MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fl-ewwel xahar ta’ din is-sena Malta tkun ħallset lill-Unjoni Ewropea €4,340,000 minn ħalq uliedek

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek

 

L-UE ddgħajjef it-trejdunjins

 

Qabel ir-referendum ta’ l-2003 dwar is-sħubija ta’ pajjiża fl-Unjoni Ewropea, mexxejja ta’ xi wħud mit-trejdunjins Maltin, li jiftaħru li fil-ħidma tagħhom m’humiex influwenzati mit-twemmin politiku partiġġjan, għamlu kemm felħu propaganda politika favur l-Unjoni. 

 

Huma sostnew li bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-ħaddiema se jiksbu aktar drittijiet u l-unjins se jissaħħu.

Wara li pajjiżna ssieħeb fl-UE fl-1 ta’ Mejju 2004

* il-ħaddiema sabu li ħafna tilfu l-impjieg tagħhom u 

* oħrajn kellhom tnaqqis fil-pagi u 

* l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg. 

 

Sabu wkoll li 

* servizzi pubbliċi ngħataw lill-privat, 

* il-kundizzjonijiet tal-pensjonijiet jeħżienu u 

* servizzi soċjali mhedda li jkunu bil-ħlas. 

 

Xorta waħda, iżda, il-mexxejja ta’ dawk it-trejdunjins li għamlu propaganda favur is-sħubija, ma stqarrewx li żbaljaw, u għadhom sal-lum iservu l-interessi ta’ l-UE aktar milli jħarsu l-interessi tal-ħaddiema.

Iżda issa mhux biss id-drittijiet tal-ħaddiema ntlaqtu ħażin bil-politika Ewropea. 

 

Intlaqtu ħażin ukoll id-drittijiet tat-trejdunjins li jordnaw azzjonijiet industrijali, bis-sentenza li l-Qorti Ewropea tat fit-18 ta’ Diċembru li għadda, fil-kawża li kumpanija mil-Latvja għamlet kontra żewġ trejdunjins Svediżi.

Il-każ kien dwar l-azzjonijiet industrijali li żewġ unjins Svediżi organizzaw kontra l-kumpanija mil-Latvja li ħadet kuntratt ta’ kostruzzjoni ta’ skola f’belt fl-Isvezja. 

 

It-trejdunjins Svediżi nsistew magħha li jiftehmu dwar il-pagi li l-kumpanija Latvjana kellha tħallas lill-ħaddiema Latvjani tagħha fl-Isvezja, biex il-pagi tagħhom ma jkunux inqas minn dawk li kumpaniji Svediżi jħallsu fl-Isvezja. 

 

It-trejdunjins insistew ukoll li l-kumpanija Latvjana tagħmel ftehim kollettiv dwar il-ħaddiema Latvjani. 

 

Ma ntlaħaqx ftehim dwar dan iż-żewġ talbiet ta’ l-unjins.

It-trejdunjins irrikorrew għall-azzjonijiet industrijali billi għamlu imblokk tal-lantijiet tax-xogħol tal-kumpanija Latvjana li kellha fl-Isvezja u l-imblokk tal-provvista ta’ l-elettriku.

 

Il-kumpanija Latvjana kellha tabbanduna l-kuntratt tal-bini ta’ l-iskola. 

 

Hija għamlet kawża kontra ż-żewġ unjins Svediżi, waħda tal-ħaddiema tal-kostruzzjoni u xogħlijiet pubbliċi, u l-oħra tal-ħaddiema elettriċisti. 

 

Hija talbet lill-Qorti 

* l-ewwel, tiddikjara li l-azzjonijiet industrijali li ż-żewġ unjins għamlu kienu kontra l-liġi, 

* it-tieni talbu lill-Qorti tordna li t-trejdunjins iwaqqfu l-azzjonijiet tagħhom, u 

* t-tielet, li l-Qorti tikkundanna lill-unjins iħallsu kumpens għat-telf li l-kumpanija ġarrbet.

Il-Qorti ta’ l-Unjoni Ewropea kellha tagħti l-ewwel tifsira ta’ l-Artikoli 12 u 49 tal-Komunità Ewropea u tad-Direttiva 96/71 EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi f’pajjiż ta’ l-Unjoni minn kumpanija barranija ta’ pajjiż ieħor ta’ l-Unjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li l-liġi u l-politika Ewropea dwar il-provvista ħielsa ta’ servizzi fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni, 

* jimpedixxu trejdunjin f’pajjiż ta’ l-UE milli tipprova, 

* permezz ta’ azzjonijiet industrijali 

* ġġiegħel kumpanija ta’ pajjiż ieħor ta’ l-UE, 

* li jipprovdi servizzi, 

* tinnegozja mat-trejdunjin il-pagi tal-ħaddiema mibgħuta mill-kumpanija biex jaħdmu fil-pajjiż tat-trejdunjin, u 

* biex iġġiegħel lill-kumpanija tiffirma ftehim kollettiv li jkun f’kundizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk minimi stabbiliti bil-liġi tal-pajjiż tat-trejdunjin.

Għalhekk il-Qorti Ewropea qatgħet il-kawża kontra t-trejdunjins Svediżi u issa l-kawża dwar id-danni trid titkompla quddiem il-Qorti ta’ l-Isvezja.

Il-mexxejja tat-trejdunjins Maltin għandhom jifhmu li dak li ddeċidiet il-Qorti ta’ l-Unjoni Ewropea jolqot lilhom ukoll jekk huma jħossu li għandhom jieħdu azzjonijiet industrijali kontra kumpaniji li ġejjin minn pajjiżi oħrajn ta’ l-UE biex jesegwixxu kuntratti f’pajjiżna bil-ħaddiema li jġibu magħhom minn pajjiżhom.

 

L-UE mhux issaħħaħ it-trejdunjins, iżda ddgħajjifhom trid.

 

Bl-Ewro xorta noħorġu mill-UE

 

Nhar is-Sibt se jagħmlu festa oħra, li għaliha stiednu ħafna barranin, ħalli jiċċelebraw il-mewt tal-Lira Maltija u d-dħul minflokha fl-Ewwel tas-Sena tal-munita ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Ewro.

Se jkollna pulċinellata oħra mal-ħafna li kellna fil-kampanja ta’ propaganda favur l-Ewro. 

 

Se tkun okkażjoni oħra ta’ ħela ta’ flus il-poplu biex iżidu ma’ l-infiq enormi li sar biex jistordu lill-poplu bi propaganda ħalli ma jintebaħx kemm mhux se jirbaħ xejn bl-Ewro, u kemm se ġġiblu, mhux inqas, iżda żieda fl-għoli tal-ħajja.

Qalulna li d-dħul ta’ l-Ewro se jkabbar il-kompetittività ta’ Malta. 

 

Mhu veru xejn, għax l-Ewro la se żżidilna l-produttività u lanqas se traħħsilna l-prezzijiet ta’ l-oġġetti u s-servizzi li nbiegħu. 

 

Qalulna li l-Ewro se żżidilna l-investimenti.

Lanqas dan m’huwa veru.

Ġie investiment barrani meta kellna l-Lira Maltija, u pajjiżi oħrajn li ma daħħlux l-Ewro, ġibdu lejhom ħafna aktar investiment minn dawk li għandhom l-Ewro.

Qalulna li l-Ewro tiżguralna l-istabbilità ekonomika. 

 

Meta nħarsu lejn l-Italja li għandha l-Ewro, u Franza li għandha l-Ewro, naraw li l-Ewro m’għamlitilhomx l-ekonomiji tagħhom aktar stabbli, fil-waqt li d-Danimarka, l-Isvezja u l-Ingilterra, li m’għandhomx l-Ewro, għandhom ekonomiji aktar stabbli.

Kienu jagħmlu aktar ġid lill-poplu tagħna kieku minflok ħafna propaganda fiergħa, fissru lill-poplu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tad-dħul ta’ l-Ewro, u għax, minkejja l-iżvantaġġi, jaqblilna bl-Ewro. 

 

Kienu jkunu aktar onesti li kieku qalu l-verità kollha lill-poplu, li l-bidla għall-Ewro hija qabel kollox miżura politika li tgħaqqadna aktar politikament ma’ l-Unjoni Ewropea.

 

Iżda kieku qalu din il-verità, kienu jibżgħu li l-maġġoranza tal-poplu ma kinitx tapprova d-dħul ta’ l-Ewro. 

 

U għalhekk lanqas għamlu referendum biex jaraw jekk il-poplu jridx li tidħol l-Ewro, kif għamlu l-poplu Svediż li b’maġġoranza vvota kontra l-bidla tal-Kroner Svediż għall-Ewro ta’ l-UE.

Jekk ħasbu li d-dħul ta’ l-Ewro se jimbarra t-triq għall-ħruġ ta’ Malta minn L-Unjoni Ewropea, qegħdin jiżbaljaw bl-ikrah.

Pajjiżna jibqa’ jista’ joħroġ mill-Unjoni meta l-maġġoranza tiddeċiedi li nagħmlu dan, allavolja jkollna l-Ewro, u jekk inkunu rridu, m’hemm xejn li ma jħalliniex li nżommu l-Ewro.

Bħalma għamlet Greenland, Malta tista’ toħroġ mill-Unjoni Ewropea. 

 

U bħalma qegœdin jagħmlu l-Kosovo u l-Montenegro, li xorta waħda jużaw l-Ewro bħala l-munita uffiċjali tagħhom, allavolja m’humiex membri bħalna fl-Unjoni Ewropea.

 

L-ispejjeż enormi tas-sħubija

 

Se ngħalqu erba’ snin li sseħibna fl-UE u la l-Gvern u lanqas l-Unjoni m’għandhom id-diċenza li jagħtu sodisfazzjon lill-poplu Malti kemm switilna spejjeż s’issa s-sħubija fl-Unjoni. 

 

Ma jafux x’inhi trasparenza fir-relazzjonijiet bejn pajjiżna u l-Unjoni u lanqas jemmnu bir-responsabbiltà demokratika li jagħtu tagħrif lill-poplu li mit-taxxi li jħallas huwa, jitħallsu l-ispejjeż li jsiru b’konsegwenza tas-sħubija fl-Unjoni.

Għaliex dan il-ħabi skandaluż tar-riżultat tar-rendikont li jsiru kull sena, iżda li qatt ma jitħabbru, minkejja li nitolbu kontinwament biex dan it-tagħrif li għalih għandu dritt, jingħata lill-poplu Malti?

Il-fatt li jridu jaħbu mill-poplu kemm switilna, u kemm qiegħda tiswielna kull sena, is-sħubija tagħna fl-Unjoni, jagħtina raġun ngħidu li jibżgħu jxandru dan it-tagħrif għax iħalli togħma ħażina ħafna fil-Maltin u l-Għawdxin.

 

Jekk jagħtu dan it-tagħrif, il-poplu jintebaħ kemm mar minn taħt bis-sħubija fl-Unjoni, u kemm niffrankaw spejjeż, u taxxi biex inħallsu l-ispejjeż, kieku ma nibqgħux fl-Unjoni.

Jekk ma jridux jikxfu kemm hija kbira l-ispiża kull sena tas-sħubija fl-Unjoni, ma jistgħux jaħbu kemm inħallsu dritt kull sena lill-Unjoni, għax nafu mill-estimi uffiċjali li pajjiżna se jħallas din is-sena lill-Unjoni s-somma ta’ €51,245,000

 

Dan ifisser li fl-ewwel għaxart ijiem ta’ din is-sena, pajjiżna diġà ħallas lill-UE €1,400,000.

Anke biex daħħalna l-Ewro flok il-Lira Maltija kellna nħallsu prezz għoli u għamilna spejjeż kbar. 

 

Ma qalulniex kemm kienet l-ispiża biex iz-zekka Franċiża għamlitilna l-muniti (‘coins’) Maltin ta’ l-Ewro, iżda nafu mill-estimi tal-Gvern, li fi tliet snin l-ispiża tal-Kumitat biex iħejji għad-dħul ta’ l-Ewro, se tlaħħaq €2,542,000.

M’hemmx f’dan l-ammont l-infiq enormi li kellu jsir biex jinbidlu l-makni awtomatiċi li jagħtu l-flus, biex jaddattaw il-kompjuters u l-makni tal-flus tal-ħwienet, u l-ammont ta’ sigħat ta’ xogħol biex il-prezzijiet jinqalbu u biex il-kontijiet jinqalbu għall-Ewro.

 

Imma dan mhux kollox. 

 

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta kellu jħallas €3,583,000 bħala s-sehem tiegħu fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew u ttrasferixxa lil dan il-bank riservi barranin u deheb tal-valur ta’ €36,553,000. 

 

Iżda l-agħar effett tal-bidla għall-Ewro huwa li se jgħolli l-ħajja u jkabbar l-ispejjeż tas-servizzi u tal-produzzjoni. 

 

Għalhekk mhux se jgħin ħalli pajjiżna jsir aktar kompetittiv la fit-turiżmu, la fil-kummerċ u lanqas fl-industrija tal-manifattura u tas-servizzi.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis, 10 ta' Jannar, 2008.

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ