MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAHILFU LI NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew kontra l-valuri Nsara

 

Il-Parlament Ewropew reġa’ għaxxaqha. 

 

Għadu kif approva riżoluzzjoni li tgħid lill-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea biex jagħrfu bħala żwieġ ir-rabta ta’ raġel ma’ raġel ieħor u r-rabta ta’ mara ma’ mara oħra. 

 

Is-sena l-oħra l-Parlament Ewropew għadda riżoluzzjoni biex il-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea jillegalizzaw l-abort. 

 

Sentejn ilu l-Unjoni Ewropea f’laqgħa tal-Ġnus Magħquda sostniet li l-abort, il-prostituzzjoni u ż-żwieġ bejn persuni ta’ l-istess sess għandhom ikunu legalizzati.

L-Unjoni Ewropea qiegħda tagħti miljuni ta’ euro għal kampanji favur l-abort f’diversi pajjiżi.

Dan kollu juri li fl-Unjoni Ewropea ma hemmx lok għal valuri insara li l-kattoliċi iħaddnu u aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar il-valuri ta’ l-Unjoni jkunu pagani u materjalisti.

Il-kattoliċi tal-Polonja fehmu l-periklu ta’ l-Unjoni Ewropea għall-morali tagħhom. 

 

Huma għamlu pressjoni fuq il-Gvern tal-Polonja biex iġiegħel lill-Unjoni Ewropea taċċetta dikjarazzjoni li ssir mat-Trattat tas-Sħubija tal-Polonja fl-Unjoni Ewropea.

 

Id-Dikjarazzjoni li l-Gvern Pollakk ippropona tgħid hekk: 

 

“Il-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja jifhem li ebda provvediment tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, jew tat-Trattati tal-Komunitajiet Ewropej, jew ta’ Trattati jew Atti li jbiddlu jew iżidu ma’ dawk it-Trattati, mhux se jċaħħad id-dritt tar-Repubblika tal-Polonja li hija tirregola kwistjonijiet importanti tal-morali u li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni li għandha tingħata lill-ħajja”.

Il-Knisja kattolika fil-Polonja lanqas ma hija kuntenta bil-kliem tad-dikjarazzjoni proposta mill-Gvern Pollakk.

 

Il-Knisja Kattolika trid li fid-Dikjarazzjoni għandu jingħad ċar li l-ħajja għandha titħares mill-mument tal-konċepiment sal-mument tal-mewt naturali. 

 

Il-Knisja Pollakka qiegħda wkoll tinsisti li jkun hemm tifsira legali mogħtija liż-żwieġ, bħala rabta ta’ raġel ma’ mara.

Minn dan jidher li kemm il-Gven Pollakk kif ukoll il-Knisja Kattolika fil-Polonja qegħdin jinsistu dwar ħwejjeġ li ma hemmx fil-Protokoll li l-Gvern Malti ftiehem dwaru ma’ l-Unjoni Ewropea.

Il-Protokoll jgħid biss li xejn fit-Trattati ta’ l-Unjoni Ewropea u f’dawk tal-Komunitajiet Ewropej jew fit-Trattati jew Atti li jagħmlu tibdil fihom jew iżidu magħhom, ma jista’ ixellef l-applikazzjoni tal-liġijiet ta’ Malta dwar l-abort.

 

Il-kliem tal-Protokoll Malti huwa l-istess bħal dak li l-Irlanda kienet għamlet fis-sena 1992 mat-Trattat ta’ Mastricht ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Hemm din id-differenza. 

 

Fil-waqt li f’dak Malti tissemma l-liġi ta’ Malta dwar l-abort, fil-Protokoll ta’ l-Irlanda hemm, referenza għall-artiklu tal-Kostituzzjoni ta’ l-Irlanda li jagħraf id-dritt għall-għixien ta’ tarbija li tkun għadha ma twelditx.

Il-kliem ta’ dan l-artiklu tal-Kostituzzjoni Irlandiza jgħodd mhux biss għall-abort, iżda jgħodd ukoll għall-embriju u fertilizzazzjoni mhux naturali u ħwejjeġ simili.

Il-kelma “abort” li hemm fil-Protokoll Malti ma għandhiex it-tifsira tagħha fil-Protokoll u għalhekk il-Qorti Ewropea ta’ l-Unjoni jkollha d-dritt li tagħtiha t-tifsira hija. 

 

Mhux magħruf jekk esperimenti dwar l-embriju jitqiesux bħala abort.

Il-Protokoll Malti jgħid

 “Nothing... shall affect the application in the territory of Malta of national legislation relating to abortion”. 

 

Il-kliem “fit-territorju ta’ Malta” jidher li għandu t-tifsira li l-Protokoll jolqot biss abort li jsir f’Malta u fl-ibħra territorjali ta’ Malta u mhux abort li jsir barra l-pajjiż, bħal Sqallija.

Ta’ min ifakkar li l-kwistjoni ta’ l-abort u l-Unjoni Ewropea inqalgħet sentejn ilu meta kelliema tal-Kampanja Ħelsien Nazzjonali (
CNI) kienu xandru li l-Unjoni Ewropea kienet f’laqgħat internazzjonali sostniet li l-abort, il-prostituzzjoni u ż-żwieġ bejn raġel u raġel u ż-żwieġ bejn mara u mara għandhom jiġu legalizzati. 

 

Il-kelliema tas-CNI kienu wrew li l-valuri ta’ l-Unjoni Ewropea m’humiex valuri nsara.

 

Il-propagandisti ta’ l-Unjoni Ewropea kienu ċaħdu li l-Unjoni Ewropea kienet issostni li dawn il-ħwejjeġ kellhom ikunu legalizzati. 

 

Wara, il-propagandisti ma baqgħux jiċħdu dan, iżda bdew jargumentaw li l-Unjoni Ewropea ma setgħetx timponi fuq il-pajjiżi membri tagħha li jillegalizzaw dawn il-ħwejjeġ.

Il-kritiċi ta’ l-Unjoni Ewropea iżda dejjem saħqu li la darba l-Unjoni Ewropea tqis li d-dritt tas-“sexual orientation” ta’ persuna huwa dritt fondamentali li għandu jitħares, l-Unjoni Ewropea tgħodd bħala dritt fondamentali kemm il-prostituzzjoni kif ukoll iż-żwieġ bejn persuni ta’ l-istess sess.

Għalkemm dawn huma kontra il-morali nisranija, il-Qorti Ewropea ma taċċettax li persuna tbati xi penali mħabba l-prostituzzjoni jew mħabba żwieġ ma’ persuna oħra ta’ l-istess sess.

M’hemm xejn fil-Protokoll li l-Gvern Malti ftiehem ma’ l-Unjoni Ewropea li jbiddel b’xi mod dak li l-kelliema tal-Kampanja Ħelsien Nazzjonali sostnew dwar il-valuri mhux insara ta’ l-Unjoni.

 

L-UE taċċetta l-gwerra, Malta tagħżel il-paċi

 

Nhar is-Sibt, 15 ta’ Frar, huwa meqjus bħala Jum il-Paċi. 

 

Il-Malta Peace Movement (Xirka tal-Maltin għas-Sliem) ingħaqad mal-Graffitti biex isejjaħ lill-Maltin, speċjalment liż-żgħażagħ, ħalli nhar is-Sibt jingħaqdu f’wirja ta’ solidarjetà mal-forzi favur il-paċi u kontra l-gwerra madwar id-dinja kollha.

Malta għandha d-dmir li taħdem attivament għall-paci fost il-Ġnus. 

 

Hekk tgħid il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. 

 

Iżda dan id-dmir qiegħed jiġi ttraskurat.

Malta tonqos milli tħares il-Kostituzzjoni tagħha meta l-Gvern Malti jgħid li huwa jimxi skond il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-gwerra. 

 

L-Unjoni Ewropea ma għandhiex fil-Kostituzzjoni (jew Trattati) tagħha li hija għandha taħdem attivament għall-paċi.

 

Mhux biżżejjed li tkun favur il-paċi.

Trid taħdem attivament għaliha. 

 

Din hija d-differenza kbira bejn il-politika li Malta għandha twettaq skond ma tgħid il-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-politika li l-Unjoni Ewropea sejra twettaq meta taċċetta l-gwerra kontra l-Iraq.

Minkejja l-firda li kien hemm bejn il-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea li riedu l-gwerra u li ma riduhiex, l-Unjoni Ewropea sejra taċċetta li tieħu parti fil-gwerra li l-Istati Uniti ta’ l-Amerika jridu jagħmlu akkost ta’ kollox lill-Iraq. 

 

Malta ma għandhiex taċċetta l-gwerra, minkejja dak li l-Unjoni Ewropea tagħmel.

Biex Malta ma tieħux parti fil-gwerra, il-poplu Malti jrid juri lill-Gvern li ma jridx il-gwerra. 

 

Il-poplu Malti għandu jagħmel aktar minn hekk.

Għandu juri lill-Gvern li mhux se jħallieh jonqos mid-dmir kostituzzjonali tiegħu li jaħdem ħalli l-gwerra ma ssirx.

 

Għalhekk nhar is-Sibt se jsir il-marċ favur il-paċi u kontra l-gwerra. 

 

Mhux biss il-gwerra kontra l-Iraq.

Iżda kontra l-gwerra bħala mezz biex tħoll kwistjonijiet bejn pajjiż u ieħor. 

 

Favur il-paċi bħala l-mezz biex jittranġaw il-kwistjonijiet bejn il-ġnus b’mezzi paċifiċi.

Biex Malta taħdem attivament għall-paċi fost il-ġnus, Malta trid tkompli tħaddem politika ta’ newtralità biex ħadd ma jara lil Malta bħala għadu tiegħu, jew bħala sħab ma’ l-għadu tiegħu.

Dan Malta ma tkunx tista’ tkompli tagħmlu jekk hija ssir parti integrali ta’ l-Unjoni Ewropea, la darba l-Unjoni Ewropea mhix u ma titqisx li hija newtrali.

Hemm bżonn għalhekk li l-poplu jifhem li n-newtralità hija meħtieġa għal Malta jekk trid titqies bħala pajjiż li jaħdem għall-paċi.

Hemm bżonn ukoll li l-poplu jifhem li fl-Unjoni Ewropea Malta la tkun u lanqas titqies newtrali, sakemm l-Unjoni Ewropea ma tħaddanx in-newtralità bħala politika barranija tagħha.

 

L-Unjoni Ewropea tinsisti għal aktar taxxi

 

Sehem mit-taxxi li l-gvernijiet tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea jiġbru, tmur għand l-Unjoni. 

 

Għalhekk l-Unjoni Ewropea għandha interess dirett li l-gvernijiet tal-pajjiżi membri jiġbru ammont akbar ta’ taxxi.

Il-propagandisti tal-ftehim li l-Gvern Malti bażwar ma’ l-Unjoni Ewropea jiċħdu li sħubija fl-Unjoni tissarraf f’aktar taxxi fuq il-poplu Malta. 

 

Iżda tagħrif mogħti miċ-Ċentru f’Malta tal-propaganda ta’ l-Unjoni (il-MIC) jikxef kemm l-Unjoni tindaħal lill-pajjiżi membri dwar it-taxxi u tinsisti li r-rati tat-taxxi jogħlew.

Fil-Bulettin numru 161 tal-MIC, maħruġ fl-1 ta’ Frar 2003, insibu din il-kitba li qegħdin nistampaw kif tidher fil-Bulettin.

Dan it-tagħrif mogħti mill-MIC jixhed li l-Unjoni Ewropea trid li r-rata tal-VAT “tiġġusta ruħha”. 

 

Dan ifisser li r-rata (li f’Malta illum hija 15 fil-mija) togħla.

Fl-istess Bulettin tal-MIC insibu wkoll dan il-kliem: 

“Ikun livellat il-limitu tal-VAT fuq kemm idawru flus l-intrapriżi”.

La l-Gvern Malti, la n-negozjaturi mħallsa tal-Gvern u lanqas l-uffiċjali mħallsa tal-MIC qatt ma qalu x’ifisser il-kliem li l-VAT tkun skond “kemm idawru flus l-intrapriżi”.

 

Niskantaw kif r-rappreżentanti ta’ l-għaqdiet ta’ l-intrapriżi Maltin lanqas ma indenjaw ruħhom jitolbu t-tifsira ta’ dan il-kliem. 

 

Iżda l-punt ewlieni huwa dan. Mhux veru dak li l-Gvern Malti u l-propagandisti tiegħu jgħidu li l-Unjoni Ewropea ma tindaħalx dwar it-taxxi li jsiru fuq il-poplu tal-pajjiżi membri.

L-Unjoni Ewropea mponiet fuq il-gvernijiet tal-pajjiżi applikanti (bħal Malta) ir-regoli tagħha dwar it-taxxa tal-VAT u l-gvernijiet kellhom jitolbu lill-Unjoni ħniena biex “jitnaqqas” (mhux biex ma jkunx hemm) “l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ l-aġġustament” (jiġifieri, żieda) tar-rata tal-VAT.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

It-Tnejn, 10 ta’ Frar, 2003

 << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola liċ-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ