MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

It-trade unions jipprotestaw kontra l-Unjoni Ewropea

 

minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

Araw kif tassew nistgħu nitilqu mill-Unjoni Ewropea

Dan huwa video tal-Parlament Ewropew

 Video Parlament Ewropew

 

Il-laqgħa ta’ nhar is-Sibt f’Ruma tal-kapijiet tal-gvernijiet ta’ 28 pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea (15 membri eżistenti, 10 li se jissieħbu u tlieta oħra li jridu jissieħbu), tibqa’ mfakkra l-aktar mhux għal dak li ġara fiha, iżda għal dak li seħħ barra fit-toroq li jagħtu għall-palazz fejn il-kapijiet iltaqgħu.

Nhar is-Sibt fit-toroq ta’ Ruma kien hemm dimostrazzjonijiet kbar ta’ protesta kontra l-politika ekonomika u tax-xogħol ta’ l-Unjoni Ewropea u kontra l-Kostituzzjoni ġdida li l-Unjoni qiegħda tfassal.

Tant kienet qawwija l-protesta popolari fit-toroq, li l-kapijiet tal-gvernijiet tal-pajjiżi li kienu ghal-laqgħa, ħassru ħesrem il-laqgħa li kellhom wara nofs in-nhar, għax kien hemm il-biża’ li s-sigurtà tagħhom kienet mhedda.

 

Tagħlima ghall-Prim Ministru

 

Aħna ċerti li l-Prim Ministru Malti ħa tagħlima li kellu bżonn f’dak li ra jiġri quddiem għajnejh f’Ruma nhar is-sibt.

Saħansitra huwa kellu jħassar il-laqgħa li kellu avżata mal-media. 

 

Ħassarha minħabba r-raġuni ta’ theddida għas-sigurtà tiegħu.

Il-Prim Ministru Malti ħa t-tagħlima li fl-Unjoni Ewropea l-politika tintlab b’mod ħafna aktar goff milli tintlab f’Malta u li t-toroq ta’ l-ibliet ta’ l-Unjoni Ewropea huma miftuħa għaż-żamma ta’ protesti ħorox u li l-vjolenza fl-Unjoni Ewropea mhix xi fatt rari, u li dawn il-ħwejjeġ nistennuhom li jiġru wkoll f’Malta fil-laqgħat li jsiru hawn ta’ l-Unjoni Ewropea, issa li aħna parti minnha.

 

It-trade unions kontra l-Unjoni

 

Iżda l-aktar li laqat lill-poplu Malti, speċjalment lill-ħaddiema Maltin kienet id-dehra impressjonanti ta’ l-uffiċjali tat-trade unions tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea jieħdu parti ewlenija fid-dimostrazzjonijiet ta’ protesta kontra l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea li qiegħda thedded serjament id-drittijiet tal-ħaddiema Ewropej u kontra l-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni.

F’għajnejn it-trade unions ta’ l-Unjoni Ewropea l-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni tant hija mill-agħar, li huma xebbhuha mat-‘toilet paper’, u fuq it-televizjoni stajna naraw lill-uffiċjali tat-trade unions Ewropej iwaddbu ‘rolls’ tat-‘toilet paper’ lejn il-palazz fejn il-kapijiiet tal-gvernijiet kienu qegħdin jiltaqgħu.

Għat-trade unions Ewropej il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea mhix aħjar minn ‘toilet paper’.

 

Impatt qawwi fuq il-ħaddiema Maltin

 

L-uffiċjali tat-trade unions li nhar is-Sibt ħadu sehem fid-dimostrazzjoni ta’ protesta f’Ruma kontra l-Unjoni Ewropea huma l-istess nies li sa ftit ilu kienu l-aktar akkaniti favuriha.

Huma issa fehmu li l-Unjoni qiegħda timbotta l-globalizazzjoni ekonomika li qiegħda tikkaġuna s-sensji u l-qgħad fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huma issa fehmu li l-politika ħażina ta’ l-Unjoni qiegħda thedded l-istat soċjali u l-welfare state, il-pensjonijiet u ħafna benefiċċji li l-ħaddiema kisbu permezz tat-trade unions tagħhom.

Ix-xeni ta’ nhar is-Sibt ta’ Ruma fuq it-televizjoni tal-protesta tat-trade unions Ewropej ma setgħux ma jħallux impatt qawwi fuq il-ħaddiema u t-trade unions Maltin, l-iktar fuq dawk li qabel kienu fil-għama dwar ir-realtà kiefra ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Il-Prim Ministru jfinġi

 

Il-Prim Ministru Malti, għalkemm kien viżibilment skoss b’dak li ra nhar is-Sibt ġewwa Ruma kontra l-Unjoni Ewropea, finġa u għamel ta’ bir-ruħu li ma ra xejn u ma sema’ xejn.

B’dak li huwa qal lill-istampa f’Malta wara li reġa’ lura minn Ruma, ma ħareġ xejn ġdid u wera biss li ħela ż-żmien u l-flus meta ħa sehem fiċ-ċerimonji u l-ispettaklu li l-Unjoni Ewropea organizzat f’Ruma nhar is-Sibt li għadda.

Xeni tat-teatrin bħal dawk li rajna nhar is-Sibt bil-parteċipazzjoni tal-mexxejja politiċi Maltin, issa li sseħibna fl-Unjoni Ewropea, se narawhom spiss, avolja l-kaxxa ta’ Malta ma tiflaħx għall-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tagħna f’dawn il-kapriċċi u l-fanfarunati fil-vojt.

Huwa stmat li l-ispiża biex tinżamm il-laqgħa ta’ Ruma ta’ nhar is-Sibt li għadda tilħaq mal-15-il miljun Euro, ekwivalenti għal sitt miljuni u erba’ mitt elf lira Maltin.

 

Is-Segretarju Ġenerali ta’ l-ETUC

 

Id-dimostrazzjoni ta’ protesta tat-trade unions f’Ruma nhar is-Sibt kienet organizzata mill-Konfederazzjoni tat-trade unions Ewropej (l-ETUC) li fiha huma msieħba t-trade unions tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Ir-rappreżentanti ta’ dawn it-trade unions għamlu l-protesta biex iġagħlu lill-Unioni Ewropea taqleb għal politika li tkattar l-impjiegi minflok il-politika tagħha tal-lum li tippermetti miljuni kbar ta’ ħaddiema bla xogħol.

Huma pprotestaw ukoll kontra l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea li timmina l-pensjonijiet li jeżistu llum u biex l-Unjoni tittratta l-kwistjoni tal-pensjonijiet b’ġustizzja.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Konfederazzjoni tat-trade unions huwa llum John Monks, li sa ftit taż-żmien ilu kien is-Segretarju Ġenerali tat-Trade Union Congress ta’ l-Ingilterra.

 

Huwa ħa sehem prominenti fid-dimostrazzjoni ta’ protesta f’Ruma u jfisser li l-għan tad-dimostrazzjoni kien li jagħtu messaġġ lill-mexxejja politiċi ta’ l-Unjoni Ewropea li t-trade unions, fl-istess ħin li jridu żvilupp ekonomiku u f’kull employment, m’humiex lesti jaċċettaw li dawn ifissru tnaqqis fl-għoti tal-ħarsien soċjali f’livell diċenti u billi titnaqqas il-welfare state u jitqaċċtu drittijiet li l-ħaddiema kienu kisbu.

 

Kawza ta’ konflitt mhux ta’ koperazzjoni

 

John Monks żied jgħid li t-tnaqqis u l-qtugħ li l-gvernijiet tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea qegħdin jiġu mġagħla jagħmlu mingħajr ftehim mat-trade unions, kemm fl-għoti tal-pensjonijiet kif ukoll fuq proġetti pubbliċi u fis-settur pubbliku, huma kawża ta’ konflitt u mhux ta’ koperazzjoni soċjali.

Monks saħaq li għandha tinbena l-Ewropea ġdida fuq is-sisien tad-djalogu soċjali u fuq il-‘full employment’, ħwejjeġ li huma nieqsa fl-Unjoni Ewropea.

Huwa kien jisgħobbieh li t-trade unions ma setgħux jistennew li mil-laqgħa intergovernattiva ta’ l-Unjoni Ewropea li kienet qiegħda ssir f’Ruma, żieda fid-drittijiet soċjali.

Iżda huwa saħaq li t-trade unions ta’ l-Unjoni Ewropea kienu qegħdin jiġġieldu ħalli almenu ma jitnaqqsux ir-rakkomandazzjonijiet li l-Konvenzjoni li kienet fasslet l-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea kienet għamlet dwar id-drittijiet soċjali.

 

Il-frott imranġat tas-sħubija fl-UE

 

L-effetti ħżiena tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea diġà qegħdin jinħassu minn għadd ta’ setturi tal-poplu Malti. 

 

L-ewwel settur huwa dak tal-ħaddiema. 

 

Mijiet ta’ ħaddiema tat-tarzni għandhom ix-xabla tas-sensja mdendla fuq għonqhom.


Il-ħaddiema tax-Xatt għandhom id-direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea li thedded li toħdilhom xogħolhom biex isir mill-ekwipaġġ stess tal-vapuri.

Mijiet ta’ ħaddiema ta’ l-intrapriżi f’Malta jafu li l-impjieg tagħhom qiegħed jiġi tterminat għax ir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea ma jistgħux iħalluhom jikkompetu aktar ma’ l-oġġetti importati.

Ħaddiema oħra tal-fabbriki għandhom xogħol imhedded għax pajjiżna mhux se jibqa‘ aktar kompetittiv wara ż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni, minħabba l-Unjoni Ewropea.

 

Għadd ta’ setturi milquta

 

It-tieni settur huwa dak ta’ l-imprendituri 

li qegħdin jiffaċċjaw jew li jċekknu drastikament ix-xogħol tagħhom, jew li jżarmaw għal kollox jew ifallu, għax bil-politika ta’ l-Unjoni Ewropea tilfu l-ħarsien u l-inċentivi li kellhom u nixfilhom il-bejgħ.

It-tielet settur huwa dak tal-biedja. 

Wara ż-żjara fostna tal-Kummissarju Ewropew tal-Biedja Frans Fischler, il-bdiewa sabu li l-Gvern tmellaħ bihom qabel ir-referendum meta assigurahom li se jdaħħal klawsola fil-ftehim ma‘ l-Unjoni li kienet se tħarishom mill-periklu li l-importazzjoni tal-ħxejjex twaqqagħlhom il-prezz tal-prodotti Maltin. 

 

Issa l-bdiewa sabu li dik il-klawsola tal-ħarsien tal-prezzijiet, jekk qatt tintuża, tista’ tintuża biss f’każijiet eċċezzjonali.

Dan l-ingann wassal biex uffiċjali ta’ l-għaqdiet tal-bdiewa li l-Gvern inqeda bihom favur is-sħubja fl-Unjoni, issa ħarġu pubblikament jixlu lill-Gvern li kien qarraq bihom biex serqilhom il-vot.

 

It-theddida għall-pensjonijiet

 

Ir-raba’ settur tal-poplu huwa dak tal-pensjonanti li qiegħed jara l-beraq ifaqqgħu. 

 

Il-Gvern Malti qiegħed ikollu jobdi d-direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea biex inaqqas l-ispiża fuq il-pensjonijiet, bl-iskuża li fil-qagħda finanzjarja preżenti, il-pensjonijiet tal-lum mhux aktar sostenibbli.

It-theddida għall-pensjonijiet hija f’Malta kif tinsab ukoll f’kull pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Qabel ir-referendum kienu jassigurawna li l-Unjoni Ewropea ma tindaħalx fil-pensjonijiet. 

 

Din it-theddida qiegħda tkun kawża ta’ inkwiet kbir f’pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea, bħall-Ġermanja, Franza u l-Italja, fejn qegħdin isiru protesti kbar kontra t-tnaqqis tad-drittijiet tal-pensjonanti.

 

Theddida għas-servizzi soċjali

 

Il-ħames qasam li fih qegħdin naraw l-effetti ħżiena tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea huwa dak tal-kura tas-saħħa u tas-servizzi soċjali.

Minhabba l-qagħda finanzjarja l-Unjoni Ewropea tinsisti mal-gvernijiet li ma jkomplux jipprovdu b’xejn is-servizz tal-kura b’xejn fil-mard u servizzi oħra tas-saħħa, kif hawn illum. 

 

Il-Gvern se jdaħħal miżuri ta’ ħlas għal ċerti servizzi mediċi li jipprovdi lil ċerti setturi tal-poplu.

L-Unjoni Ewropea qiegħda titqies mit-trade unjons Ewropej bħala theddida diretta għall-‘welfare state’ li twaqqfet f’diversi pajjiżi Ewropej bis-saħħa tal-Partiti Soċjalisti u tat-trade unions. 

 

Skond l-Unjoni Ewropea, il-‘welfare state’ hija ta’ ostaklu għat-tkabbir ekonomiku u għalhekk l-ispiża pubblika fuq il-benefiċċji u s-servizzi soċjali għandha tonqos.

 

Frott imranġat ieħor

 

L-aħħar frotta ħażina li għandna bis-saħħa ta’ l-Unjoni Ewropea u s-sħubija tagħna fiha, hija l-mewt tas-servizz tal-ħelikopter għal Għawdex.

L-Unjoni Ewropea mhux se tħalli li s-servizz ikun issussidjat. 

 

Għalhekk la darba biex ikun hemm servizz tal-ħelikopter għal Għawdex, bil-fors irid jingħata sussidju, la dan is-sussidju l-Unjoni ma tħallix li jingħata, is-servizz tal-ħelikopter ikollu jitwaqqaf.

It-twaqqif tas-servizzi tal-ħelikopter għal Għawdex hija daqqa ta’ ħarta oħra għat-turizmu lejn Għawdex.

 

Id-daqqa ta’ ħarta l-oħra hija t-tnaqqis ta’ ċerti vjaġġi mill-vapur ta’ Għawdex li l-Gvern iddeċieda li jsir ħalli jitnaqqas it-telf.

U l-Għawdxin qegħdin jistaqsu x’siwi għandha dik id-dikjarazzjoni li l-Gvern tant ftaħar biha li għamel fil-ftehim ma’ l-Unjoni Ewropea dwar trattament speċjali ghal Għawdex, jekk is-servizzi essenzjali għall-ekonomija ta’ Għawdex qegħdin jinqatgħu biex issir ekonomija?

 

Il-Ħamis, 9 ta’ Ottubru, 2003

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

  << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ