MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA
Partiti kontra l-Unjoni Ewropea
Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
GĦALKEMM l-Unjoni Ewropea qiegħda tikber fid-daqs, l-appoġġ tal-poplu għall-Unjoni qed jonqos mhux jikber.
F’ħafna mill-għaxar pajjiżi li ssieħbu fl-Unjoni f’Mejju li għadda, l-interess tal-poplu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kien baxx ħafna.
F’ħafna mill-15-il pajjiż
membru, l-għadd ta’ nies li vvotaw lill-kandidati li huma kontra l-Unjoni
żdied bil-bosta.
Dawn il-fatti li qegħdin iseħħu fil-pajjiżi l-oħrajn
ta’ l-Unjoni Ewropea jmisshom jiftħu għajnejn it-tliet partiti
politiċi Maltin.
Li qed iseħħ barra, se jseħħ f‘Malta.
L-oppożizzjoni f’pajjiżna
għall-UE se tikber mhux tiċkien f’pajjiżna.
Aktar ma jittieħdu passi ħalli jseħħ f’pajjiżna
dak li l-Gvern Malti ftiehem ma’ l-UE, aktar jikber in-numru ta’ Maltin u Għawdxin
li jħossuhom li ttraduhom meta qalulhom li se jkunu aħjar
fl-Unjoni.
Diġŕ ħafna ħaddiema qegħdin jgħidu dan.
Diġŕ ħafna bdiewa u raħħala qegħdin jilmentaw xi ġralhom.
Diġŕ ħafna
imprendituri u tan-negozji żgħar ingidmu.
Fi żmien qasir se naraw it-tibdil għall-agħar:
* fil-pensjonijiet,
* fis-servizzi soċjali,
* fil-kura tas-saħħa,
* fl-għoli tal-prezzijiet u
* fiż-żidiet fil-piżijiet.
L-għajta ta’ “ittradejtuna” se tikber f’kull settur tal-poplu.
Kif se jwieġbu l-partiti politiċi?
Jitwaqqfu partiti ġodda
FIL-PAJJIŻI l-oħrajn membri ta’ l-UE ġara li, għax il-partiti l-kbar ma tawx kas tal-mewġa popolari kontra l-Unjoni, twaqqfu partiti ġodda li ġabru magħhom eluf kbar ta’ votanti.
L-eżempju ewlieni ta’ dan
il-fenomenu huwa dak tal-United Kingdom Independence Party li tella’ 12-il
kandidat fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.
Issa wieħed miż-żewġ partiti l-kbar fl-Ingilterra qed
jikkunsidra jekk għandux jibdel il-linja politika tiegħu dwar l-Unjoni
Ewropea biex jirbaħ lura l-voti li marru għand l-Indipendence Party.
Jekk il-Partit Laburista ma jibqax jidher li jirrappreżenta lill-eluf ta’
Maltin u Għawdxin li għadhom ma jaqblux ma’ l-Unjoni Ewropea jew li
jħossuhom li ġew ittraduti u ngidmu minnha, jitwaqqaf partit li jħaddan
dawn l-eluf kollha.
Ikun il-partit f’Malta kontra
l-Unjoni Ewropea.
Fil-Polonja, it-tieni l-akbar partit huwa kontra l-Unjoni Ewropea.
Fir-Repubblika Ċeka, il-partit kontra l-UE huwa akbar mill-partit li
hemm fil-Gvern.
Fl-Ingilterra, it-tielet l-akbar partit huwa kontra l-UE.
F’Malta kemm ikun kbir il-partit kontra l-Unjoni?
Innotajna
L-Unjoni Ewropea u l-pensjoni
Qabel ir-Referendum u l-Elezzjoni Ġenerali tas-sena l-oħra, il-Gvern Nazzjonalista u l-propagandisti favur is-sħubija fl-Unjoni, kienu jiżguraw lill-poplu li l-Unjoni Ewropea ma tindaħalx fil-kwistjoni tal-pensjoniijiet.
Iċ-Ċentru tat-Tagħrif dwar l-Unjoni Ewropea (il-MIC) immexxi minn Dr Simon Busuttil (li kien jilgħaba ta' persuna li ma kinitx partiġġjana filwaqt li kien neħħa l-maskra u ppreżenta ruħu bħala kandidat tal-Partit Nazzjonalista) saħaq li l-Gvern Malti jiddeċiedi dwar il-pensjonijiet u li l-Unjoni Ewropea ma kinitx tindaħallu dwarhom.
Issa nhar it-Tnejn li għadda l-Prim Ministru kixef idu dwar l-indħil ta' l-Unjoni Ewropea fil-kwistjoni tal-pensjonijiet.
Huwa kien obbligat jiżgura lill-Unjoni Ewropea li se jagħmel tibdil kbir fil-pensjonijiet ta' pajjiżna din is-sena stess.
Kieku ma wiegħedx dan, l-Unjoni Ewropea ma kinitx tapprova l-pjan li huwa ppreżenta ta' kif se jnaqqas l-iżbilanċ li l-Gvern Malti jkollu kull sena fid-dħul u fil-ħruġ tiegħu.
Issa ħadd ma jista' jkompli jiċħad li l-Unjoni Ewropea qiegħda timponi fuq il-Gvern Malti li jbiddel il-kundizzjonijiet ta' l-għoti tal-pensjoni kemm dwar l-ammont li jitħallas, kemm dwar l-eta` meta jkollok dritt għaliha, kif ukoll dwar xi ħlasijiet iridu jsiru biex ikollok dritt għaliha.
L-Unjoni tisħaq ukoll li jkun hawn il-pensjonijiet privati li jagħtu lok li jsiru profitti kbar mill-kumpaniji privati tal-pensjonijiet.
Anki dwar il-pensjonijiet, l-Unjoni Ewropea ttradiet lill-poplu Malti.
L-Unjoni Ewropea u l-impjiegi
Il-Gvern Malti f'Mejju 2004 ippreżenta l-Pjan tal-Konverġenza ("Convergence Programme") lill-Kummissjoni Ewropea sabiex juri kif sas-sena 2007 bi ħsiebu jnaqqas l-iżbilanċ li kull sena jkollu fid-dħul u fil-ħruġ tiegħu.
Nhar it-Tnejn li għadda l-Kunsill ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarj ta' l-Unjoni (Ecofin Council) qabel mal-pjan tal-Gvern Malti.
Il-Gvern Malti ma ddiskutiex il-pjan fil-Parlament Malti.
Issa l-Gvern intrabat ma' l-Unjoni Ewropea mingħajr ma kiseb qabel l-approvazzjoni tal-Parlament Malti.
Issa l-Parlament Malti jkolli jgħaddi dak li l-Unjoni Ewropea aċċettat.
Jiġifieri l-opinjonijiet tar-rappreżentanti tal-poplu fil-Parlament Malti ma jiswew għalxejn, għax kollox diġa` ġie deċiż ma l-Unjoni Ewropea.
Din hija prova oħra ta' kemm il-Parlament Malti tilef u se jkompli jitlef mis-siwi tiegħu bis-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.
L-Unjoni Ewropea u l-investiment
WARA l-laqgħat li l-Prim Ministru kellu ma' l-Unjoni Ewropea fil-bidu ta' din il-ġimgħa, huwa ħabbar li se jittieħdu deċiżjonijiet diffiċli aktar tard din is-sena u fis-sentejn li ġejjin.
Huwa fisser li l-Gvern se jnaqqas l-infieq tiegħu kull sena.
Il-Gvern jista' jnaqqas l-infieq tiegħu billi jew inaqqas in-nies li hawn impjegati fis-settur pubbliku, jew inaqqas is-servizzi li l-Gvern jipprovdi, bħal ma huma:
* l-għajnuniet soċjali,
* il-kura tal-mard u t-tagħlim, u jew
* inaqqas il-proġetti li jsiru mill-Gvern, bħal ma huwa l-bini ta' l-isptar il-ġdid.
Iżda l-Prim Ministru ma qal xejn dwar kif se niġbdu aktar investiment lejn pajjiżna ħalli jiżdied ix-xogħol, jiżdiedu l-impjiegi u jiżdiedu l-prodotti esportati u s-servizzi mogħtija minn pajjiżna.
Aktar huwa diffiċli li tattira l-investiment milli tnaqqas l-infieq tal-Gvern.
Biex jattira l-investiment, il-Gvern irid iżid l-infieq fl-inċentivi li jipprovdi, fl-għajnuniet li jagħti, fil-fabbriki li jibni u fil-ħlas aktar baxx li jieħu tas-servizzi tiegħu.
B'infieq anqas mill-Gvern, l-ekonomija tiċkien mhux tikber.
L-Unjoni Ewropea tidher kuntenta li dan isir f'pajjiżna, għax la hi u lanqas il-Gvern Malti ma qalu x'se jsir biex jikber l-investiment li meħtieġ li jsir f'pajjiżna.
Minflok saħqet fuq il-Gvern Malti sabiex ifassal programm ta' kif se jiġbed aktar investiment f'pajjiżna ħalli jinħolqu aktar impjiegi, l-Unjoni Ewropea kkuntentat ruħha kif se jonqos l-infieq tal-Gvern Malti fit-tliet snin li ġejjin.
Il-programm li l-Unjoni approvat se jgħarraq aktar il-qagħda mwegħra li jinsab fiha pajjiżna u mhux se jħajjar investiment akbar f'pajjiżna.
La fil-qasam tal-pensjonijiet, la fil-qasam ta' l-impjiegi, u lanqas fil-qasam ta' l-investiment ma aħna se mmorru 'l quddiem bil-ftehim li għadu kif sar bejn il-Gvern Malti u l-Unjoni Ewropea.
Unjoni Ewropea ta' żewġ klassijiet
Analiżi kritika tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
mill-Professur Anthony Coughlan
ta' l-Universita` ta' Dublin
Nru 23.
IL-KOSTITUZZJONI ta' l-Unjoni Ewropea tgħid li sakemm l-istati membri jagħmlu patt ta' difiża komuni, jista' jitħaddem il-prinċipju ta' koperazzjoni akbar bejn numru ta' stati.
Dan hu magħruf bħala 'enhanced cooperation' u ddaħħal l-ewwel darba fil-qasam tas-sigurta` u ta' attivita` militari fit-Trattat ta' Nizza.
Din il-koperazzjoni bejn numru ta' stati membri issa se tissejjaħ "koperazzjoni strutturali" u tiftaħ it-triq għall-Ewropa ta' żewġ safef (two-tier Europe) fl-oqsma tal-militar u tad-difiża.
B'dan il-mod, numru żgħir ta' stati membri jistgħu jfasslu politika komuni ta' sigurta`, ta' difiża` u politika barranija li tkun taqbel għalihom u għall-interessi tagħhom, anki jekk l-istati membri l-oħrajn ma jkunux jaqblu magħha.
L-istati membri li jkunu jieħdu sehem fil-"koperazzjoni strutturali" jkunu jistgħu jużaw l-aġenziji li l-Unjoni twaqqaf biex jipprovdu servizz għal dan il-għan.
Dan il-grupp ta' stati membri se jkun marbut b'garanzija li jiddefendu lil xulxin ('mutual defence guarantee').
Huma għandhom jaħdmu fil-qrib man-NATO.
Għalhekk dan huwa pass ieħor lejn Ewropa ta' żewġ safef u żewġ klassijiet.
Huwa wkoll ksur tal-kunċett li l-Unjoni hija sħubija ta' stati ugwali.
Dan il-kunċett inqered bit-Trattat ta' Nizza.
Il-"Grupp ta' Ġewwa"
IL-GRUPP ta' l-istati membri li se jissieħbu fil-"koperazzjoni strutturali" huwa magħruf bħala l-"Grupp ta' Ġewwa".
Dan se jwassal biex l-istati membri l-oħrajn li m'humiex fil-grupp ikunu ffaċċjati b'deċiżjonijiet meħudin mill-istati membri tal-grupop dwar il-politika barranija u dik militari u l-grupp juża r-riżorsi kollettivi ta' l-UE li jkunu ffinanzjati mill-istati membri kollha.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Il-Ħamis, 8 ta’ Lulju, 2004.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju
Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ