MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek

 

In-newtralità nsaħħuha mhux indgħajfuha

 

Issa jmiss li jattakkaw in-newtralità ta’ Malta. 

 

Wara li seħbuna fl-Unjoni Ewropea ħalli nagħmlu parti mill-Armata Ewropea, daħħluna fil-Partnership for Peace biex inkunu parti min-NATO.

 

M’humiex kuntenti. 

 

Issa jridu jeħdulna n-newtralità biex żgur nitqiesu li aħna parti mill-Punent.

L-effett ta’ dan kollu jkun li żgħażagħ Maltin u Għawdxin jispiċċaw imbiċċrin fi ġlied maħluq b’kapriċċ ta’ pajjiżi li jipproduċu l-armi u l-armamenti, u joħolqu l-gwerer ħalli jbiegħu l-prodotti ta’ l-industrija tagħhom ta’ l-armamenti.

In-newtralità ta’ pajjiżna hija l-aqwa arma li jista’ jkollna għall-ħarsien tal-poplu Malti. 

 

Għax biha ma jkollniex għedewwa. 

 

Ma nkunu ta’ theddida għal ħadd, u għalhekk ħadd ma jkollu raġuni biex jheddidna.

Jekk ma nibqgħux newtrali, ikun ifisser li aħna nxaqilbu lejn naħa. 

 

Minħabba f’hekk, in-naħa l-oħra tgħoddna kontriha. 

 

Inkunu qegħdin nistiednuha tieħu passi kontrina, la darba nkunu ma’ min huwa kontriha. 

 

Nerġgħu nidħlu fi gwerer ta’ ħaddieħor, bla ma nirbħu xejn, ħlief dmija, tifrik u ħerba.

Illum daqs il-bieraħ in-newtralità tiswilna ħafna. 

 

Għax il-gwerra bierda ma spiċċatx. 

 

Kieku spiċċat, għalfejn in-NATO baqgħet teżisti?

 

Mhux biss baqgħet teżisti, iżda kibret u qiegħda tespandi. 

 

L-armamenti ma naqsux, iżda żdiedu u kibru fil-qerda u l-ħerba li jagħmlu.

Bl-iskużi tal-ħarsien tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, il-pajjiżi tal-Punent reġgħu qajmu l-kruċjati u aggredew lis-Serbja, l-Afganistan u l-Iraq.

L-istess pajjiżi tal-Punent jagħmlu negozju enormi mill-bejgħ ta’ l-armi u l-armamenti biex il-ġlied qatt ma jieqaf fil-pajjiżi ta’ l-Afrika u tal-Lvant Nofsani.

Tliet pajjiżi tal-Punent,

* l-Istati Uniti ta’ l-Amerika,

* l-Ingilterra u

* Franza għandhom l-akbar numru ta’ armi nukleari, u

* għalkemm l-għadu tal-Komuniżmu m’għadux ħaj,

* xorta waħda l-armi nukleari għadhom ħajjin,

* żdiedu u

* kibru.

Kif tista’ Malta, jekk verament trid taħdem għall-paċi fost il-ġnus, tkun alleata militari mal-pajjiżi tal-Punent li għandhom interess li jkun hawn il-gwerer biex huma jbiegħu l-armi u l-armamenti?

Jekk Malta tkun alleata tagħhom tkun qiegħda tapprova għemilhom ħżiena, u f’għajnejn il-bqija tad-dinja tidher li hija sħab magħhom.

Intqal li għandna nirrevedu xi tgħid il-Kostitutuzzjoni ta’ Malta dwar in-newtralità. 

 

Min qiegħed jgħid dan, ma jridx li tissaħħaħ in-newtralità kostituzzjonali tagħna, iżda jrid idgħajjifha, jekk mhux iwarrabha għal kollox.

Aħna nsostnu bil-maqlub. 

 

Għandna bżonn li n-newtralità tkun aktar iebsa fil-Kostituzzjoni tagħna, u nżidu li ma nkunux ta’ għajnuna lil min jagħmel gwerra, billi ma nħalluhx juża l-faċilitajiet ta’ pajjiżna, u billi jkun dmir ta’ pajjiżna li jinsisti għal qerda ta’ armi nukleari u ta’ l-armi tal-qerda tal-massa, u għad-diżarm ġenerali.

M’għandniex, jekk verament nemmnu fil-paċi, nieħdu sehem fit-tkabbir ta’ l-ispiża militari li l-Unjoni Ewropea trid li kull pajjiż membru jagħmel, u m’għandux ikollna x’naqsmu mat-twaqqif ta’ l-Armata Ewropea ta‘ l-Unjoni.

Aħna nsostnu li m’hemm xejn fil-Kostituzzjoni tagħna dwar in-newtralità li għandu jitħassar. 

 

Għandna nżidu miegħu, mhux innaqqsu.

U dan ikun fl-interess tal-ħarsien aħjar tal-Maltin u l-Għawdxin.

 

L-alleanza militari ta’ l-Unjoni Ewropea    

 

It-Trattat ta’ Lisbona se jagħmel lill-Unjoni Ewropea alleanza militari. 

 

L-artikolu 28A(7) tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, kif ġie emendat, jorbot lill-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni li jiddefendu lil xulxin f’każ ta’ aggressjoni kontrihom.

Id-diskors kollu li qiegħed isir bħalissa dwar li għandna nibdlu dak li tgħid il-Kostituzzjoni ta’ Malta dwar in-newtralità, tqanqal mill-fatt li issa l-Unjoni se ssir alleanza militari, fil-waqt li l-Kostituzzjoni ma tħallix lil Malta tieħu sehem f’alleanzi militari.

 

It-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, kif emendat bit-Trattat ta’ Lisbona, fl-artiklu 28A(7) jgħid dan: 

“Jekk pajjiż membru ta’ l-Unjoni jkun suġġett għal aggressjoni militari fuq it-territorju tiegħu, il-pajjiżi membri l-oħrajn ta’ l-Unjoni għandhom id-dmir li jagħtu għajnuna u assistenza b’kull mezz li għandhom, skond l-artikolu 51 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.”

Dan l-obbligu ta’ għajnuna reċiproka bil-mezzi kollha f’każ ta’ aggresjoni jorbot lill-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni f’alleanza militari li jiddefendu lil xulxin permezz tal-forzi armati tagħhom.

Iżda l-artikolu (3) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta ma jippermettix li pajjiżna jintrabat ma’ pajjiżi oħrajn li jagħtu għajnuna militari lil xulxin, għax pajjiżna huwa obbligat li jirrifjuta li jieħu sehem f’xi alleanza militari, tkun ta’ min tkun.

Bċejjeċ oħrajn ta’ l-artikolu 28A tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea kif emendat bit-Trattat ta’ Lisbona jkomplu jikkargaw ix-xeħta militari ta’ l-Unjoni. 

 

Fih jingħad li l-Unjoni għandha jkollha politika ta’ sigurtà u difiża komuni, li tkun parti integrali mill-politika esterna tagħha.

Jingħad ukoll li l-politika ta’ sigurtà u difiża komuni tagħti lill-Unjoni setgħa operattiva li taġixxi billi tagħmel użu mill-mezzi ċivili u militari tal-pajjiżi membri. 

 

Jingħad li l-politika ta’ sigurtà u difiża progressivament se twassal għal politika ta’ difiża komuni.

L-istess artiklu tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea kif emendat bit-Trattat ta’ Lisbona jobbliga lill-pajjiżi membri li jtejbu progressivament il-ħiliet militari tagħhom.

 

Jipprovdi wkoll li l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża, li l-UE waqqfet biex tiżgura li l-armi u l-armamenti li l-pajjiżi membri jiksbu jkunu jaqblu, għandha tagħraf il-ħtiġiet militari tal-pajjiżi membri, u tippromwovi miżuri biex dawk il-ħtiġiet jiġu sodisfatti.

Dan kollu jixhed ix-xeħta militari li l-Unjoni Ewropea qiegħda tieħu. 

 

Jekk Malta ma tkunx attenta u tibqa’ lura minn dawn il-miżuri militari ta’ l-Unjoni Ewropea, barra li tħarbat id-dehra ta’ pajjiż newtrali li jaħdem attivament għall-paċi, kif tgħid il-Kostituzzjoni Maltija fl-ewwel artiklu tagħha, issib ruħha wkoll tagħmel parti mill-makna tal-gwerra li l-Unjoni Ewropea, li minbarra milli għad-difiża, tintuża wkoll għall-attakki fuq pajjiżi oħrajn, bħalma llum qiegħed iseħħ fl-Afganistan, u għada jista’ jiġri fl-Iran.

 

L-UE tridna nonfqu aktar fl-armamenti

 

Jekk it-terroriżmu huwa l-akbar theddida għas-sigurtà tal-pajjiżi ta’ l-UE, iż-żieda fl-infieq għall-forzi armati fl-armi u l-armamenti, ma tilqax għal din l-akbar theddida. 

 

Minkejja dan, l-Unjoni Ewropea qiegħda tinsisti mal-pajjiżi membri biex jonfqu aktar biex iżidu l-armamenti tagħhom.

L-Unjoni Ewropea hija żbaljata għax l-armamenti ma jegħlbux it-terroriżmu. 

 

Dan il-fatt għandu jifhmu kulħadd jekk jaħseb ftit dwar l-atti terroristiċi li l-aktar għamlu ħoss.

 

Nieħdu l-akbar att terroristiku tat-tliet ajruplani li terroristi ħatfu biex tajruhom lejn it-Torrijiet Tewmin ta’ New York u fuq iċ-ċentru tal-militari Amerikan, il-Pentagon. 

 

L-Istati Uniti għandha l-akbar forza militari fid-dinja, għandha missili, armi nukleari, u saħansitra tarka biex tilqa’ għal attakki li jiġu mill-ispazju.

B’danakollu dawn l-armi u l-armamenti kollha ma kellhomx mezz biex ma jħallux li jseħħu l-atti terroristiċi li seħħu fil-linja ta’ l-Underground ta’ Londra u fuq xarabank f'Londra. 

 

L-istess għandu jingħad għar-riġmenti kollha ta’ l-Ingilterrra u l-bastimenti tan-Navy Ingliża li ma swew xejn biex jimpedixxu li jseħħu l-atti terroristiċi ta’ Londra.

L-istess jista’ jingħad dwar l-att terroristiku li sar fuq it-treni fi Spanja erba’ snin ilu. 

 

Il-forzi militari Spanjoli huma mgħammrin b’armi moderni għax jifformaw parti mill-alleanza militari tan-NATO. 

 

Xorta waħda iżda l-militar Spanjol ma setax jevita l-att terroristiku.

Fir-Russja seħħu għadd ta’ atti terroristiċi, bħalma kien dak li fih okkupaw teatru, u l-ieħor, meta żammu t-tfal ta’ l-iskola ostaġġi, u fiż-żewġ każi, mietu mijiet ta’ persuni. 

 

Bl-armamenti kollha li għandha, ir-Russja ma evitatx dawk l-atti terroristiċi.

 

M’għandniex għalfejn nitbiegħdu minn xtutna biex nirrealizzaw li t-terroriżmu ma tilqagħlux bl-armi u l-armamenti. 

 

Fis-snin 70 u 80, kellna sensiela ta’ atti terroristiċi f’pajjiżna, meta kważi kull ġimgħa kienet titqiegħed bomba wara bieb ta’ persuna li taħdem mal-Gvern. 

 

Anki kieku dak iż-żmien kellna aktar armi, ma konniex neħilsu minn dawk l-atti terroristiċi f’pajjiżna.

Iżda l-Unjoni Ewropea tkompli ssostni li pajjiżna għandu jonfoq aktar fix-xiri ta’ l-armamenti u għall-forzi militari biex jieħdu sehem fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. 

 

U l-Forzi Armati tagħna huma kuntenti li jmorru jitħarrġu jiġġieldu, biex ikunu aktar effiċjenti kontra t-terroriżmu. 

 

Biex imbagħad lanqas nafu kif se nilqgħu għall-invażjoni tal-klandestini li jidħlu f’pajjiżna, u lanqas għandna nies biżżejjed biex iżommuhom taħt kontroll u mezzi finanzjarji biżżejjed biex intejbulhom fejn inżommuhom. 

 

Inkunu iktar għaqlin jekk ma nobdux lill-UE u minflok inżidu n-nefqa militari, innaqqsuha, u nużaw li niffrankaw għal skopijiet tajbin u ta’ fejda.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis, 10 ta’ April, 2008

  << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ