MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000
Il-ħabel
jinġibed aktar m’għonq il-kaċċaturi
Kienet ferm interessanti l-istorja li sibna ġewwa IL-PASSAtemp li toħroġ ma‘ dan il-ġurnal nhar ta’ Tlieta u l-Ħamis.
Ħsibna li nġibuha għall-attenzjoni tal-qarrejja ta’ din il-paġna
għax nemmnu li hemm min ma jaqrax l-artikli interessanti li jkun hemm
f’IL-PASSAtemp għax hu ma jkunx dilettant tal-kaċċa jew
l-insib.
Ħassejna dan għax din l-istorja turi b’mod ċar kif dak li tkun trid tagħmel l-Unjoni Ewropea, issib kull skuża biex tagħmlu.
Kif ngħidu: fejn ma tistax tgħaddi mill-bieb tgħaddih mit-tieqa!
Hekk qiegħda tagħmel dwar il-kaċċa u l-insib f’pajjiżna.
Din l-istorja qasira, kif qrajniha f’IL-PASSAtemp, tgħid hekk:
“Charlie huwa kaċċatur li jum minnhom, f’Mejju, waqt li kien għall-kaċċa,
ħares ’il fuq fis-sema għax kienet għaddejja kuċċarda…
isma’ bil-fors u emmen jekk trid, din hija waħda mir-raġunijiet għala
l-kaċċa fir-rebbiegħa għandha tispiċċa darba għal
dejjem!”
Jekk niftakru tajjeb, ir-raġuni li kienet ingħatat
mid-delegazzjoni tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew kienet li
la darba dak il-kaċċatur ħares lejn dik il-kuċċarda,
kieku kien possibbli għalih il-kaċċatur kien jisparalha!
Mela dawn l-għorrief ta’ l-Unjoni Ewropea, minbarra l-eluf kbar u bla qies li għandhom fis-sena, għandhom ukoll id-don mogħti lilhom minn Alla, li jaqraw l-imħuh tan-nies, f’dan il-każ tal-kaċċaturi!
Wieħed jista’ jimmaġina biżibilju ta‘ xenarji fejn allura,
jekk wieħed iħares lejn xi ħaġa jew lejn xi ħadd, ikun
ifisser li dak it-tali jkun lest li jisraq dik il-ħaġa li ħares
lejha, jew joqtol lil dak il-bniedem li jkun ħares lejh, jekk jiġih iċ-ċans!
Aħna ilna s-snin minn qabel ir-Referendum inbassru li l-Unjoni Ewropea se ssib kull skuża biex teqred il-kaċċa fir-rebbiegħa u l-insib is-sena kollha.
Li taparsi kien intlaħaq xi forma ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Nazzjonalista fin-negozjati dwar is-sħubija, kienet biss tattika politika ħalli l-votanti kaċċaturi u nassaba jaqgħu huma fin-nasba flok l-għasafar u t-tajr.
U aħna ċerti
li rnexxielhom jonsbu u jaqbdu eluf ta’ kaċċaturi u nassaba.
L-aħħar aħbar li qrajna f’The Times tad-29 ta’ Ġunju li għadda, il-Kummissjoni Ewropea wissiet lill-Gvern Malti li se tieħu azzjoni legali kontra Malta dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa tal-gamiem u s-summien.
Skond ir-rapport li deher f’The Times, il-Kummissjoni Ewropea ma kinitx sodisfatta bl-argumenti tal-Gvern Malti! Però fl-istess rapport intqal li l-Gvern Malti kien qiegħed joġġezzjona għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
Intqal ukoll li dawn il-proceduri legali kontra l-Gvern
Malti jistgħu jieħdu madwar erba’ snin.
Araw tiftakrux x’konna għidna aħna fuq Smash TV u f’din il-paġna, li l-Gvern jara x’jagħmel biex jibqa’ jaljena lill-kaċċaturi u n-nassaba almenu sakemm tgħaddi l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss fis-sena 2008.
U billi erba’ snin oħra jkun ifisser sentejn wara l-elezzjoni, imbagħad il-ħabel madwar għonq il-kaċċaturi u n-nassaba jkun jista’ jinġibed kollu u l-Gvern Malti jkun jista’ jgħid li għamel minn kollox biex dan ma jiġrix.
Inbassru wkoll li qabel
l-Elezzjoni ta’ l-2008, il-Gvern se jerġa‘ jgħid li mhu se
jinbidel xejn, bħalma qal qabel l-aħħar elezzjoni.
Issa sta għall-kaċċaturi u n-nassaba jekk jerggħux
iħallu lill-Gvern u lill-Unjoni Ewropea jerġgħu jonsbuhom għal
darb’oħra!
Waqt konferenza ta’ l-Isqfijiet tal-Komunità Ewropea (COMECE) l-Isqfijiet Maltin, flimkien ma’ l-isqfijiet l-oħrajn kollha Ewropej, ikkundannaw il-vot li sar fil-Parlament Ewropew favur il-finanzjament mill-Unjoni Ewropea għar-riċerka dwar l-embrijuni, li hi kkundannata wkoll mill-Vatikan.
Anke f’pajjiżna din il-kwalità ta‘ riċerka hi
pprojbita bil-liġi.
Għalkemm kien hemm Parlamentari Ewropej, inklużi Maltin, li ma appoġġjawx jew ivvotaw kontra l-proposta, il-maġġoranza tal-Parlamentari Ewropej ivvotaw favur.
Għalhekk hija tista’ tgħid
ħaġa ċerta li kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-Kunsill
Ewropew se japprovaw il-finanzjament ta’ din ir-riċerka.
Jekk tiftakru tajjeb, qabel ir-Referendum kienu jużaw xi kliem li kien qal il-Papa Gwanni Pawlu II, jiġifieri li jekk Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea tkun tista’ tagħti xiehda u twassal il-valuri Nsara tal-poplu Malti fl-Unjoni Ewropea.
Aħna konna sħaqna li se jiġri l-kontra.
Li flok m’aħna “nesportaw” il-valuri Nsara tagħna
fl-Ewropa, li se jiġri hu li “nimportaw” f’pajjiżna l-valuri
pagani li ssib fl-Ewropa!
Naħsbu li llum anke l-Isqfijiet Maltin jaċċettaw li
kellna raġun!
Kemm qegħdin sew!
Illum jekk xi ħadd jazzarda jiftah ħalqu biex jgħid li l-interess ta’ Malta u l-Maltin għandu jiġi qabel dak tal-barranin, malajr isib lil xi ħadd li jakkużah li hu “perikoluż” jew li hu “tal-lemin estrem”.
Qisu li wieħed ikun favur u jħobb lil pajjiżu
qabel kollox, huwa xi monopolju tal-lemin.
Anzi aħna niftakru li l-għajta “Malta l-ewwel u qabel
kollox” kienet ħarġet b’qawwa kbira min-naħa tax-xellug
politiku f’Malta, mill-Partit Laburista u mhux mil-lemin.
Fl-Italja rajna kif biex jeħilsu mill-Gvern “lemini” ta’ Berlusconi, Romano Prodi għaqqad miegħu Soċjalisti, Komunisti, Demokristjani, Radikali u Ħodor.
Prodi u l-kapijiet tal-partiti l-oħrajn kollha ħassew li fl-interess ta’ l-Italja kien hemm bżonn din l-għaqda.
X’hemm ħażin mela li f’Malta, xi ħadd li jkun “xellugi”
juri appoġġ għal xi għaqda (mhux partit politiku) li tkun
qiegħda taħdem biex l-interess ta’ Malta u tal-Maltin jitpoġġa
qabel tal-barranin?
Lil dawk li jitkażaw jaraw “xellugin” u “leminin”
flimkien għall-ġid ta’ pajjiżna, nistaqsuhom għadhomx
jemmnu li l-interess ta’ Malta għandu jkun “l-ewwel u qabel kollox”?
Hemm għalfejn infakkruhom lil dawk li “jitkażaw”
daqshekk malajr, x’kien ġara fl-aħħar gwerra dinjija, meta
l-pajjiżi “demokratiċi” tal-Punent kienu ngħaqdu ma’
l-Unjoni Sovjetika “komunista u totalitarja”, biex jirbħu lill-għadu
komuni tagħhom, in-Naziżmu ta’ Adolf Hitler?
Il-Prim Ministru Ingliz, Winston Churchill u l-President ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika ma tkażawx jagħmlu dan la kien fl-interess ta’ pajjiżhom u tal-popli tagħhom.
Allura se “jitkażaw
xi Maltin għax jaraw nies ta’ fehma politika differenti jimxu flimkien għall-ġid
ta’ Malta u l-poplu tagħha?
Il-moviment Graffitti ħareġ stqarrija li fiha ħeġġeġ
lill-awtoritajiet, il-partiti politiċi, il-Membri Parlamentari Ewropej u
s-soċjetà ċivili, biex jagħmlu pressjoni fuq l-Unjoni Ewropea
biex tħalli lill-Gvern Malti jkompli jissussidja t-trasport pubbliku.
Il-Graffiti qablu wkoll li t-trasport pubbliku huwa servizz soċjali
bażiku li għandu jibqa’ jista’ jintlaħaq minn kulħadd.
Aħna tas-CNI naqblu perfettament ma li qalu tal-Graffitti.
Però niskantaw ninnotaw kif dan il-moviment għadu ma ndunawx li
issa d-deċiżjonijiet l-aktar importanti għall-poplu Malti m’għandhomx
jittieħdu mill-Gvern Malti, elett mill-poplu Malti, iżda minn
burokratiċi barranin Ewropej “li ma vvotalhom ħadd”!
Dawn id-deċiżjonijiet, meħudin mill-barranin, diġà
qegħdin jolqtu ħażin, u se jkomplu aktar fil-futur, jolqtu ħażin
lill-poplu tagħna.
Għalhekk ma nistgħux nifhmu kif min jgħid li jfittex
l-interess tal-poplu Malti ma jasalx għall-istess konklużjoni bħalma
ilna s-snin li wasalna aħna tas-CNI
“Li b’Malta fl-Unjoni Ewropea
ma jaqblilniex!”
B’hekk biss jista’ jerġa’ jkollna s-setgħa li dak li
hu ta’ ħsara għall-poplu Malti u speċjalment għall-klassi
tal-ħaddiema u dawk li huma fl-iskaluna t’isfel fis-soċjetà
Maltija, naraw li ma jseħħx f’pajjiżna.
Is-Sibt, 8 ta’ Lulju, 2006.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ