MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI CNI

 

Il-falliment tal-politika tal-Unjoni Ewropea

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

L-Unjoni Ewropea qiegħda twebbes rasha u tissokta bil-politika ekonomika u finanzjarja diżastruża tagħha li ħarbtet gvernijiet ta’ pajjiżi membri u qiegħda tqajjem inkwiet soċjali kbir f’pajjiżi membri oħrajn.


Fil-Greċja, il-politika ta’ awsterità ordnata mill-Unjoni Ewropea qiegħda toħloq inkwiet industrijali u soċjali mifrux, filwaqt li mhux qiegħda tagħti riżultati tajbin, anzi qiegħda tħażżen il-qagħda kemm tad-dejn tal-pajjiż kif ukoll tal-produttività li mhix titjieb u tad-dħul mit-taxxi li qegħdin jonqsu.


Fl-Irlanda, il-pakkett tal-miżuri ta’ awsterità li l-Unjoni Ewropea ħejjitilha qanqal inkwiet politiku u soċjali, li wassal għall-waqgħa tal-Gvern, u għat-telfa fl-elezzjonijiet tal-partit li kien fit-tmexxija tal-pajjiż għal għexiren ta’ snin.


Fil-Finlandja, fl-elezzjonijiet li saru ftit tal-ġimgħat ilu, il-partit li ħareġ kontra l-politika tal-‘bail-outs’ tal-Unjoni Ewropea, kabbar is-saħħa tiegħu b’erba’ darbiet dik li kellu fl-aħħar elezzjonijiet li kienu saru qabel fil-pajjiż.


Fi Spanja, fl-elezzjonijiet reġjonali tal-ġimgħa l-oħra l-partit fil-Gvern li daħħal il-miżuri ta’ awsterità li l-Unjoni Ewropea trid, ħa daqqa ta’ ħarta kbira, wara li kienu saru protesti kbar, l-aktar minħabba r-rata għolja tal-qgħad fil-pajjiż.


Fil-Portugall, il-Ħadd li għadda, il-maġġoranza tal-Portugiżi vvotaw kontra l-partit li kien fil-Gvern u li nnegozja pakkett ta’ miżuri ta’ awsterità kif riedet l-Unjoni Ewropea.


Fl-Ingilterra, ftit tal-ġimgħat ilu, saret l-akbar dimostrazzjoni ta’ protesta li qatt saret f’Londra kontra l-miżuri ta’ awsterità li l-Gvern Ingliż daħħal, skont id-direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar it-tmexxija ekonomija u finanzjarja (economic governance).


Fi Franza, ftit tax-xhur ilu, saru protesti kbar kemm mill-istudenti dwar tibdil fis-sistema edukattiva, kif ukoll mill-ħaddiema dwar kundizzjonijiet inqas favorevoli fl-għoti tal-pensjonijiet, skont ir-riformi tal-pensjonijiet li l-Unjoni Ewropea trid.

 

 

Fil-belt kapitali tal-Unjoni Ewropea, Brussels, il-mexxejja tat-trejdunjins Ewropej u eluf ta’ ħaddiema mill-pajjiżi membri għamlu aktar minn protesta waħda quddiem il-bini tal-Unjoni Ewropea biex jikkundannaw il-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni Ewropea li mhux qiegħda tippromwovi l-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol għall-miljuni ta’ ħaddiema qiegħda u li qiegħda tgħakkes is-servizzi soċjali fil-pajjiżi membri tal-Unjoni.


L-aqwa ċertifikat tal-falliment tal-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni Ewropea huma l-miljuni ta’ ħaddiema mingħajr xogħol, l-emigrazzjoni ta’ mijiet ta’ industriji mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għal pajjiżi barra l-Unjoni u l-miljuni ta’ familji li numru tagħhom qiegħed jikber, li qegħdin resqin fix-xifer tal-faqar fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.


It-twaqqif tal-munita komuni, l-ewro, kixfet id-difetti tal-politika monetarja tal-Unjoni Ewropea li ppretendiet li tista’ tagħmel unjoni monetarja mingħajr ma jkun hemm unjoni ekonomika tal-pajjiżi kollha li jdaħħlu l-ewro.


Il-kriżijiet tal-Greċja, tal-Irlanda, tal-Portugall u l-qagħda mwegħra ta’ Spanja u tal-Italja, huma wkoll konsegwenza tal-politika tal-Unjoni Ewropea ta’ rata ta’ imgħax fuq self mhux addattat għall-pajjiżi kollha u tal-fatt li l-pajjiżi li daħħlu l-ewro ma jistgħux ibiddlu l-valur tal-munita tagħhom biex jinċentivaw l-esportazzjonijiet.


Il-fatt li l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea barra xi tnejn ma rnexxilhomx iżommu mal-parametri tal-ftehim ta’ Maastricht la dwar ir-rata ta’ tlieta fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku fil-każ tal-iżbilanċ jew defiċit fis-sena, u lanqas fil-każ tas-60% tal-Prodott Gross Domestiku għad-dejn nazzjonali, juri l-falliment totali tal-politika tal-Unjoni Ewropea.

Il-miżuri ta’ awsterità ordnati mill-Unjoni Ewropea qegħdin f’xi pajjiżi membri jkabbru d-dejn nazzjonali u qajla jwasslu biex inaqqsu r-rata tal-iżbilanċ jew id-defiċit fis-sena għal tlieta fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż.


Kemm il-qagħda finanzjarja ta’ xi wħud mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li daħħlu l-ewro hi mwegħra tixidha d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li temenda t-trattat tal-UE biex il-pajjiżi tal-ewro jidħlu għall-piż li jwaqqfu l-European Stability Mechanism li jinvolvi li l-pajjiżi tal-ewro jiggarantixxu bejniethom €700 biljun biex jgħinu lill-pajjiżi li jsibu ruħhom fi kriżi finanzjarja.


Xi żmien ilu l-Unjoni Ewropea kienet tiftaħar li bil-politika tagħha kienet se tagħmel mill-Ewropa reġjun l-aktar dinamiku u kompetittiv tad-dinja.


Minflok dan, l-Unjoni Ewropea sejra lura meta titqabbel ma’ reġjuni oħrajn u ma’ pajjiżi kbar bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil.

 

Dan il-fatt jixhed ukoll il-falliment tal-politika tal-Unjoni Ewropea.

 

Jidher b’mod evidenti l-gideb fil-konfront tal-Libja fil-midja barranija

 

minn Joseph M. Cachia, KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI CNI

 

Il-kittieb Ingliż Charles Dickens kiteb hekk:

"naf ħafna li jsostnu li min għandu tort mhux kapaċi jħares f’għajnejn min hu fis-sewwa. Temmnux dan. Il-qarrieq kapaċi jħares f’għajnejn min hu onest f’kull ħin, kemm-il darba jista’ jikseb xi ħaġa b’dan."


Jien qed nimrad u ninfena nisma’ l-aħbarijiet dwar il-qagħda fil-Libja llum.

 

Ħafna li jaħdmu fil-mezzi tal-komunikazzjoni jipprovaw jipperswaduk taqbel li l-gwerra fil-Libja hi ġustifikata u biex tgħin lil-Libjani, iżda l-fatti jixhdu mod ieħor.


Tkun qed tirrepeti dak li l-pajjiżi tal-Punent qed jgħidu, iżda mhux veru li l-forzi tas-sigurtà ta’ Gaddafi bdew jisparaw addoċċ fuq eluf ta’ Libjani li rribellaw kontra t-tmexxija tiegħu.

Lill-pubbliku qalulu fil-bidu li l-gwerra fil-Libja kellha tkun missjoni umanitarja, iżda f’qasir żmien saret gwerra biex jitneħħa l-Gvern Libjan u ntużaw l-ajruplani mingħajr piloti sabiex jibbumbardjaw nies ċivili, u kull talba għall-paċi ġiet miċħuda.

 

Dik li bdiet tissejjaħ ribelljoni kontra t-tmexxija ta’ Gaddafi kienet biċċa xogħol sigrieta tas-CIA Amerikana u tal-organizzazzjoni sigrieta Ingliża l-M16.

 

Dan ma seħħx b’kumbinazzjoni minn żewġ organizzazzjonijiet li għandhom storja ta’ ndħil f’pajjiżi barranin, aktar u aktar meta tqis l-importanza strateġika tal-Libja minħabba ż-żejt li għandha.


Kemm is-CIA Amerikana, kif ukoll l-M16 Ingliża u l-midja tal-Punent li dejjem tappoġġjhom, xerrdu l-ħrafa li dak li qed iseħħ fil-Libja jixbah dak li ġara fit-Tuneżija u l-Eġittu.

 

Huma setgħu jxerrdu din il-ħrafa għax l-Amerikani u ħafna mill-pubbliku tal-pajjiżi tal-Punent m’għandhomx tagħrif korrett dwar is-sitwazzjoni preżenti u għaliex dawk li jikkontrollaw dak li jidher u x’jintqal fil-midja jridu li Gaddafi jitwarrab fuq l-iskuża li ilu għal żmien twil fil-poter.

 

Turija ta’ dan hu x’qal il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan ftit wara li bdiet il-gwerra.

 

Qal li diġà nqatlu 10,000 persuna ċivili, meta l-aġenziji internazzjonali li jiflu l-imwiet u l-ferimenti fil-gwerer qalu li kienu nqatlu mhux aktar minn 3,000 u l-aktar minnhom kienu suldati jew ribelli.


Jekk wieħed irid ikun jaf għaliex il-pajjiżi tal-Punent iddeċidew li jattakkaw lil-Libja, wieħed għandu jara s-sit www.algathafi.org u jikkopja minnha d-diskors li Gaddafi kien għamel fil-Ġnus Magħquda fit-23 ta’ Settembru, 2009.


Kulħadd għandu jammetti, u Gaddafi jaf tajjeb, li l-intervent militari tan-NATO fil-Libja mhux biex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili.

 

L-għan ewlieni kien mill-bidu, biex ineħħu lil Gaddafi mit-tmexxija.


Ir-riżoluzzjoni numru 1973 tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda kien biss mossa biex tneżża’ lil-Libja mis-sovranità tagħha biex twitti t-triq ta’ dawk li ilhom jgħassu x’jagħmel Gaddafi biex fl-aħħar iwettaq dak li jridu, għax huma jgħidu li din hi opportunità tajba li ma terġax tiġi u ħadd mill-pajjiżi tal-Punent li qegħdin jagħmlu l-gwerra mhuma se jitilfu.


L-ebda offerta għall-waqfien mill-ġlied jew biex titħares is- ‘ceasefire’ mhi se tbiddel id-deċiżjoni tan-NATO u tal-Koalizzjoni tal-pajjiżi kontra l-Libja.

 

Dawn huma kuntenti jtertqu lill-popolazzjoni Libjana li m’għandhiex mezzi biex tirritalja u kuntenti jfarrku l-inħawi residenzjali ta’ Gaddafi.


Tan-NATO jidhru aktar twajbin meta jibbumbardjaw ir-residenza ta’ Gaddafi meta jafu li hemm neputijiet ta’ etajiet żgħar jgħixu hemm?

 

U jagħmlu dan kollu bl-iskuża li qegħdin iwettqu missjoni umanitarja!

 

Daqshekk hi l-irġulija tan-NATO, li jattakkaw lil min ma jistax iwieġeb għall-attakk.

 

Tassew għajb kbir.


Min jaf jispejga kif li twaddab fuq il-Libja aktar minn tlett elef missila li jiswew $400,000-il waħda, sarx biex tingħata protezzjoni lill-popolazzjoni?

 

U lanqas dan kollu mhu qed isiru b’xejn.

 

Għax il-Libja, wara li Gaddafi jispiċċa, se jkollha tagħmel tajjeb għall-ispiża u l-pajjiżi tal-Punent iridu jagħmlu qligħ minn fuqha.


Kemm qegħdin imutu nies innoċenti mhux importanti.

 

Li hu importanti hu li aktar ma tan-NATO jfarrku u jeqirdu, ikun aħjar, għax se jkunu l-kumpaniji tal-pajjiżi tal-Punent li jagħmlu r-rikostruzzjoni fil-pajjiż, u naturalment jagħmlu dan bi qligħ tajjeb.


Għalhekk sakemm Gaddafi ma jwarrabx, tan-NATO se tkompli tibbumbardja lill-popolazzjoni ċivili bl-iskuża li qegħdin jipproteġuha.

 

Dan hu l-wiċċ tost tan-NATO!


X’jimpurthom mill-poplu Libjan?

 

Forsi jħossu xi ħniena għal dawk li qegħdin jinqatlu kemm fuq naħa kif ukoll fuq l-oħra?

 

Jew jimpurtahom x’se jiġri mill-poplu Libjan fil-ġejjieni?

Xejn minn dan.

 

Tan-NATO jitbissmu u jiftaħru ma’ xulxin kemm din il-gwerra se tkun ta’ gwadann.

 

Għalhekk din il-gwerra qiegħda ssir gwerra qarrieqa li qegħdin jagħmlulha biss biex jimbuttaw ’il quddiem l-interessi tagħhom.


Jekk wieħed jifli sew x’inhu jiġri, isib li l-pajjiżi tal-Punent mhux se jtemmu l-gwerra qabel ma jiftehmu kif jipprivatizzaw ir-riżorisi taż-żejt tal-Libja.

 

Għax hu fatt li l-industrija taż-żejt fil-Libja kienet ikkontrollata mill-kumpanija nazzjonali Libjana National Oil, li nnegozjat mill-ġdid il-kundizzjonijiet tal-qsim tal-profitti mal-kumpaniji internazzjonali taż-żejt.

 

Iżda Gaddafi kien wissa li kellu jbiddel dawn l-arranġamenti biex ikun jista’ jqassam il-qligħ kollu tal-industrija taż-żejt direttament lill-poplu Libjan.


Nazzarda ngħid li jekk ir-ribelli jieħdu f’idejhom it-tmexxija tal-pajjiż, huma jġibu fit-tmiem l-40 sena li ttieħdedt id-deċiżjoni mill-Gvern li jinnazzjonalizza l-industrija taż-żejt tal-pajjiż.


Iżda qiegħed niżbalja meta ngħid li r-ribelli xi darba jieħdu f’idejhom it-tmexxija tal-pajjiż, għax jekk jirbħu, huma ma jkunux li jmexxu iżda jkunu qegħdin jaqdu l-interessi tal-kumpaniji multi-nazzjonali barranin taż-żejt.


Naħseb issa m’għandniex inkompli nitkellmu dwar ir-ribelli, imma nies armati li qamu kontra l-Gvern tal-pajjiż u ’l quddiem għad iduru kontra l-barranin li llum qegħdin imexxuhom.

 

Dak li ġara fl-Afghanistan, jista’ faċilment jiġri fil-Libja.


L-Amerikan ta’ nisel Lhudi, Marc Ginsberg, li kien ambaxxatur u konsulent tal-President tal-Istati Uniti tal-Amerika żvela l-verità meta qal:

"l-Istati Unit m’għandhomx jostakolaw lill-President Franċiż Sarkozy f’dak li jrid jagħmel fil-Libja. Wara kollox, mhux fl-interessi strateġiċi tal-Amerika li tgħin biex il-Franċiżi jwettqu pjan aggressiv fil-Libja biex jagħti ħajja lill-ħolma li titwaqqaf Unjoni Mediterranja ddominata minn Franza."

M’hemm x’jingħad aħjar minn dak li ntqal fl-istqarrija onestà ta’ Ginsberg.

 

Hi tikxef l-għanijiet moħbijin tal-aggressjoni għal kull min irid jarahom.

 

U jien inżid ninnota b’sogħba li l-istqarrija ma ssemmi xejn, u ma jimpurtahiex mill-poplu Libjan.


In-nies li joħorġu jipprotestaw ġenwinament fit-toroq ta’ pajjiżna, sparixxew u nsibuhom biss fuq l-Internet, iżda l-effett tagħhom mhu xejn.


William James qal: "Illum ikollna naċċettaw dak li ngħidu li hu vera, iżda li għada pitgħada nsibu li kien falz."

 

Il-Ħamis, 9 ta’ Ġunju, 2011

 

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ