MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Ikollha tfassal Kostituzzjoni ġdida
FL-Unjoni Ewropea qegħdin
jipprovaw iqajmu l-kadavru tal-Kostituzzjoni ta’ l-Ewropa li l-popli ta’
Franza u ta’ l-Olanda vvotaw kontriha f’Ġunju tas-sena l-oħra.
Wara ż-żmien twil li l-Kummissjoni Ewropea ilha siekta dwar
il-Kostituzzjoni li l-mexxejja tal-pajjiżi membri ta‘ l-Unjoni Ewropea
ffirmaw b’solennità kbira f’Ruma fid-29 ta’ Ottubru, 2004 (fosthom
il-Prim Ministru u l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ Malta), il-Viċi-President
tal-Kummissjoni, Margot Wallstrom, qalet dan l-aħħar li l-Kummissjoni
ma tixtieqx li jsiru ħafna tibdiliet fil-Kostituzzjoni Ewropea.
Wallstrom sostniet li fid-diskussjonijiet dwar il-Kostituzzjoni Ewropea, kulħadd
għandu jżomm fermi l-partijiet ewlenin tal-Kostituzzjoni li kienu
ġew maqbulin wara negozjati li ħadu fit-tul u mimlijin diffikultajiet,
u għalhekk dawn il-partijiet ewlenin tal-Kostituzzjoni Ewropea m’għandhomx
jerġgħu jkunu suġġetti għad-diskussjoni.
ll-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet li hija kellha f’moħħha r-regoli li tfasslu biex tinkiseb il-maġġoranza fil-votazzjonijiet, it-twaqqif tal-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin għall-Unjoni Ewropea, id-dritt taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea li jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni, iż-żieda fis-setgħat tal-Parlament Ewropew u ċ-Charter tad-Drittijiet tal-Bniedem.
B’dak li qalet Margot Wallstrom uriet li għandu jkun hemm tibdil f’partijiet oħrajn tal-Kostituzzjoni, għax l-Unjoni Ewropea ma tistax tipperikola li għat-tieni darba ma tgħaddix il-Kostituzzjoni li l-Unjoni Ewropea tippreżenta liċ-ċittadini tal-pajjiżi membri tagħha.
X’qalet il-Kummissjoni
Il-Kummissjoni Ewropea stqarret li għadu kmieni wisq biex wieħed jiddiskuti fid-dettal it-tibdil fil-Kostituzzjoni meħtieġ biex il-Franċiżi u l-Olandiżi jaċċettawha.
B’danakollu
l-Kummissjoni wriet li hija favur li tidħol fil-Kostituzzjoni ġdida li
l-Unjoni Ewropea jkollha bħala politika tagħha l-għan li tiġġieled
kontra l-ħwejjeġ li qegħdin iġibu tibdil fil-klima, iżda
hija kontra li jingħata l-jedd lil xi pajjiżi membri ta’ l-Unjoni
Ewropea li ma jħaddnux ir-regoli tal-politika soċjali ta’ l-UE, għax
dan iwassal għal firda bejn il-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni Ewropea lanqas ma hija favur li jkunu diskussi mill-ġdid
l-istruttura tal-baġit ta’ l-UE, għax din toħloq diskussjoni
mqanqla ħafna u negozjati diffiċli ħafna, u ma jkunx jista’
jintlaħaq l-għan li jsir ftehim dwar il-Kostituzzjoni ġdida
ħalli jitfassal Trattat ieħor tal-Kostituzzjoni sas-sena 2009, kif
il-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea jixtiequ.
Jidher ċar kemm il-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea li rratifikaw il-Kostituzzjoni Ewropea wara r-riżultati negattivi ta’ Franza u l-Olanda, fosthom Malta, żbaljaw u se jisbu li rratifikawha għal xejn.
Għax huma jkollhom jaċċettaw kull tibdil li jsir fit-Trattat ġdid biex jikseb l-approvazzjoni tal-Franċiżi u l-Olandiżi.
Biex dan iseħħ,
il-Kostituzzjoni ġdida jrid ikollha politika ekonomika u soċjali
differenti minn dik tal-lum ta’ l-Unjoni Ewropea, u trid treġġa’
lura lill-popli tal-pajjiżi membri x’uħud mis-setgħat li
l-Unjoni Ewropea ħatfet għaliha matul is-snin.
Il-fatt li l-Unjoni Ewropea qiegħda tifhem li jekk trid li l-popli ta’
l-Unjoni japprovaw Kostituzzjoni ġdida, trid tkun waħda differenti
mill-Kostituzzjoni li nqatlet mill-Franċiżi u l-Olandiżi, joffri
opportunità lill-Ewro-xettiċi bħalna li jimmontaw kampanja popolari
ħalli l-Unjoni Ewropea tinbidel, jew il-Ewro-xettiċi ma jibqgħux
jagħmlu sehem mill-Unjoni Ewropea kif hija llum u bil-politika li għandha
llum.
Il-partiti politiċi Maltin ikunu boloħ jekk jgħaddsu rashom u
jkomplu jopponu li jsiru tibdiliet kbar fl-Unjoni Ewropea.
Jiġrilhom bħal ma ġralhom il-partiti politiċi kbar fi Franza, fl-Olanda, fid-Danimarka u fl-Isvezja, li fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Unjoni Ewropea, il-massa tal-partitarji marret kontra l-linja uffiċjali tal-partiti u vvotat LE għal dak li l-partiti qalulha biex tapprova.
X’se nitilfu bid-dħul ta’ l-Ewro
Il-Ġimgha l-oħra l-Bank Ċentrali ta’ Malta għolla r-rata ta’ interessi ghal 3.75 fil-mija.
Wara ftit jiem il-banek
lokali għollew ir-rati ta’ l-interessi li jħallsu fuq id-depożiti
u għollew ukoll ir-rati ta’ interessi li jitħallsu huma fuq is-self
li jagħmlu.
Meta ndaħħlu l-Ewro flok il-Lira Maltija fl-1 ta’ Jannar 2008,
il-Bank Ċentrali Malti jitlef id-dritt li jiffissa huwa r-rata ta’
interessi, kif għamel il-ġimgħa l-oħra u kif ilu s-snin jagħmel
minn mindu twaqqaf fis-sittinijiet.
Ir-rata ta’ interessi tibda tkun dik li jiffissa minn żmien għal żmien il-Bank Ċentrali ta’ l-UE għall-pajjiżi kollha li jkollhom bħala munita l-Ewro.
Ir-rati ta’ imgħax li l-banek lokali jagħtu fuq il-flus depożitati u li jieħdu fuq il-flus minnhom mislufa, jibdew jinħadmu fuq ir-rata ta’ interessi li l-Bank Ċentrali ta’ l-UE jibda jiffissalna wara d-dħul ta’ l-Ewro f’pajjiżna.
Meta jagħmel dan,
il-Bank Ċentrali ta’ l-UE ma jagħtix kas tal-qagħda ekonomika
ta’ pajjiżna, iżda jiffissa r-rata ta’ interessi skond l-attività
ekonomika u l-qagħda monetarja ta’ l-Unjoni Ewropea kollha f’daqqa.
Għalhekk waqt li llum il-Bank Ċentrali Malti juża r-rata ta’
interess bħala għodda biex jinfluwenza biha l-attività ekonomika tagħna
wara li ndaħħlu l-Ewro, jiġri li r-rata ta’ interessi ffissata
mill-Bank Ċentrali ta’ l-Unjoni Ewropea tista’ tkun tajba għall-attività
ekonomika ta’ xi pajjiżi ta’ l-Unjoni, iżda ma tkunx tajba għall-attività
ekonomika li pajjiżna jkollu, u minflok ġid, tagħmlilna deni.
Minbarra dan l-iżvantaġġ kbir, id-dħul ta’ l-Ewro
f’pajjiżna f’Jannar 2008 se jtellifna l-qligh li l-Bank Ċentrali
ta’ Malta jagħmel kull sena minn fuq ir-riservi barranin tagħna.
Skond l-estimi ta’ l-2007, il-qligħ tal-Bank Ċentrali Malti huwa stmat li se jkun Lm11-il miljun is-sena d-dieħla.
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jgħaddi kull sena l-qligħ li jagħmel lill-Gvern Malti u jingħaddu mad-dħul tal-Gvern.
Meta naqilbu ghall-Ewro f’Jannar 2008 ir-riservi barranin tagħna ma jibqgħux għandna (f’idejn il-Bank Ċentrali tagħna), iżda jgħaddu għand il-Bank Ċentrali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Għalhekk
mad-dħul ta’ l-Ewro f’pajjiżna, pajjiżna se jitlef il-qligħ
tal-Bank Ċentrali Malti (stmat Lm11-il miljun għas-sena 2007), u
l-Gvern Malti mhux se jdaħħal aktar qligħ kull sena mill-Bank
Ċentrali ta’ Malta.
It-telf li l-Gvern Malti se jġarrab billi jonqoslu l-qligħ tal-Bank Ċentrali Malti, huwa mistenni li l-Gvern jagħmel tajjeb għalihom mit-taxxi oħrajn li jiġbor minn fuq il-poplu.
Il-poplu Malti għalhekk se jispiċċa jħallas
f’taxxi diretti jew indiretti għan-nuqqas ta’ qligħ minn fuq
ir-riservi barranin li mhux se jibqgħu tagħna wara li naqilbu għall-Ewro.
Xejn mis-somma ta’ Lm700,000 li l-Gvern Malti se joħroġ is-sena
d-dieħla lill-kumitat li twaqqaf biex iħejji għad-dhul ta’
l-Ewro u għall-propaganda favur l-Ewro m’hu se jintefaq biex lill-poplu
jingħata dan it-tagħrif dwar l-iżvantaggi li se nġarrbu
bid-dħul tal-munita Ewro minflok il-Lira Maltija.
L-Unjoni Ewropea tħoss ħtieġa ta’ aktar propaganda
L-Unjoni Ewropea taf li l-kotra taċ-ċittadini f’ħafna mill-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea huma kritiċi hafna tal-politika u t-tmexxija ta’ l-Unjoni u jaraw fiha korruzzjoni kbira, ħela li ddardrek u ineffiċjenza li tiddisgustak.
Il-fatt li għal
12-il sena l-awdituri stess ta’ l-Unjoni oġġezzjonaw għaż-żamma
tal-kontijiet u l-infieq tal-fondi ta’ l-Unjoni, jixxokkja lil kull min huwa
ta’ l-affari tiegħu u ma jistax jittollera li jagħmel sehem minn għaqda
li tippretendi li tgħid kif għandhom jitmexxew il-pajjiżi membri
tagħha.
Biex tipprova tegħleb l-ostilità u l-antagonizmu tal-kotra, l-Unjoni
Ewropea qiegħda tonfoq miljuni kbar fi propaganda favuriha.
Anki f’Malta, il-propaganda favur l-Unjoni qiegħda tiżdied.
Din hija prova li l-Unjoni tifhem li anki f’Malta hemm bżonn kampanja propagandista għax l-appoġġ għas-sħubija qiegħed dejjem jonqos.
Kieku l-appoġġ popolari qed jiżdied, ma jkunx hemm għalfejn jintefqu tant flejjes f’attivitajiet ta’ propaganda favur l-Unjoni.
Għalkemm it-tliet
partiti politiċi jagħmlu propaganda favur l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tħoss
il-ħtieġa li hija stess tagħmel propaganda favuriha kemm
f’Malta kif ukoll f’Għawdex, għax minkejja li l-partiti politiċi
huma favuriha, l-Unjoni tirrealizza li eluf mill-partitarji tagħhom huma
kontra l-politika u t-tmexxija ta’ l-Unjoni.
Il-mezzi pubbliċi tal-midja f’Malta qegħdin sfaċċatament
jintużaw ħalli jpinġu b’kuluri sbieħ l-istituzzjonijiet u
l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea, mingħajr ma jagħtu l-opportunijiet
li tinstema’ kritika oġġettiva tal-politika u l-istituzzjonijiet
ta’ l-Unjoni.
L-Awtorità tax-Xandir li xogħlha huwa li tħares li jkun hemm bilanċ fi kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, qiegħda tonqos milli ġġiegħel lil Xandir Malta li fuq ir-radju u fit-televizjoni jtella’ programmi li jsemmgħu l-qanpiena l-oħra ta’ min huwa kritiku tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni u tal-politika u t-tmexxija ta’ l-Unjoni.
Naturalment dan kollu qed iseħħ bil-barka ta’ l-Unjoni Ewropea.
Perikli ġodda għall-Għawdxin
Wara li spiċċa
s-servizz tal-helikopter ta’ Għawdex, reġgħet qamet
il-kwistjoni ta’ ‘runway’ u ajruport żgħir f’din il-gżira.
Niftakru li fil-bidu tas-snin 90 saret applikazzjoni biex issir ‘runway’
bl-iskuża li kienet meħtieġa mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Ħafna Għawdxin qalu li kemm it-tluq tal-ħelikopter, kif ukoll l-użu
mill-Forzi Armati kif kien intqal fis-snin 90, huma skużi biex isir
l-ajruport f’Għawdex.
Huma jsostnu li r-raġuni
vera hija li l-Unjoni Ewropea u n-NATO huma wara li jsir l-ajruport biex ikun
jista’ jintuża mill-forzi militari ta’ l-Unjoni u tan-NATO għall-eżerċizzji
militari fir-reġjun tal-gzejjer Maltin billi l-ajruport f’Għawdex
ikun maqtugħ mit-traffiku kummerċjali ta’ l-ajruport tal-Gudja.
Naturalment, l-ajruport f’Għawdex ikun jista’ jintuża f’każ
ta’ operazzjonijiet militari min-NATO u mill-armata ta’ l-Unjoni Ewropea.
Illum m’hemmx bżonn ta’ ‘runways’ twal ħafna għall-ajruplani militari.
L-Għawdxin jgħidu wkoll li jekk issir r-‘runway’ għall-ajruplani żgħar, malajr tinstab skuża biex ir-‘runway’ titwal.
Huma fakkru li t-Torri
ta’ Gourgon li l-Amerikani kienu waqqgħu fl-aħħar gwerra
dinjija biex jagħmlu ‘runway’ f’Għawdex, baqa’ qatt ma reġa’
inbena wara li r-‘runway’ ma baqgħetx tinuża.
Huma ħafna dawk l-Għawdxin li ma jridux li ssir ir-‘runway’ u
l-ajruport fi gżirithom, għax ma jridux li ħajjithom titqiegħed
fil-periklu b’ajruplani militari jittajru fuq Għawdex u ma jridux li
jkunu fil-mira ta’ attakki bi tpattija minn min ikun suġġett għall-ajruplani
li jittajru mill-ajruport ta’ Għawdex.
Fondi ta’ l-Unjoni Ewropea, minflok jintefqu fuq l-ajruport f’Għawdex,
aħjar jintużaw għal proġett utli għall-Għawdxin.
Il-Ħamis, 9 ta’ Novembru, 2006.
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ