxa fuq il-pagi u l-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà nazzjonali.

 

Dan minbarra l-aktar kunsiderazzjoni importanti, l-isfreġju soċjali li miżura bħal din tikkaġuna.


Għandna minn issa nagħmluha ċara lill-UE li jekk wara l-31 ta’ Diċembru 2008 se nkunu ffaċċjati bl-ordni li nagħlqu t-Tarzna, m’aħniex se naċċettawha. 

 

Jekk l-għażla tkun bejn nagħlqu t-Tarzna biex inkunu nistgħu nibqgħu fl-Unjoni Ewropea, l-għażla tagħna hija waħda u bla tlaqliq: It-Tarzna tibqa’ u aħna ma nibqgħux imseħbin fl-UE.


Il-poplu għandu jifhem li t-telf ta’ kull sena tal-Gvern mhux l-ammont ta’ sussidju mogħti lit-tarzna, iżda għaxar darbiet aktar minn hekk.

 

Jekk it-Tarzna għandha tagħlaq għax titlef ftit miljuni, kemm għandu jitlaq il-Gvern li kull sena jitlef ħafna aktar miljuni minnha!


Ngħidu wkoll lill-poplu li qegħdin immorru minn taħt kull sena bejn x’indaħħlu u x’nonfqu minħabba s-sħubija tagħna fl-Unjoni, aktar milli nitilfu mit-Tarzna.

 

Kritika f ’waqtha dwar l-Unjoni Ewropea

 

FIL-50 anniversarju tat-trattat li suppost kien iffirmat fil-25 ta’ Marzu 1957 f’Ruma mill-mexxejja tal-pajjiżi tal-Komunità Ekonomika Ewropea, li llum hija l-Unjoni Ewropea, saru ħafna kummenti kemm favorevoli u kemm kritiċi. 

 

Fost dawk li kkummentaw, insibu lill-Professur Anthony Coughlan, tan-National Platform ta’ l-Irlanda, li ġie diversi drabi f’pajjiżna.


Għedna li suppost kien iffirmat, għax issa nkixef li f’dik iċ-ċerimonja solenni, iffirmaw ħafna karti vojta billi l-istampatur ma kienx laħaq stampa t-trattat.

 

Iżda dik mhix l-unika farsa ta’ dak it-trattat. 

 

Għax skond il-Professur Coughlan, l-akbar ħrafa hija dik li jgħidu li t-trattat kien proġett li ġab il-paċi fl-Ewropa.


Il-Professur Coughlan ifisser li kien il-ftehim ta’ l-1950 li waqqaf il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar bejn Franza, il-Ġermanja tal-Punent, l-Italja, l-Olanda, il-Belġju u l-Lussemburgu, li żgura li ma terġax tinqala’ gwerra bejn Franza u l-Ġermanja. 

 

Hu fisser ukoll li kienet il-Gwerra Bierda (Cold War) bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika li żammet il-paċi fl-Ewropa u mhux l-Unjoni Ewropea. 

 

Wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin, kellna gwerer fl-Ewropa, dik fil-Jugoslavja u dik fiċ-Ċeċenja.

It-tieni kumment magħmul mill-Professur Coughlan huwa li ħamsa mis-sitt pajjiżi li bit-Trattat ta’ Ruma waqqfu l-Komunità Ekonomika Ewropea (illum l-Unjoni Ewropea) kien pajjiżi li qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, kellhom kolonji, u li ħarġu tellifin fil-gwerra. Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda u l-Belġju kollha kienu potenzi kolonjalisti. 

 

Wara l-gwerra, sabu ruħhom dominati minn żewġ super potenzi – l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika. 

 

Meta raw l-imperi li kellhom jiġġarrfu, dawn il-ħames pajjiżi ħassew li kellhom jissieħbu ma’ xulxin ħalli jkunu jistgħu jħabbtuha maż-żewġ superpotenzi, u b’hekk ħassew il-ħtieġa li jwaqqfu l-Komunità Ekonomika Ewropea, bħala imperu neo-kolonjali ġdid.

 

Il-Professur Coughlan jikkummenta wkoll dwar il-ftaħir tas-sussidjarjetà tat-Trattat ta’ Ruma. 

 

Huwa jgħid li l-UE qatt ma għaddiet lura xi setgħa lill-pajjiżi membri, iżda dejjem baqgħet tikseb għaliha aktar u aktar setgħat f’numru akbar ta’ oqsma. 

 

L-eluf ta’ liġijiet u regolamenti li l-UE għamlet, jifformaw dak li huwa magħruf bħala l-“acquis communitaire”, u l-UE timponih fuq kull pajjiż li jrid jissieħeb fl-UE (bħal ma ġara fil-każ ta’ Malta). 

 

F'50 sena tal-ħajja, l-UE qatt ma reġġgħet lura xi setgħa li ħadet mill-pajjiżi membri.


Għall-mistoqsija għaliex il-politiċi jaħdmu biex ikabbru s-setgħat ta’ l-UE u b’hekk inaqqsu s-setgħat tal-pajjiżi tagħhom, Coughlan iwieġeb li dan iseħħ għax il-politiċi jaqblilhom ikollhom id-deċiżjonijiet joħduhom fuq livell internazzjonali fl-Unjoni, milli fuq livell nazzjonali, f’pajjiżhom. 

 

Għax b’dan il-mod il-politiċi ma jkollhomx il-ħtieġa li jkollhom l-appoġġ tal-parlamenti nazzjonali għal dak li jiddeċiedu jagħmlu, la darba dak li tiddeċiedi l-Unjoni, irid jitwettaq bilfors mill-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni.

 

Minbarra hekk, il-politiċi jħossuhom kbar aktar li jieħdu deċiżjonijiet fuq il-500 miljun ċittadini ta’ l-Unjoni, milli jieħdu deċiżjonijiet fuq il-poplu biss ta' pajjiżhom.

Is-setgħa togħġob kemm lill-politiċi, kif ukoll lill-uffiċjali għoljin tal-gvernijiet, u fl-istess ħin, it-tnejn ma jiddispjaċihomx jaraw li l-poplu tonqoslu s-saħħa tiegħu u l-parlamenti jitilfu mis-setgħat tagħhom u l-Unjoni Ewropea żżid fis-setgħat tagħha.

 

Il-Ħamis, 10 ta' Mejju, 2007.

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ