MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA
Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000
Malta terġa' ħielsa tkun
Dawk li akkost ta' kollox ma ridux li Malta tibqa' indipendenti u ħielsa u għalhekk għamlu minn kollox ħalli tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, jinsabu mħassbin jaraw lil ħafna li huma kienu rnexxielhom iħawdu u jivvotaw IVA għas-sħubija, illum qegħdin jintebħu li għamlu żball u jridu jsewwuh.
Fost dawk li huma mħassbin ħafna, insibu lill-Editur tal-ġurnal Nazzjonalista ta' kuljum li nhar is-Sibt li għadda ħadha qatta bla ħabel kontra s-CNI għax għidna l-verita' dwar il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea.
X'għidna aħna?
Għidna li l-Kostituzzjoni li l-Unjoni Ewropea fasslet u li għad jeħtiġilha titqiegħed għall-approvazzjoni tal-popli tal-pajjiżi membri (bħal fil-każ ta' l-Ingliterra) jew tal-Parlamenti tagħhom (bħal fil-każ ta' Malta), tgħid li pajjiż membru għandu dritt joħroġ mill-Unjoni u li pajjiż li jkun ħareġ, jista' jitlob li jerġa' jidħol fl-Unjoni.
L-Editur Nazzjonalista ma għoġbitux din u bla ma qal li mhux hekk, ta' x'jifhmu lill-qarrejja tiegħu li s-CNI mhux qegħdin ngħidu l-affarijiet kif inhuma sewwa.
Il-Kostituzzjoni
Biex kulħadd jara li dak li s-CNI għedna huwa kollu minnu, qegħdin hawn inġibu x'tgħid il-Kostituzzjoni ta' l-UE dwar dan.
Paragrafu 4 ta' l-Artiklu I-59 tal-Kostituzzjoni ta' l-UE jaqra hekk:
"Jekk stat li jkun irtira mill-Unjoni jitlob biex jerġa' jaderixxi mill-ġdid it-talba tiegħu għandha tiġi sottomessa għall-proċedura msemmija fl-Artiklu 57".
It-test Ingliż jgħid dan:
"If a state which has withdrawn from the Union asks to rejoin, its request shall be subject to the procedure referred to in Article 57".
Dan il-kliem juri biċ-ċar li pajjiż membru li jagħżel li joħroġ mill-Unjoni jista' jerġa' jidħol.
L-Artiklu 57 tal-Kostituzzjoni ta' l-UE jitkellem dwar il-proċedura li għandha tintuża meta pajjiż ikun irid jissieħeb fl-Unjoni għall-ewwel darba.
Għalhekk il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni tgħid li pajjiż li jrid jerġa' jidħol fl-Unjoni wara li jkun ħareġ minnha, għandu jimxi skond l-istess proċedura ta' pajjiż li jkun irid jidħol fl-Unjoni għall-ewwel darba.
L-Artiklu 57.2 jgħid dan:
"Kull stat Ewropew li jixtieq isir membru ta' l-Unjoni għandu jindirizza l-applikazzjoni tiegħu lill-Kunsill tal-Ministri. Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali ta' l-istati membri għandhom ikunu notifikati dwar din l-applikazzjoni. Il-Kunsill tal-Ministri għandu jaġixxi unanimament wara li jkun ikkonsulta mal-Kummissjoni u wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti ghall-ammissjoni għandhom ikunu materja ta' ftehim bejn l-istati membri u l-istat kandidat. Dan il-ftehim għandu jiġi sottomess għar-ratifika mill-istati kontraenti kollha, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom."
Din il-proċedura ntużat fil-każ ta' l-applikazzjoni ta' Malta u tad-disa' pajjiżi l-oħra li ssieħbu fl-1 ta' Mejju ta' din is-sena, wara li l-ftehim tas-sħubija tagħhom kien ġie ffirmat fis-16 ta' April tas-sena l-oħra ġewwa Atene fil-Greċja.
Ftehim ieħor
Għalkemm qed nisħqu li pajjiż li joħroġ mill-Unjoni jista' jerġa' jidħol, ma rridux nagħtu wieħed x'jifhem li s-CNI qiegħda tgħid li Malta għandha tagħmel dan.
Xejn minn dan.
Il-linja tas-CNI qatt ma tbiddlet.
Konna ngħidu li pajjiżna ma jaqbillux jissieħeb fl-Unjoni, iżda għandu jissieħeb magħha u mhux fiha.
Dik għadha l-linja tas-CNI, minkejja li jisgħobbina li l-Unjoni għamlet ħilitha biex il-poplu Malti jiġi ngannat u ttradut ħalli jivvota favur il-ftehim tas-sħubija li sar is-sena l-oħra.
Għalhekk inkomplu nsostni li dak il-ftehim huwa vvizzjat u ma jorbotx lill-poplu Malti.
L-Unjoni Ewropea fil-Kostituzzjoni tagħha stess taħseb għal ftehim ta' sħubija magħha li ma jkunx ta' sħubija fiha.
L-Artiklu I-56 tal-Kostituzzjoni ta' l-UE jgħid hekk:
"L-Unjoni għandha tiżviluppa relazzjoni privileġġjata ma' l-istati ġirien tagħha, bil-ħsieb li tistabbilixxi żona ta' prosperita' u rapport ta' ħbiberija bejn ġirien, ibbażata fuq il-valuri ta' l-Unjoni u karaterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi bbażati fuq il-koperazzjoni".
It-test Ingliż ta' dan l-Artiklu tal-Kostituzzjoni jaqra hekk:
"The Union shall develop a special relationship with neighbouring states, aiming to establish an area of prosperity and good neighbourliness, founded on the values of the Union, and characterised by close and peaceful relations based on cooperation."
Dan juri li huwa possibbli li bejn Malta u l-Unjoni Ewropea jkun hemm ftehim ta' relazzjoni privileġġjata (special relationship).
Il-Kostituzzjoni ta' l-UE tipprovdi dan.
Ftehim ta' sħubija ma' l-Unjoni kif il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni tipprovdi, iħalli lil Malta ħielsa u indipendenti, mhux imxekkla mill-politika ekonomika u kummerċjali dannuża għal pajjiżna li l-ftehim ta' sħubija fl-Unjoni rabatna minn għonqna b'mod li jnaqqsilna x-xogħol u l-impjiegi.
Għal dan il-għan is-CNI se tkompli tiġġieled u tħeġġeġ lill-eluf li kienu kontra l-ftehim li sar ma l-Unjoni biex ma jaqtgħux qalbhom:
Malta terġa' ħielsa tkun
L-aspetti ħżiena tal-ftehim u l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE
QABEL ir-referendum u l-elezzjoni ġenerali tas-sena l-oħra għedna li l-ftehim li l-Gvern Malti kien għamel ma' l-Unjoni Ewropea kien se jkun ta' ħsara kbira għall-poplu Malti u l-aktar, għall-ħaddiema.
Għaddew aktar minn
ħmistax-il xahar u llum nifhmu aktar kemm il-ftehim ġabilna
għawġ: tnaqqis fl-impjiegi, nixfa fl-investiment produttiv barrani,
aktar taxxi u għoli tal-ħajja.
L-agħar għadu ġej.
* Ħlas għall-kura tas-saħħa.
* Kundizzjonijiet agħar għall-pensjonanti.
* Tnaqqis fil-benefiċċji tal-ħaddiema u l-impjegati.
* Aktar sensji.
* Bejgħ akbar tal-prodotti importati u anqas ta' prodotti maħduma f'pajjiżna.
* Prezzijiet jogħlew ta' l-artijiet u l-bini u slaleb itqal għall-għarajjes u ż-żgħażagħ.
Dawn huma l-effetti tal-ftehim li sar ma' l-Unjoni Ewropea.
Min ma jridx li l-poplu tagħna u speċjalment il-ħaddiema tagħna jitgħattnu taħt it-toqol tal-miżuri li l-ftehim li sar ma' l-Unjoni jġagħalna nieħdu, għażla waħda għandu quddiemu.
Inbiddlu l-ftehim li sar.
Min ma jridx jaħdem biex il-ftehim jinbidel, mhux veru se jaħdem biex il-poplu u l-ħaddiema tagħna ma jbatux l-effetti ħżiena tal-ftehim li sar.
Min irid jibqa' marbut bil-ftehim li sar, lest biex jaċċetta l-effetti ħżiena tiegħu.
Il-Partit Laburista wera li kien fehem dan meta fil-Konferenza Ġenerali tiegħu ma qalx li jieħu passi ħalli jtaffi l-effetti ħżiena tal-ftehim li sar, iżda ntrabat li anki waqt li jkun fl-Oppożizzjoni, jaħdem bla heda ħalli jxejjen l-aspetti ħżiena kollha tal-ftehim.
Biex jirnexxilek ixxejjen l-aspetti ħżiena tal-ftehim, trid tbiddel dawk l-aspetti ħżiena tiegħu.
Fi kliem sempliċi, trid tbiddel il-ftehim.
Bidla oħra
MHUX aċċettabbli li min huwa marbut li jaħdem ħalli jbiddel il-ftehim li sar (għax iddeċidiet il-maġġoranza kbira tad-Delegati fil-Konferenza Ġenerali f'Novembru li għadda), issa jbiddel il-kliem tal-mozzjoni u jitkellem dwar l-effetti ħżiena tal-ftehim, minflok l-aspetti ħżiena tal-ftehim.
Kif lanqas mhu se jkun aċċettat mill-eluf kbar ta' Maltin li jgħożżu l-Kostituzzjoni ta' pajjiżna u n-newtralità, li r-rappreżentanti tagħhom fil-Parlament Malti jivvutaw favur ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea, li tkasbar il-Kostituzzjoni ta' Malta billi tgħid li hija aqwa minnha u li fiha klawsoli li jiksru n-newtralità ta' pajjiżna billi jorbtuna nieħdu sehem militarment fl-inkwiet li pajjiżi oħra membri ta' l-Unjoni jistgħu jkollhom.
Lanqas dawk li s-sena l-oħra vvotaw favur il-ftehim magħmul ma' l-Unjoni Ewropea ma jazzardaw jgħidu li la l-maġġoranza vvotat favur dak il-ftehim, allura għandna nivvotaw favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea.
Il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni jekk tiġi ratifikata mill-25 pajjiż membru ta' l-Unjoni, ma tidħolx fis-seħħ qabel is-sena 2008.
Sa dak iż-żmien, l-UE tibqa' kif inhi llum u kif kienet is-sena l-oħra meta l-maġġoranza vvotat favur il-ftehim li l-Gvern Malti għamel magħha.
L-Unjoni Ewropea skond il-Kostituzzjoni ġdida tagħha se tkun differenti mill-Unjoni tal-lum u tas-sena l-oħra.
Min ma jivvotax favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni, ma jkunx qiegħed jivvota kontra l-Unjoni Ewropea tal-lum u tas-sena l-oħra meta huwa vvota favur il-ftehim ta' Malta magħha.
Min jinjora dan il-fatt, ikun qiegħed jaħbi l-verità.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Il-Ħamis, 9 ta' Settembru, 2004.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ