MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000
Propaganda qarrieqa dwar l-Unjoni Ewropea
Il-Qerq u l-propaganda falza ta’ l-Unjoni Ewropea ma jaqtgħu xejn. F’pajjiżna, huma sfaċċati u mingħajr skrupli.
Fl-aħħar tal-ġimgħa l-oħra l-prim Ministru għamel żjara lil ditta li topera fil-qasam finanzjarju f’Malta. Fid-diskors toegħu l-Prim Ministru ftaħar li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet il-fattur li minħabba fih id-ditta tas-servizzi finanzjarji kabbret in-negozju tagħha f’pajjiżna.
Dak li qal il-Prim Ministru m’huwa veru xejn. Anzi huwa bil-maqlub ta’ l-effetti ħżiena li l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea kellha fuq il-qasam tas-servizzi finanzjarji. Għax l-Unjoni mponiet ħafna restrizzjonijiet fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji.
Fosthom, li jikxfu l-ismijiet tal-klijenti tagħhom u li ma jagħtux benefiċċji mit-taxxi fuq l-imgħaxijiet ħalli ma jiġbdux l-investiment minn barra mill-pajjiż għax ikun aktar attraenti għall-barranin li jġibu flushom fl-istituzzjonijiet finanzjarji Maltin.
Dan huwa skond l-Unjoni, mezz mhux ġust ta’ kompetizzjoni ta’ l-sitituzzjonijiet finanzjarj iMaltin ma dawk barranin fil-qasam finanzjarju.
Huwa fatt magħruf li mingħajr ir-restrizzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewroipea, is-servizzi finanzjarji f’Malta kienu jmorru aħjar għax pajjiżna kien jattira ħafna aktar fondi barranin, kemm minħabba il-kunfidenzjalita’ dwar is-sidien tal-fondi, kif ukoll minħabba t-trattament preferenzjali u l-benefiċċji mill-ħlas tat-taxxa li setgħu jingħataw.
L-Unjoni Ewropea waqqfet dan kollu.
Għalhekk bil-maqlub ta’ dak li l-Prim Ministru qal il-ġimgħa l-oħra, is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni ċekknet, mhux kabbret l-industrija tas-servizzi finanzjarji f’Malta.
Mingħajr is-sħubija fl-Unjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji f’pajjiżna kienu jikbru aktar u jimpjegaw ħafna aktar żgħażagħ magħhom.
Il-Prim Ministru ftaħar ukoll li bis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, twaqqfu f’Malta dawk li huma magħrufin bħala “call centres” u “back-up offices” ta’ kumpaniji kummerċjali barranin li jżommu ir-“records” u t-tagħrif tan-negozju u l-kontijiet ta’ l-operazzjonijiet tagħhom billi jużaw il-mezzi moderni ta’ l-informatika (kompjuters u e-mails).
Iżda anki dwar dan, il-Prim Ministru żbalja.
Għax it-twaqqif tal-“call centres” u tal-“back-up offices” mhux qiegħed isir b’konnessjoni tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, iżda għal raġunijiet oħrajn differenti għal kollox.
Infatti, biżżejjed infakkru li l-akbar għadd ta’ “call centres” u “back-up offices” qegħdin jitwaqqfu f’pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea, bħal, per eżempju, l-Indja.
M’hemmx dubju li kieku pajjiżna mhux suġġett għall-piżijiet u restrizzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea, kieku jitwaqqfu ħafna aktar “call centres” u “back-up offices” u s-servizzi finanzjarji kienu jikbru ħafna aktar.
B’hekk kien ikollna aktar impjiegi għaż-żgħażagħ tagħna.
Fid-dokument dwar il-baġit ta’ l-2007 li l-Prim Ministru xandar dan l-aħħar, insibu li l-Gvern Malti se jkollu jbiddel partijiet mil-liġi tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji u fuq id-dħul tal-barranin f’Malta, għax hekk ġie mġieghel jagħmel mill-Unjoni Ewropea.
Għax l-Unjoni Ewropea ma tridx li Malta tagħmel kompetizzjoni lill-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam fiskali (taxxi) u fil-qasam finanzjarju (banek u istituzzjonijiet finanzjarji u kumpaniji ta’ l-assikurazzjoni).
Bit-tibdil li l-Gvern Malti se jkollu jagħmel mill-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla, in-negozju fi-qasam finanzjarju f’Malta mhux se jgawdi.
Li kieku ma jsirx it-tibdil ordnat mill-Unjoni Ewropea, Malta kien ikollha negozju akbar u b’hekk ħafna aktar żgħażagħ kienu jsibu l-impjieg tagħhom f’dan il-qasam.
IL-poplu Malti mhux stmat meta jiġi mqarraq b’diskors ta’ vantaġġi miksubin bis-sħubija fl-Unjoni, meta fil-fatt is-sħubija fl-Unjoni hija ta’ saram għall-impjieg u għan-negozju f’Malta.
Iżda l-propaganda ta’ l-Unjoni Ewropea hija infinita.
Biżżejjed infakkru li l-Unjoni nefqet erba’ miljuni liri sterlini fil-propaganda biex iġġiegħel lill-maġġoranza tal-Maltin jivvotaw favur is-sħubija fir-Referendum.
Il-Biedja f’Malta mħarbta mill-UE
Is-sħubija fl-Unjoni ewropea tista’ tkun il-qerda tal-biedja f’Malta. Dan il-fatt waslet biex tammettih il-gazzetta li toħroġ f’pajjiżna kull nhar ta’ Ħadd, The Malta Independent on Sunday, li hija favur is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Qabel ir-Referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni, konna wissejna li l-politika u d-direttivi ta’ l-Unjoni fil-qasam tal-biedja kienu se jħarbtu l-biedja ta’ pajjiżna.
Iżda l-propagandista favur is-sħubija żguraw lill-bdiewa li bis-sħubija, se jissaħħu.
Għamuhom bl-għoti tas-sussidji, mingħajr ma ħallewhom jaraw lil–bdiewa kien se jkollhom biss sehem żgħir ħafna mis-sussidji u li wara ftit tas-snin, is-sussidji jieqfu.
Jekk il-bdiewa ma fehmux li l-politika agrarja komuni ta’ l-Unjoni kienet thedded il-ħajja tal-biedja f’Malta, mhux hekk jista’ jingħad dwar ir-rappreżentant tal-Gvern Malti, dwar il-Ministri u l-uffiċjali tal-Gvern, kif ukoll il-pampaluni tal-kumitat li kien twaqqaf biex ifassal l-istrateġija tan-negozjati ta’ Malta ma’ l-Unjoni Ewropea.
Huwa fatt żgurat li n-negozjaturi Maltin stqarrew li quddiem il-politika agrarja u d-direttivi ta’ l-Unjoni, kien hemm żewġ toroq għall-biedja f’Malta, li t-tnejn kienu jwasslu għall-mewt tal-biedja.
L-għażla kienet li jew tinżel il-giljottina f’daqqa fuq il-bdiewa Maltin, jew I-bdiewa jitħallew ininu ftit ftit sakemm iżarmaw.
Fiż-żewġ każi l-mewt kienet ix-xorti li kienet se tmiss lill-biedja Maltija meta Malta tidħol fl-Unjoni u jseħħu l-politika u d-direttivi tal-qasam tal-biedja ta’ l-Unjoni Ewropea.
L-editorjal tal-gazzetta imsemmija xela lill-Gvern Malti li kien dgħajjef u qatt ma fassal strateġija fit-tul għall-qasam tal-biedja ta’ Malta.
Xela wkoll lill-Gvern li ħalla l-intrapriżi l-oħrajn, l-importaturi u l-produtturi jieħdu huma l-akbar sehem ta’ l-għajnuniet fil-waqt li l-bdiewa jieħdu ftit trab.
L-editorjal imsemmi lmenta li wasalna fil-qagħda redikola l ħafna prodotti agrikoli barranin jinbiegħu fis-suq bħala prodotti Maltin u b’eżempju, semma tadam miċ-Ċina li jkun ipproċessat fit-Turkija, li qiegħed jinbigħ f’Malta bħala prodott Malti.
Hemm lista’ twila ta’ prodotti barranin li qegħdin jinbiegħu bħala Maltin.
Il-Gazzetta The Malta Independent on Sunday ilmentat ukoll li l-Gvern Malti dejjem jiftaħar bl-ammont totali tas-sussidji li qegħdin jingħataw lill-biedja Maltija, iżda l-bdiewa jafu li huma l-produtturi li jieħdu l-parti l-kbira tas-sussidji u lill-bdiewa qegħdin jingħataw ammonti żgħar ħafna.
L-editorjal tal-gazzetta imsemmija jfakkar li fi ftit ta’ żmien ieħor, jieqfu s-sussidji kollha ghax jintemm il-perjodu tal-prorogi li ngħataw lill-Gvern Malti fin-negozjati tiegħu ma’ l-Unjoni Ewropea.
Wissa wkoll li l-bdiewa Maltin se jġarrbu ħsara kbira bid-dħul tal-prodotti agrikoli barranin mill-ħafna ‘supermarkets’ tal-barranin li nfetħu f’pajjiżna u li minħabba l-kobor tagħhom, qegħdin jaħtfu s-suq minn idejn il-Maltin.
Huwa fatt magħruf li ammonti kbar ta’ prodotti agrikoli jidħlu regolarment minn barra mgħobbijin fuq trakkijiet li jiġu minn Sqallija kull ġimgħa.
Xi bdiewa sabu li jaqblilhom jagħmlu dan in-negozju milli joqgħodu jkabbru l-prodotti fl-għelieqi tagħhom, għax il-prezz tal-prodotti Maltin jaqgħu ħafna bl-importazzjonital-prodotti barranin.
Mhux fl-interess ta’ pajjiżna li l-biedja tinqered għax meta’ jiġri dan, insiru aktar dipendenti milli diġa’ aħna fuq il-prodotti barranin.
Dan huwa ta’ ħsara kbira kemm għall-bdiewa stess, kif ukoll għall-ekonomija ta’ pajjiżna minħabba l-ammonti akbar ta’ flus li jinħarġu minn pajjiżna fix-xiri tal-prodotti barranin.
Issa qegħdin insibu li barra l-industrija tal-manifattura, anki l-industrja agrikola qiegħda titħarbat minħabba s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Mat-tgergir tal-bdiewa, għandna wkoll dak tas-sajjieda li wkoll intlaqtu ħażin bid-direttivi ta’ l-Unjoni fil-qasam tas-sajd u ma’ dawn jingħaqdu l-ilħna rrabjati tal-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhomtort tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Unjoni ta’ l-Ewropa ħielsa
Il-President tar-Repubblika Ċeka, Vaclav Klaus, qatt ma ħeba’ l-oppożizzjoni
tiegħu għall-Unjoni Ewropea kif hija magħnmula llum.
Huwa, li jqis lilu nnifsu bħala Ewrorealist, għadu kif kiteb f’ġurnal Ingliż, kif irid li l-Unjoni tkun fil-ġejjieni.
Vaclav Klaus qal li t-tkabbir ta’ l-Unjoni b’10 membri ġodda (fosthom Malta), f’Mejju 2004, żied l-ispiża ta’ l-Unjoni biex tiffunzjona, kif ukoll ħoloq ħafna ktar diffikultajiet għal ħafna pajjiżi membri biex joqgħodu għal għadd kbir ta’ regolamenti u deċiżjonijiet li l-Unjoni tagħmel l-istess għalihom kollha.
It-tkabbir ta’ l-Unjoni wessa’ d-difett ta’ nuqqas ta’ demokrazija (magħrufa bħala “democratic deficit”), billi l-popli tal-pajjiżi membri ma jistgħux jikkontrollaw it-tmexxija ta’ l-Unjoni.
Skond il-President tar-Repubblika Ċeka, l-għadd tal-liġijiet li l-Unjoni tagħmel, jiżdiued dejjem, tant li fil-weaqt li fl-ewwel 40 sena ta’ ħajjitha, il-liġijiet magħmulin mill-Unjoni jimlew 10,000 paġna, fit-tmien snin bejn l-1997 u l-2005, il-liġijiet magħmulin mill-Unjoni jimlew madwar 12,000 paġna.
Dawn il-liġijiet kollhajfissru aktar xkiel għaċ-ċittadini tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni, u t-teħid ta’ ħafna aktar mis-setgħat li qabel kienu tal-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi membri.
Fil-waqt li ħassu kuntent li l-poplu Franċiż u Olandiż ċaħdu t-Trattat dwar il-Kostituzzjoni ta’ l-Ewropa, Vaclav Klaus ilmenta li xorta waħda l-integrazzjoni tal-pajjiżi membri fi stat wieħed qiegħda sseħħ ftit ftit.
Huwa stqarr li l-ekonomija ta’ l-Unjoni qiegħda tikber b’rata żgħira, u li l-iżvilupp ta’ l-ekonomija mhux dovuta għad-dħul tal-munita komuni l-Ewro, kif lanqas is-servizzi soċjali li hemm fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni m’humiex il-frott tagħha.
Il-President tar-repubblika Ċeka ma jaqbilx ma’ dawk li jsostnu li jkun hemm żvilupp ekonomiku akbar kemm-il darba tikber l-integrazzjoni tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni.
Bl-istess mod huwa kontra li jsejħu lill-Unjoni l-Ewropa.
Għax l-Ewropa ilha teżisti sekli kbar qabel ma twaqqfet l-Unjoni Ewropea.
Għalhekk ma għandux jintqal li l-Ewropa qiegħda tinbena għax l-Unjoni Ewropea qiegħda tkabbar in-numru tal-pajjiżi membri.
Vaclav Klaus jisħaq li l-Ewropa hija indipendenti mill-Unjoni Ewropea u tibqa’ teżisti kemm jekk il-pajjiżi membri fl-Unjoni, kif ukoll jekk jibqgħu barra mill-Unjoni.
Għalih, meta pajjiż jissieħeb fl-Unjoni, ma sarx biċċa mill-Ewropa, għax kien dejjem pajjiż fl-Ewropa.
IL-President Vaclav Klaus qal li jemmen li hija ħaġa flokha u tajba li jkun hemm il-proġett politiku li l-pajjiżi Ewropej jaħdmu id f’id u flimkien , minkejja d-differenzi li jeżistu kemm storiċi, kif ukoll politiċi, ekonomiċi, kulturali u reliġjużi.
Iżda l-kwistjoni hija xi tfisser li l-pajjiżi Ewropej jaħdmu id f’id flimkien.
Hemm żewġ modi kif dan isir.
L-ewwel wieħed huwa li jilliberalizza r-rabtiet tal-pajjiżi billi jitneħħew l-ostakoli tal-fruntieri għall-moviment ħieles ta’ l-oġġetti, ta’ l-għoti tas-sevizzi, tal-ħaddiema, tal-kapital, kif ukoll ta’ l-ideat u tal-mod ta’ l-għixien.
Il-bażi ta’ din il-liberalizzazzjoni hija l-ftehim li l-gvernijiet jagħmlu ma’ xulxin, dak li jissejjaħ “intergovernmentalism”.
It-tieni mod kif il-pajjiżi Ewropej jaħdmu id f’id flimkien huwa dak li jarmonizzaw kollox permezz taċ-ċentralizzazzjoni, tar-regolamenti komuni li jagħmlu, trattament l-istess fil-qasam ta’ l-ekonomiji, fl-oqsma soċjali u fil-kundizzjonijiet taalk-produzzjoni u tar-regoli u l-liġijiet u dan isir mhux mill-gvernijiet, iżda minn min imexxi l-Unjoni u b’hekk jinħoloq dak li huwa magħruf bħala “supernationalism”.
Il-President tar-Repubblika Ċeka jaqbel ma’ l-ewwel mod ta’ koperazzjoni bejn il-gvernijiet tal-pajjiżi Ewropej.
Huwa jsostni li l-pajjiżi ta’ l-Unjoni għandhom iħassru l-integrazzjoni li diġa` saret u jibnu koperazjoni ġdida ħalli l-pajjiżi jibqgħu ħielsa.
Is-Sibt, 9 ta’ Settembru, 2006.
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ