MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

Il-Prim Ministru jħawwad dwar il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

IL-PRIM Ministru tal-lum, daqs ta' qablu, jiddeletta jmeri s-sewwa magħruf.

 

Fl-aħħar konferenza ta' l-aħbarijiet li ta f'Kastilja, kellu l-ardir jgħid li m'hemmx kontradizzjoni bejn il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kostituzzjoni ta' Malta.

 

Issa l-Kostituzzjoni ta' l-UE, fl-Artiklu 6, tgħid li l-liġijiet li l-Unjoni tagħmel, għandhom primat (jiġifieri huma aqwa) fuq dak li jgħidu l-kostituzzjonijiet tal-pajjiżi membri ta' l-UE.

 

Filwaqt li l-Kostituzzjoni ta' Malta tgħid, fis-Sezzjoni 6, li kull liġi li ma tkunx konsistenti ma' dak li tgħid il-Kostituzzjoni Maltija, hija nulla u bla effett safejn tkun inkonsistenti (jiġifieri ma taqbilx) ma' dak li tgħid il-Kostituzzjoni Maltija.

 

L-inkonsistenza bejn dak li tgħid il-Kostituzzjoni ta' Malta u dak li tgħid il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE hija ċarissima, iżda l-Prim Ministru ma jridx jammettiha.

 

Ma jridx jammettiha, għax jaf li jekk jgħid is-sewwa, jwaqqa` l-ġebla fuq saqajh li mar u ffirma l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE fit-28 ta' Ottubru tas-sena l-oħra f'Ruma, li tikser il-Kostituzzjoni ta' Malta.

 

Il-Prim Ministru jaf ukoll li huwa ħalef li jkun leali u fidili lejn il-Kostituzzjoni ta' Malta u bħalu ħalfu d-deputati kollha tal-Parlament.

 

Min jivvota favur il-Kostituzzjoni ta' l-UE li tgħid li l-liġijiet ta' l-UE huma supremi fuq dak li tgħid il-Kostituzzjoni Maltija, jkun qed jikser il-ġurament li ħa.

 

Jisgħobbina ngħidu li s-servilizmu lejn l-Unjnoni Ewropea għal xi wħud jegħleb il-ħalfa li taw li jkunu leali u fidili lejn il-Kostituzzjoni tal-poplu Malti.

 

Nittamaw li l-maġġoranza kbira tal-poplu Malti tistma lil dawn bħala tradituri tal-Kostituzzjoni tal-poplu.

 

Fil-konferenza ta' l-aħbarijiet il-Prim Ministru azzarda jgħid li dak li jingħad fl-Artiklu 6 tal-Kostituzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea ma jfissirx li l-Kostituzzjoni Maltija ma tibqax suprema fuq il-liġijiet hawn Malta. 

 

Meta qal dan, il-Prim Ministru ma qalx is-sewwa.

 

Għax il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE trid li l-liġijiet li l-Unjoni tagħmel u li jkunu jorbtu f'Malta, ikunu fuq u aqwa x'tista' tgħid il-Kostituzzjoni ta' Malta.

 

Jekk dan ma jseħħx, mhux għar-raġuni li qal il-Prim Ministru.

 

Biex il-Kostituzzjoni ta' Malta tibqa' suprema anki fuq il-liġijiet li l-Unjoni tagħmel li jkunu inkonsistenti ma' dak li tgħid il-Kostituzzjoni Maltija, irid iseħħ fatt wieħed biss.

 

Irid li r-ratifika fil-Parlament Malti tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE ma ssirx b'maġġoranza ta' tnejn minn tlieta tal-membri kollha tal-Parlament.

 

Biex il-Kostituzzjoni Maltija tibqa' suprema, l-Oppożizzjoni Laburista trid ma tivvotax mal-Gvern favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea.

 

Iridu jerġgħu jidħqu bil-poplu

 

Qabel ir-referendum, daħqu bil-poplu dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

 

Issa, sejrin jidħqu bil-poplu dwar il-Kostituzzjoni ġdida tagħha.

 

Dwar is-sħubija fl-Unjoni, kienu jaħilfu li ma kinetx se tagħmel ħsara lil pajjiżna.

 

Ħallasna qares, għax bis-sħubija ħadna daqqa kbira u aktar swat se nlaqqtu 'l quddiem, b'inqas impjiegi, aktar taxxi u ħajja għola.

 

Issa dwar il-Kostituzzjoni ġdida, qegħdin jgħidulna li ma fiha xejn kontra l-Kostituzzjoni ta' Malta.

 

X'jista' jkollha agħar milli għandha, meta hija tagħmel il-liġijiet ta' l-Unjoni superjuri għal dak li trid il-Kostituzzjoni Maltija?

 

Il-Kostituzzjoni hija l-aqwa liġi fil-pajjiż, iżda l-Kostituzzjoni ta' l-UE trid li l-liġijiet ta' l-Unjoni jkunu aqwa minnha.

 

Biex jidħqu bil-poplu, qegħdin jgħidulu wkoll li m'hemm xejn ħażin li l-liġijiet ta' l-UE jkunu aqwa mill-Kostituzzjoni ta' Malta, għax meta wieħed jidħol f'għaqda, jkun qed jaċċetta li joqgħod għar-regoli tagħha.

 

Għalhekk, la issa Malta ddaħħlet fl-Unjoni, trid bilfors toqgħod għar-regoli li tagħmel l-Unjoni, anki jekk ma taqbilx magħhom.

 

Meta jgħidu dan iżda, huma jridu jnessu lill-poplu li żgurawh li fil-liġijiet ta' l-Unjoni ma jkun hemm xejn li ma jaqbilx ma' dak li trid il-Kostituzzjoni tagħna.

 

Issa jridu jbellgħu lill-poplu li hija ħaġa sewwa li fejn il-liġijiet ta' l-Unjoni ma jaqblux mal-Kostituzzjoni tagħna jegħlbuha.

 

Biex ikomplu jżebilħu lill-poplu, qegħdin ukoll isostni li la darba l-poplu vvota favur is-sħubija fl-Unjoni, huwa issa marbut jaċċetta sentejn wara, il-Kostituzzjoni ġdida tagħha.

 

Jafu li dan huwa raġunar falz, għax il-Kostituzzjoni ġdida se tbiddel lill-Unjoni minn kif hija llum u kif kienet meta l-poplu vvota favuriha.

 

Tant huwa fatt li l-Kostituzzjoni ġdida se tagħmel l-Unjoni differenti minn tal-lum, li biex il-Kostituzzjoni tidħol fis-seħħ, trid tiġi approvata mill-pajjiżi membri ta' l-Unjoni, jew mill-Parlamenti nazzjonali, jew b'referenda popolari.

 

Kieku kien minnu li min qabel mas-sħubija fl-Unjoni, huwa marbut li jaċċetta l-Kostituzzjoni ġdida, ma kienx ikun hemm il-ħtieġa għar-ratifika tagħha.

 

Minkejja dan kollu, il-falsita` u l-qerq ma jonqsu qatt.

 

Tiskandalizza ruħek tisma` xi Maltin li nħatru membri tal-Parlament Ewropew jargumentaw b'dan il-mod falz u qarrieq.

 

Bħal li kieku mhux biżżejjed li daħqu bil-poplu qabel ir-referendum.

 

Li darba daħqu bil-poplu, huwa tort kbir tagħhom.

 

Iżda jekk il-poplu jħallihom jidħqu bih it-tieni darba, it-tort ikun tiegħu.

 

Miljuni fi propaganda favur l-UE

 

L-UNJONI Ewropea nefqet il-miljuni biex aktar pajjiżi ta' l-Ewropa jissieħbu fiha.

 

Bħal ma jsir fis-sengħa tal-"marketing" fil-kummerċ, il-propaganda ta' l-UE iġġiegħel lill-pajjiżi jitolbu li jidħlu fl-UE, mhux l-UE tidher li hija trid li sseħibhom fiha.

 

L-Unjoni tipprova taħbi l-kilba tagħha li taħkem aktar pajjiżi, iżda lesta tonfoq ammonti kbar biex jirnexxilha tagħmel dan. 

 

Trid taħkem l-Ewropa kollha u għalhekk sejħet il-Kostituzzjoni ġdida tagħha, bħala Kostituzzjoni għall-Ewropa.

 

Fl-għanijiet tagħha, l-Unjoni Ewropea tinqeda b'organizzazzjonijiet li ma jidhrux li jiddependu minnha, imma li jaħdmu bil-fondi li hija tagħtihom.

 

Prominenti fost dawn l-organizzazzjonijiet hemm il-European Movement, li fergħa tiegħu għandna f'pajjiżna.

 

L-European Movement ingħata fondi kbar mill-UE biex jagħmel propaganda favur it-tkabbir ta' l-Unjoni.

 

Il-fergha tiegħu f'Malta ħadet sehem attiv favur is-sħubija ta' Malta fl-UE, qabel ir-referendum ta' l-2003.

 

Issa l-Unjoni Ewropea qiegħda tagħmel propaganda kbira biex il-Kostituzzjoni ġdida tagħha tkun approvata f'kull pajjiż membru ta' l-Unjoni, inkluża Malta.

 

F'Malta, m'hawnx kwistjoni jekk il-Kostituzzjoni ġdida tkunx ratifikata, għax il-gvern diġa` rabat il-membri tiegħu fil-Parlament biex jivvotaw favuriha, fiha x'fiha l-Kostituzzjoni.

 

B'danakollu, l-Unjoni Ewropea trid li jkun hawn opinjoni pubblika favur il-Kostituzzjoni ġdida.

 

L-Unjoni Ewropea qiegħda tonfoq flejjes kbar fil-propaganda favur il-Kostituzzjoni ġdida tagħha.

 

U qiegħda tagħti ammonti sbieħ lil organizzazzjonijiet li lesti jagħmlu propaganda favur il-Kostituzzjoni ġdida.

 

Lill-European Movement l-UE għadha kif tagħtu 450,000 euro, skond ma rrapurtat il-gazzetta influwenti The Times ta' Londra.

 

Ikun interesanti li jingħad kemm minn dawn il-fondi jintbagħtu lill-fergħa tal-European Movement f'Malta biex din tagħmel propaganda favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE.

 

L-UE issostni li hija tagħti l-flus lill-organizzazzjonijiet ħalli dawn ixerrdu tagħrif dwar l-Unjoni.

 

Iżda l-Unjoni tagħti biss flus lil dawk l-oprganizzazzjonijiet li jagħmlu propaganda favuriha u ma tagħtix flus lill-organizzazzjonijiet li jikkritikaw il-politika jew it-tmexxija ta' l-Unjoni.

 

L-Unjoni ma tridx kritika oġġettiva. 

 

Trid biss tifħir u propaganda.

 

Mingħajr kritika oġġettiva, l-UE tkompli tmur għall-agħar, anki jekk tkompli tikber.

 

Id-dħul tal-munita Euro f'pajjiżna

 

IL-GVERN irid li Malta tgħaġġel tidħol fil-Euro fis-sena 2008.

 

Dan huwa każ ta' "Fools rush in where Angels fear to tread" (Il-boloħ jidħlu jiġru fejn l-Anġli jibżgħu jirfsu).

 

Is-Sibt li għadda l-Prim Ministru fisser li l-lira Maltija hija mibnija fuq basket ta' tliet muniti: l-euro, id-dollaru Amerikan u l-isterlina Ingliża u saħaq li l-valur tal-lira Maltija huwa dak reali tagħha.

 

Għalhekk, sostna li ma jkunx hemm tnaqqis fil-valur tal-lira Maltija jekk din tkun ibbażata biss fuq l-euro.

 

Il-Prim Ministru stqarr li Malta mhix marbuta bi żmien meta jkollha ddaħħal l-euro.

 

Izda qal ukoll li billi xi pajjiżi li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-istess żmien li Malta għamlet dan, se jaddottaw il-euro fl-2008, il-kompetittivita` ta' Malta tintlaqat ħażin jekk Malta ma tagħmilx bħalhom fl-2008.

 

Fl-istess waqt il-Prim Ministru kkontraduċa ruħu meta ammetta li d-dħul ta' l-euro jista' jnaqqas il-kompetittivita` tal-pajjiż u li għalhekk il-Gvern ikollu jieħu miżuri biex jilqa` għat-telfien tal-kompetittivita` minħabba d-dħul ta' l-euro.

 

Il-Gvern jaf li d-dħul ta' l-euro jgħolli l-prezzijiet u l-ħajja.

 

Minħabba f'hekk, ikollhom jiżdiedu l-pagi u tikber l-ispiża tal-produzzjoni u tas-servizzi.

 

Biż-żieda fil-pagi, il-prodotti u s-servizzi Maltin isiru inqas kompetittivi.

 

Għalhekk id-dħul ta' l-euro jnaqqas il-kompetittivita` kemm ta' l-industrija Maltija tal-manifattura, kif ukoll ta' l-industrija tas-servizzi u tat-turiżmu.

 

Tnaqqis fl-industrija u fit-turiżmu jfisser impjiegi anqas u qagħad aktar f'Malta u f'Għawdex.

 

Żieda fl-ispiża tal-produzzjoni f'Malta tfisser aktar xkiel għall-esportazzjoni minn Malta.

 

Żieda fl-ispiża ta' btala f'Malta, tfisser inqas turisti u inqas impjiegi fil-qasam turistiku.

 

Hemm it-theddida li t-tnaqqis fil-kompetittivita` minħabba d-dħul ta' l-euro f'Malta, il-Gvern jipprova jagħmel tajjeb għalih b'miżuri li jgħakksu lill-ħaddiema. 

 

Diġa` l-Gvern naqqas il-btajjel tal-ħaddiema u l-impjegati bl-iskuża li jrid iżid il-kompetittivita` tal-pajjiż.

 

Din hija r-riċetta li tagħtu l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ikollu jbellagħha lill-poplu Malti.

 

Bid-dħul ta' l-euro fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, il-ħajja għoliet u l-prezzijiet żdiedu.

 

L-istess jiġri f'Malta jekk tidħol l-euro.

 

Filwaqt li l-ħajja togħla minħabba l-euro, il-Gvern irid irażżan il-pagi u s-salarji. 

 

B'dan il-mod, il-ħaddiema u l-impjegati jingħafsu f'daqqa minn żewġ naħat:

 

l-għoli tal-ħajja jiżdied u l-pagi u s-salarji ma jiżdiedux biex jagħmlu tajjeb għaż-żieda fl-għoli tal-hajja.

 

Għalhekk iridu l-Patt Soċjali?

 

L-Erbgħa, 9 ta' Marzu, 2005.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

<< Lura <<

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ