MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

It-tarzna u l-Unjoni Ewropea

 

META l-Prim Ministru Gonzi u l-Ministru Gatt jgħidu li lesti jagħlqu t-tarzna, huma jkunu qegħdin jgħidu dak li trid l-Unjoni Ewropea li jiġri mit-tarzna ta' Malta.

 

Għax il-kundizzjonijiet li l-UE imponiet fuq Malta dwar it-tarzna se jwasslu biex fis-sena 2008 ikun diffiċli ħafna biex tibqa' topera.

 

L-Unjoni Ewropea saħqet fuq Malta biex tqaċċat mijiet ta' ħaddiema mit-tarzna kemm ta' Bormla, kif ukoll tal-Marsa.

 

Issa n-numru ta' ħaddiema li tħallew jaħdmu fit-tarzna ta' Bormla ma jistgħux jieħdu numru ta' bastimenti fl-istess żmien għat-tiswija.

 

Lanqas jista' jsir xogħol ta' bini ta' vapuri, kif kien isir fit-tarzna tal-Marsa.

 

L-Unjoni Ewropea imponiet mhux biss li tnaqqis drastiku fl-għadd ta' ħaddiema fit-tarzna, iżda anki għamlet limitu fuq il-kwantita` ta' xogħol li jista’ jsir fiha fis-sena.

 

Jekk ikun hemm possibilta` ta' xogħol aktar mill-kwota ta' manhours li l-Unjoni Ewropea iffissatilna li nistgħu naħdmu, it-tarzna jkollha tirrifjuta x-xogħol.

 

Ir-raġunar ta' l-Unjoni Ewropea dwar it-tarzna huwa ħażin u l-Gvern għamel żball kbir li qagħad għalih.

 

L-Unjoni Ewropea ssostni li t-tarzna ma tistax tibqa' topera jekk wara l-2008 titlef fis-sena.

 

Fl-istess ħin l-Unjoni Ewropea tippermetti li l-Gvern jitlef fis-sena sa 3 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku.

 

Il-Gvern jista' jitmexxa bit-telf, iżda t-tarzna ma tistax titmexxa bit-telf, skond l-Unjoni Ewropea.

 

Ir-raġunar tal-Gvern Malti huwa anki agħar minn dak ta' l-Unjoni Ewropea.

 

It-tmexxija tat-tarzna hija f'idejn il-Gvern.

 

Il-marketing tat-tarzna m'għadux f'idejn il-ħaddiema, jew ir-rappreżentanti tagħhom.

 

Mela jekk ikun hemm nuqqas ta' xogħol, in-nuqqas huwa tort tat-tmexxija tat-tarzna li hija responsabbli għall-marketing, jiġifieri biex iġġib ix-xogħol.

 

Għalkemm it-tarzna hija issa f'idejn kumpanija, hija tal-Gvern, u hija bħal dipartiment tal-Gvern, bħall-Public Works, id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni u d-dipartimenti l-oħra li għandhom l-impjegat u l-ħaddiema tal-Gvern.

 

Jista' l-Gvern jgħid liema dipartiment tiegħu jitmexxa bi qligħ, jew għall-anqas mingħajr telf?

 

Jekk id-dipartimenti l-oħra tal-Gvern ma jitmexxewx fuq bażi ta' qligħ, jew fuq bażi li ma jagħmlux telf fis-sena, għaliex il-Gvern u l-Unjoni Ewropea, li taf li t-tarzna ta' Malta hija kollha tal-Gvern, jippretendu li t-tarzna ma tkomplix topera jekk ma tagħmilx qligħ jew ma tibbilanċjax?

 

Dan kollu juri li l-ewwel ħaġa li trid tinbidel fil-ftehim li l-Gvern Malti għamel ma' l-Unjoni Ewropea hija l-parti tal-ftehim dwar it-tarzna.

 

It-tarzna hija parti mill-iskola tas-snajja ta' pajjiżna.

 

Mingħajr is-snajja li jitħarrġu fit-tarzna, pajjiżna ma jkunx f'qagħda li jaqdi l-ħtiġijiet tal-poplu tagħna.

 

L-UE tindaħal fil-pensjonijiet u s-saħħa

 

JEKK xi ħadd ried prova kemm l-Unjoni Ewropea fil-fatt tindaħal anki f'oqsma li suppost ma tindaħalx fihom, bħall-oqsma tal-pensjonijiet u s-servizzi tas-saħħa, din il-prova sabha f'rapport ta' korrispondent ta' ġurnal bl-Ingliż ta' kuljum li deher fit-3 ta' Frar, bit-titlu "L-UE titlob għar-riformi bla dewmien dwar il-pensjonijiet u s-servizzi tas-saħħa".

 

Fi programm tas-CNI fuq Smash TV konna sħaqna li dawn ir-riformi li l-Prim Ministru kien qiegħed jgħid li jrid jagħmel f'dawn iż-żewg oqsma, kien minħabba l-pressjoni li qiegħda ssirlu mill-UE. 

 

Konna għidna li l-UE trid li l-gvernijiet kollha jnaqqsu minn fuq spallejhom parti sewwa mill-piż finanzjarju tal-pensjonijiet u tas-servizzi tas-saħħa, u jgħaddu dak il-piż fuq spallejn iċ-ċittadin privat.

 

L-UE trid li dan iseħħ l-aktar f'dawk il-pajjiżi membri li għandhom "welfare state" ta' livell għoli, bħal ma għandna f'Malta.

 

Kif konna fissirna, l-UE ma tqis li l-Gvern għandu l-obbligu li jagħti l-għajnuna liċ-ċittadini tiegħu meta jimirdu jew jieqfu mix-xogħol minħabba l-eta`. 

 

Għall-UE, għajnuna bħal din tqisha karita`, u mhux dritt taċ-ċittadini u għalhekk tingħata biss mill-Gvern f'każi tassew estremi fejn ma jkunx hemm għaxja ta' lejla.

 

Għalhekk ikun inutli li nisimgħu akkużi bejn il-Gvern u l-Opppożizzjoni dwar dawn ir-riformi, mingħajr ħadd minnhom ma jgħid li dawn ir-riformi qiegħda tisħaq fuqhom l-UE li tridhom isiru mingħajr dewmmien.

 

Sa issa bqajna nirrepetu l-kliem ta' l-UE u tal-Gvern dwar it-tibdil li jridu jsir fil-pensjonijiet u fis-servizzi tas-saħħa u sejjaħna dan it-tibdil "riformi" kif jgħidu l-UE u l-Gvern.

 

Iżda minn hawn 'il quddiem se nsejħulhom tibdil għall-agħar u mhux riformi. 

 

L-UE qiegħda ġġiegħel lil-Gvern inaqqas il-kundizzjonijiet tal-pensjonijiet u ma jħallix l-għoti tas-servizzi tas-saħħa b'xejn.

 

Dawn m'huma riformi xejn. Dawn iħazznu kemm il-pensjonijiet, kif ukoll is-servizzi tas-saħħa, mhux itejbuhom. 

 

Ir-riformi soċjali seħħew meta waqqafna "welfare state" u l-istat refa' r-responsabbilta` li mit-taxxi li jiġbor skond ma naqilgħu, jipprovdilhom, kemm pensjoni xierqa għal kulħadd wara li jirtiraw mix-xogħol, kif ukoll li jipprovdi kura u servizzi tas-saħħa b'xejn għal kulħadd, għal min għandu l-mezzi finanzjarji u għal min m'għandux.

 

Din hija l-vera solidarjeta` soċjali tal-'welfare state' lil-Unjoni Ewropea trid tfarrak u li l-Gvern aċċetta li jfarrak.

 

Dan huwa tort tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

 

M'hemmx appoġġ popolari favur il-Kostituzzjoni

 

LI kien għal Gonzi, il-Parlament Malti rratifika l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea qabel ma ntemmet is-sena l-oħra.

 

Hekk kien qal meta qabad u ffirmaha mingħajr ma ddiskutiha fil-Parlament fl-aħħar ta' Ottubru li għadda.

 

Il-Kostituzzjoni ġdida għandha ħafna ħwejjeġ mibdula mill-abbozz tal-Kostituzzjoni ta' l-UE li l-Konvenzjoni taħt il-Presidenza ta' Valery Giscard d'Estaing kienet ħejjiet.

 

Id-delegati Maltin li ħadu sehem fit-tħejjija tal-Kostituzzjoni mill-Konvenzjoni, lanqas ma ngħataw l-opportunita` li jiflu u jaqblu mal-bidliet li l-mexxejja tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni għamlu għall-abbozz tal-Kostituzzjoni mill-Konvenzjoni.

 

Il-Parlament Malti ma ngħatax l-opportunita` jiddiskuti l-abbozz tal-Kostituzzjoni ta' l-UE li tfassal mill-konvenzjoni ta' Giscard d'Estaing.

 

U lanqas kien mgħarraf bil-bidliet li l-mexxejja tal-pajjiżi membri ta' l-UE kienu qiegħdin jiftehmu dwarhom.

 

Għalhekk, la l-poplu Malti, u lanqas ir-rappreżentanti tiegħu maħtura mill-Parlament ma setgħu jgħidu kif kienu jaħsbuha dwar il-Kostituzzjoni u l-bidliet li tressqu għaliha.

 

B'danakollu, li kien ghal Gonzi, ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ġdida saret mingħajr kliem u sliem, f'ħakka t'għajn.

 

Avolja l-UE tixtieq li l-poplu tal-pajjiżi membri jkunu mgħarrfin x'fiha l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni, bit-tama li huma jifhmu li din se tkun Kostituzzjoni tagħhom ukoll.

 

L-UE warrbet somma kbira biex tonfoqha fuq propaganda dwar il-Kostituzzjoni ġdida tagħha għax l-Unjoni, taf li l-kotra l-kbira tal-popli ta' l-UE ma jafux x'fiha l-Kostituzzjoni ġdida u ħafna huma kontriha.

 

Skond stħarrig li sar f'Novembru li għadda, wara l-pompa kbira u l-propaganda qawwija li saret taċ-ċerimonja ta' l-iffirmar tal-Kostituzzjoni ġdida, f'Ruma f'Ottubru tas-sena l-oħra, terz taċ-ċittadini ta' l-Unjoni, jiġifieri 150 miljun, qalu li ma semgħux bil-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea.

 

U aktar min-nofs taċ-ċittadini ta' l-Unjoni, jiġifieri aktar minn 225 miljun, qalu li kienu jafu ftit dwar il-Kostituzzjoni ġdida.

 

L-istħarriġ, juri li f'Malta u Għawdex 28 minn kull 100 Malti qatt ma semgħu bil-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni.

 

60 persuna minn kull 100 persuna qalu li jafu ftit dwar il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni.

 

U 12-il persuna biss minn kull 100 qalu li jħossuhom li jafu sewwa dwar din il-Kostituzzjoni li Gonzi ried jirratifika qabel intemmet is-sena li għaddiet.

 

Minkejja l-propaganda qawwija ħafna mill-Gvern, il-media favur il-Gvern u l-organizzazzjonijiet li ħadmu favur is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, ħalli l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni tingħoġob, 31 fil-mija biss tal-Maltin qalu li huma favuriha.

 

Il-Kristofobija ta' l-Unjoni Ewropea

 

FENECH Adami, Gonzi, Vanni Xuereb u Joanna Drake kienu qabel ir-Referendum jippriedkawlna kemm l-Unjoni Ewropea għandha valuri nsara x'tgħallimna jekk nissieħbu magħha. 

 

Issa sibna li l-Unjoni lanqas aċċettat li ssemmi t-twemmin nisrani fil-Kostituzzjoni tagħha.

 

U aħna morna nkantaw pontifikal f'San Gwann meta pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni fl-1 ta' Mejju tas-sena l-oħra!

 

Kattoliċi barranin jaħsbuha differenti dwar l-Unjoni Ewropea min kif daħqu bina l-erba` sinjuri li semmejna u oħrajn bħalhom li ngħaqdu magħhom biex jinċensaw lil alla falz ta' l-Unjoni.

 

Fost dawn insibu lil George Weigel, li huwa d-direttur tal-Catholic Studies ta' l-Ethic and Public Policy Centre u li kiteb ħafna kotba, li għadu kif ta lecture fl-Universita` Gregorjana ta' Ruma, li saħansitra wasal biex qal li l-Ewropa qiegħda tbati minn Kristofobija.

 

Fobja hija stat ta' avversjoni għal xi ħaġa.

 

Kristofobija hija għalhekk avversjoni għal Kristu.

 

Skond Wiegel, l-Ewropa llum għandha avversjoni għal Kristu.

 

Mhux talli ma tħaddanx valuri nsara, iżda għall-kuntrarju, il-valuri nsara ma tridhomx u twarrabhom.

 

Wiegel saħaq li l-Ewropa qiegħda fi kriżi morali.

 

Meta semma l-Ewropa, ried ifisser l-Unjoni Ewropea.

 

Infatti huwa semma r-rezistenza  għall-għeruq insara fil-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE. 

 

Semma ċ-ċahda ta' Rocco Buttiglione, kattoliku ferventi, mill-kariga ta' kummissarju fil-Kummissjoni Ewropea.

 

Huwa kkritika t-tnaqqis fir-rata tat-twelid f'pajjiżi ta' l-Unjoni, li huwa sejjaħ suwiċidju demografiku, jiġifieri l-popolazzjoni tonqos minflok tiżdied.

 

L-akkuża ta' Kristofobija saret mill-istudjuż tal-liġi internazzjonali, J.H.H. Weiler, li qal li ħafna mill-intellettwali magħrufa Ewropej huma Kristofobi, jiġifieri, għandhom avversjoni għal Kristu.

 

U kien il-filosofu Franċiż Remi Brague li stqarr li l-kultura għolja Ewropea hija kritika ħafna għat-tradizzjoni reliġjuża ta' l-Ewropa.

 

George Weigel wera li jaqbel mat-tnejn dwar dak li qalu dwar l-Ewropa.

 

Weigel tkellem dwar kriżi morali li qiegħda taħkem l-Ewropa moderna li qiegħda tinsa l-istorja tagħha.

 

Huwa qal li dawk l-Ewropej li huma xettiċi dwar il-fidi, minkejja li jgħidu li jipprofessaw it-tolleranza, isibuha diffiċli li jittolleraw il-liberta` tan-Nisrani.

 

Huma ma jagħrfux il-kontribut tal-Kristjaneżmu fil-formazzjoni taċ-ċivilta` Ewropea.

 

Imorru aktar 'il bogħod minn hekk, għax isostnu li jista' jkun hemm politika mingħajr Alla.

 

Meta naqraw x'qal George Weigel fl-Universita` Gregorjana ta' Ruma, nintebħu kemm qarrqu bil-poplu Malti qabel ir-referendum.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

L-Erbgħa, 9 ta' Frar, 2005.

<< Lura <<

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ..................................................

ID Numru...............................................

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ