MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici Kampanja ghall-Helsien Nazzjonali CNI

 

Iridu li Malta tieħu sehem f’alleanzi militari

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

 

Donnu qiegħed iberraq dwar in-newtralità.

 

Fl-aħħar ġimagħtejn kellna l-Prim Ministru, il-Partit Nazzjonalista u l-Kelliemi tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin li tkellmu dwar il-ħtieġa li jsir tibdil f’dak li l-Kostituzzjoni ta’ Malta tgħid dwar in-newtralità ta’ pajjiżna.

 

Ħadd minnhom ma kixef x’tibdil irid.

 

Iżda ħadd minnhom ma ta x’tifhem li jrid li n-newtralità ta’ Malta tissaħħaħ.


Jekk ma jridux li n-newtralità ta’ pajjiżna kif imfissra fil-Kostituzzjoni tissaħħaħ, u jridu tibdil, wieħed għandu jifhem li jridu jdgħajfuha.

 

Ma kellhomx il-kuraġġ jgħidu dan u qalu biss li llum iċ-ċirkostanzi mhumiex l-istess bħal dawk tal-1987 meta il-kunċett tan-newtralità daħal fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, u għal­hekk qalu biss li l-kunċett għandu jinbidel skont iċ-ċirkostanzi tal-lum.


Bla tlaqliq ngħidu li għandhom żball jekk iridu jdgħajfu n-newtralità kif imfissra fil-kostituzzjoni tagħna.

 

Jekk għandu jsir tibdil, dan it-tibdil għandu jsaħħaħ mhux idgħajjef in-newtralità ta’ pajjiżna.


Għax iċ-ċirkostanzi politiċi tal-lum jitolbu li pajjiżna jimxi b’politika ta’ newtralità stretta u jirreżisti għall-pressjoni li qiegħda ssir kemm mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll min-Nato u l-Istati Uniti tal-Amerika biex Malta tħaddan il-politika barranija tal-Unjoni Ewropea u tal-Punent.


M’hemmx dubju li hawn min irid li Malta ma tibqax stat newtrali u mhux allinejat kif tgħid il-Kostituzzjoni.

 

Hawn oħrajn li jaċċetaw in-newtralità iżda ma jridux in-non-allinjament.


Il-kliem tal-Kostituzzjoni hu hekk:

“Malta hi stat newtrali li jrid attivament jilħaq il-paċi, is-sigurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha billi jħaddan politika ta’ non-allinjament u jirrifjuta li jipparteċipa f’kull alleanza militari.”

 

Il-Kostituzzjoni tissokta ssemmi x’uħud mill-ħwejjeġ li l-ħidma għall-paċi u n-non-allinjament jimplikaw.


La l-Prim Ministru, la d-Dokument tal-Għeruq tal-Partit Nazzjonalista, u lanqas l-Kelliemi tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin ma qal x’irid ibiddel minn dawn il-kliem tal-Kostituzzjoni.

 

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li għall-Partit Laburista n-newtralità hi sagra.

 

Ma semmiex in-non-allinjament.

 

Iżda minn dak li ntqal f’diversi drabi fl-imgħoddi, jidher li n-non-allinjament qiegħed jitqies li mhux adattat għaċ-ċirkostanzi tal-lum.

 

Dan l-atteġġjament li jitwarrab in-non-allinjament mill-Kostituzzjoni Maltija huwa ta’ theddida gravi għall-politika ta’ newtralità ta’ pajjiżna.

 

Għaliex min ma jridx li pajjiżna jkun mhux allinejat irid li pajjiżna jkun parti mill-politika tal-pajjiżi tal-Punent, b’mod partikolari, tal-Istati Uniti tal-Amerika.


M’hemmx dubju li l-Unjoni Ewropea, in-Nato u l-Istati Uniti qegħdin jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern Malti biex ma jibqax marbut li jimxi b’politika ta’ newtralità u ta’ ħidma attiva għall-paċi billi jħaddan in-non-allinjament.

 

L-Unjoni Ewropea trid li Malta tħaddan il-politika barranija komuni tal-Unjoni la darba Malta hi stat membru tagħha.

 

Il-politika barranija komuni tal-Unjoni Ewropea mhux waħda ta’ newtralità u non-allinjament u għalhekk il-politika barranija ta’ Malta ma taqbilx mal-politika barranija komuni tal-Unjoni.


La l-Prim Ministru u lanqas il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin mhuma se jammettu li hemm pressjoni mill-Unjoni Ewropea biex Malta tagħmel tibdil f’dak li l-Kostituzzjoni Maltija tgħid dwar in-newtralità tal-pajjiż.

 

Billi ma jammettux dan, ma jfissirx li pressjoni mill-Unjoni Ewropea mhux qiegħda ssir.

 

L-iskuża tat-tibdil fiċ-ċirkostanzi politiċi internazzjonali li m’għadhomx dawk tal-1987, ma tippressjonax min huwa ta’ rieda tajba u jemmen li l-aħjar triq għall-poplu tagħna hi li ma jkunx għadu ta’ ħadd, ħalli ħadd ma jkun għadu tiegħu.

 

Pajjiż ma jkunx għadu ta’ Malta jekk il-pajjiż jara li Malta mhix sħab ta’ min ikun għadu tiegħu, u biex ma tkunx sħab miegħu, ma tridx tkun allineat miegħu.

 

Għalhekk huwa importanti ħafna għal Malta li tħaddan politika ta’ non-allinjament.


La l-Prim Ministru u lanqas il-kelliem ta’ l-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin ma qalu jekk iridux li jitneħħa mill-Kostituzzjoni l-kliem li Malta tirrifjuta li tipparteċipa f’kull alleanza militari.

 

Kemm l-Unjoni Ewropea, kif ukoll n-Nato jridu li pajjiżna jkun jista’ jieħu sehem f’alleanza militari billi jħaddan il-politika barranija tal-Unjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża u ħalli jissieħeb fl-organizzazzjoni militari tan-Nato.

 

Kemm in-Nato, kif ukoll il-politika tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà u d-Difiża huma alleanzi militari li mhumiex biss alleanzi difensivi, għax it-tnejn jintużaw biex jattakkaw pajjiżi oħrajn, bħalma ġara fil-Jugoslavja u dan l-aħħar, fil-Libja.

 

Jekk Malta tħaddan il-politika komuni tal-Unjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża, jew jekk tissieħeb fin-Nato, Malta ma tistax titqies aktar bħala stat newtrali.

 

Min ġenwinament irid iħares in-newtralità bħala sagra għal pajjiżna, ma jistax ma jkunx irid li pajjiżna ma jieħux sehem f’alleanza militari li titqies minn pajjiżi oħrajn li teżisti kontrihom.

 

L-assi Libjani ffriżati għandhom jingħataw mingħajr dewmien

 

Il-pajjiżi tal-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika huma mimlijin dejn, u b’dankollu komplew ikabbru d-dejn bl-ispejjeż li għamlu biex jeqirdu lill-Gvern Libjan immexxi minn Gaddafi.

 

Ir-Renju Unit, li għandu ħafna inkwiet minħabba l-qtugħ li qiegħed jagħmel fl-infiq tal-Gvern, nefaq $479 miljun għas-sehem tiegħu fl-attakki tan-Nato fuq il-Libja.

 

Franza, li wkoll qiegħda ddaħħal miżuri ta’ awsterità, nefqet $425 miljun biex twettaq l-għan tagħha li tfarrak lill-Gvern Libjan.

 

L-Italja, li hi mgħaddsa se tegħreq fid-dejn, għamlet spiża ta’ $283 miljun fil-gwerra kontra l-kolonja antika tagħha, il-Libja.

 

L-Istati Uniti tal-Amerika għamlu spiża ta’ $1,100 miljun fil-gwerra tal-Libja.

 

U pajjiżi oħrajn li ħadu sehem fl-aggressjoni kontra l-Libja, nefqu ammonti oħrajn ta’ flus.

 

Huwa ġenn u għajb kbir li meta l-pajjiżi ma jistgħux ikampaw mad-dejn li għandhom, ikomplu jaħlu l-miljuni jkissru pajjiż ieħor li lilhom ma għamlilhom xejn.


Dawn il-pajjiżi li tant għamlu ħerba mill-bliet u l-infrastruttura tal-Libja, kollha kienu jibbenifikaw mill-ġid tal-poplu Libjan billi l-Gvern Libjan kien investa biljuni kbar ta’ dollari fil-banek u l-industriji tagħhom.

 

Dawn il-biljuni għadhom sal-lum iffriżati minħabba s-sanzjonijiet tal-Ġnus Magħquda li saru fil-bidu tal-gwerra ċivili, biex jiffriżjaw l-assi Libjani fil-pajjiżi barranin.

 

L-UE wkoll għamlet sanzjonijiet kontra l-Libja bħal dawk tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u f’ċerti ħwejjeġ, eħrex minnhom.

 

Il-Gvern Malti daħħal fis-seħħ dawk is-sanzjonijiet bl-Avviżi Legali numri 69 u 71 tal-2011.

 

Dawn is-sanzjonijiet iffriżaw l-assi li l-Gvern Libjan għandu fil-pajjiżi tal-UE u fl-Istati Uniti tal-Amerika u sal-lum il-Gvernijiet baqgħu ma tawhomx lill-Gvern il-ġdid tal-Libja.

 

Ħadd ma jifhem x’inhuma l-iskużi biex dawn l-assi ma ngħatawx lill-poplu Libjan.

 

Kulħadd jgħid li dawk l-assi huma tal-poplu Libjan u li għandhom jingħataw lilu.

 

Il-Prim Ministru Malti wkoll kemm-il darba qal li l-assi Libjani ffriżati għandhom jingħataw lill-Gvern il-ġdid tal-Libja, iżda dejjem iżid li l-ewwel iridu jiddeċiedu li jsir dan il-Kunsill tas-Sigurtà u l-UE, biex Malta tkun tista’ tagħti l-assi ffriżati hawn, lill-Gvern ġdid Libjan.

 

L-assi Libjani, kemm dawk f’Malta kif ukoll dawk f’pajjiżi oħrajn tal-Punent ma ġewx iffriżati bis-saħħa tar-riżoluzzjonijiet tal-Ġnus Magħquda u tal-UE, imma ġew iffriżati bis-saħħa tar-regolamenti legali li saru fil-pajjiżi differenti l-Gvernijiet tagħhom.

 

Issa li l-gwerra fil-Libja ntemmet, m’hemmx ġustifikazzjoni aktar biex l-assi Libjani jibqgħu ffriżati.


Kulma l-Gvern Malti jrid jagħmel hu li joħroġ Avviż Legali li bih iħassar l-Avviżi Legali li ħareġ fil-bidu tal-gwerra ċivili tal-Libja li bihom iffriża l-assi Libjani f’Malta.

 

Biex il-Gvern Malti joħroġ dan l-Avviż Legali, m’għandux bżonn jistenna la l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u lanqas l-UE.


Meta l-Gvern joħroġ Avviż Legali li jħassar l-Avviżi Legali li bis-saħħa tagħhom kienu ffriżati l-assi Libjani f’Malta, min qiegħed iżomm dawn l-assi, kemm jekk hu l-Gvern, kemm jekk huma l-banek, kif ukoll jekk huma kumpaniji kummerċjali, ikollu l-obbligu legali li jagħti dawk l-assi lil min għandu dritt għalihom skont il-liġi ta’ Malta.

 

Għalhekk l-assi li huma ta’ individwi Libjani, jistgħu jingħataw biss skont il-liġi, lil min jappartjenu, jew jekk ma għadux ħaj, lill-eredi tiegħu skont il-liġi.

 

Jekk l-assi huma ta’ kumpaniji kummerċjali, jistgħu jingħataw biss lil min jirrappreżenta skont il-liġi lil dawk il-kumpaniji.

 

Jekk l-assi huma tal-Gvern Libjani, jistgħu jingħataw biss lill-Gvern leġittimu tal-pajjiż.

 

U dan jgħodd kemm għall-Gvern Malti, kif ukoll għall-banek.

 

Bl-ebda dritt ma jista’ l-Gvern Malti jimxi b’mod ieħor dwar l-assi Libjani ffriżati, jgħidu x’jgħidu l-kunsill tas-Sigurtà u l-UE.


La darba l-qagħda hi daqshekk ċara, ma nifhmux x’qiegħed iżomm lill-Gvern Malti milli ma jħallix l-assi Libjani f’Malta jingħataw lil min għandu dritt għalihom skont il-liġi.

 

Jista’ jagħti l-każ li jkun hemm kontestazzjoni dwar min għandu dritt għall-assi ffriżati u f’dak il-każ il-kwistjoni trid tiġi deċiża mill-Qrati tagħna, iżda l-Gvern m’għandux jidħol fil-kwistjonijiet dwar min hu intitolat skont il-liġi biex jieħu l-assi ffriżati.


Aktar ma jdumu ma jkunu irtirati l-assi Libjani ffriżati, aktar ikompli jiżdied id-dħul tal-pajjiżi barranin mill-assi, u b’hekk ikomplu jgawdu l-banek u l-pajjiżi fejn hemm dawn l-assi, għax dawn huma investiment barrani.

 

Għalhekk id-dewmien biex l-assi jkunu meħlusin iqanqal suspett li n-nuqqas ta’ għaġġla hemm raġuni għaliha għax il-banek u l-pajjiżi fejn l-assi qegħdin, ikomplu jibbenifikaw minnhom.

 

Iżda la darba l-Libjani huma intitolati għalihom u jriduhom, mhux ġust li ma jingħatawlhomx mingħajr aktar skużi u dewmien.

 

Ngħidu “le” għal trattat ġdid tal-Unjoni Ewropea

 

Fil-ġranet li ġejjin il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, inkluż il-Prim Ministru Malti, se jiftehmu li jsir trattat ġdid għall-pajjiżi taż-Żona Ewro, u li jistgħu jissieħbu fih l-għaxar pajjiżi l-oħrajn tal-Unjoni li ma daħħlux l-ewro.

 

It-trattat ġdid għandu jkun fis-seħħ sa Marzu li ġej, jekk tgħaddi l-proposta tal-Kanċillier Ġermaniż Merkel u tal-President Franċiż Sarkozy li qegħdin jgħaffsu biex isir it-trattat ġdid.

 

Il-Prim Ministru Malti se jikkommetti lil pajjiżna għat-trattat ġdid tal-Unjoni Ewropea, mingħajr la l-poplu u lanqas il-Parlament ma jafu x’se jkun fih u kemm se jkun ta’ xkiel għal pajjiżna.

 

Għax bit-trattat ġdid l-Unjoni Ewropea trid tkabbar is-setgħat tagħha fuq it-tmexxija ekonomika u finanzjarja ta’ pajjiżna, u fl-istess waqt tnaqqas is-setgħat tal-Parlament Malti biex jiddeċiedi huwa xi jsir fiż-żewġ oqsma importanti tal-ħajja tal-poplu tagħna.


L-Unjoni Ewropea qiegħda ġġib l-iskuża li għandha bżonn setgħat ġodda biex tkun tista’ ssalva u ssaħħaħ l-ewro.

 

Iżda l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea qegħdin jinqdew bil-kriżi finanzjarja u bil-kriżi ekonomika ta’ ħafna pajjiżi taż-Żona Ewro fi stat wieħed li jkollu unjoni fiskali u kordinazzjoni ekonomika komuni.


Bil-proposti li qegħdin isiru dwar x’ikun fih it-trattat ġdid ta’ l-Unjoni Ewropea, il-membri taż-Żona Ewro u dawk il-pajjiżi l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea li jissieħbu fit-trattat, se jkomplu jitilfu mis-sovranità u l-indipendenza li baqgħalhom.

 

Il-Parlamenti nazzjonali ta’ dawn il-pajjiżi se jonqsilhom is-setgħat li għandhom, li jfisser li se jirrappreżentaw inqas ir-rieda tal-popli li jkunu ħatruhom.


Id-demokrazija li tesiġi li r-rieda tal-maġġoranza tiddeċiedi t-tmexxija tal-pajjiż, se tkompli tkun imminata, għax se tkun il-maġġoranza tal-mexxejja tal-pajjiżi taż-Żona Ewro li se tiddeċiedi kif titmexxa l-attività finanzjarja u l-attività ekonomika tal-pajjiż.


Għalkemm il-Prim Ministru Malti se jikkommetti lill-poplu fit-tibdil li se jiġi propost fit-trattat ġdid tal-Unjoni Ewropea, nittamaw li l-poplu Malti ma jaċċettax proposti li fissru li l-poplu jitlef aktar mis-sovranità u l-indipendenza tiegħu.

 

Nittamaw li l-Membri Parlamentari ma jaċċettawx li jnaqqsu s-setgħat tal-Parlament Malti, u żgur m’għandhomx mandat mill-poplu biex jaċċettaw dan.

 

Il-Ħamis, 8 ta’ Diċembru, 2011

 

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ