MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAHDMU BIEX NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID

LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET

TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA

LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

Il-mewt tal-Kostituzzjoni Ewropea

 

Franza nisslet l-Unjoni Ewropea, rabbietha u kabbritha.

 

Issa Franza sabet li l-wild tagħha ħarbet minn taħt idejha, qabdet triq mimlija saram u qiegħda 

tagħmlilha ħsara.

 

Għalhekk Franza qalet issa daqshekk lill-Unjoni Ewropea u vvotat kontra l-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-Unjoni stabbilita bit-Trattat li kien iffirmat f’Ruma fid-29 ta’ Ottubru, 2004.

 

Ħafna mill-mexxejja ta’ l-Unjoni, kif ukoll il-mexxejja ta’ x’uħud mill-pajjiżi membri mseħbin fl-Unjoni, ħadu xokk bid-deċiżjoni tal-Franċiżi, u fl-isturdament tagħhom dawn il-mexxejja ma ntebħux li Franza kienet fil-fatt qatlet il-Kostituzzjoni Ewropea.

 

Huma istintivament iddikjaraw li xorta waħda huma se jkomplu mexjin bil-proċess tar-ratifika tal-Kostituzzjoni li mingħalihom hija biss feruta, iżda fir-realtà hija mejta.

Ħadd ħlief il-Franċiżi ma jistgħu jirxuxtaw il-Kostituzzjoni Ewropea.

 

U dan il-miraklu ma jseħħx jekk ma jaqblux l-Ingliżi, iċ-Ċeki, il-Pollakki u d-Daniżi.

 

Il-miraklu ta’ l-irxuxtar tal-Kostituzzjoni Ewropea ma jsehħħx billi aħna l-Maltin nirratifikawha fil-Parlament Malti, avolja fil-Parlament nagħmlulha kantata solenni ta’ tifħir mingħajr stonatura waħda.

 

Għaliha nittamaw li l-membri parlamentari jmorru lebsin skur u bl-ingravata sewda, kif jixraq l-okkazjoni.

 

Għaliex ma nivvotawx “iva”

Mhux il-mexxejja Ewropej kollha ddispjaċihom għal-“le” tal-Franċiżi u ta’ l-Olandiżi.

 

Il-President tar-Repubblika Ċeka sklama, meta sema’ bir-riżultat tar-referenda, li din kienet rebħa għal-libertà u għad-demokrazija fl-Ewropa.

 

Il-Prim Ministru Taljan, Berlusconi, sfoga li l-UE għamlet numru kbir esaġerat ta’ liġijiet u regolamenti u kellha burokrazija kbira wisq.

Laurent Fabius, ex-Prim Ministru ta’ Franza, ikkundanna l-Kostituzzjoni Ewropea għax timponi kompetizzjoni mingħajr rażan u mingħajr skrupli, u la darba m’għaddietx, issa jkollha tiġi diskussa u nnegozjata mill-ġdid.

Il-membru tal-Parlament Olandiż, Geert Wilders, ikkritika l-Kostituzzjoni Ewropea għax tieħu wisq setgħat minn idejn il-gvern nazzjonali u tgħaddihom lill-UE u b’hekk tgħaffeġ is-sovranità tal-pajjiż.

Is-Sunday Times ta’ Londra ma qagħditx iġġewweż kliemha.

 

Qalet li l-Kostituzzjoni Ewropea żżid l-integrazzjoni tal-pajjiżi membri, u minħabba f’hekk hija kienet kontra l-Kostituzzjoni u ma riditx li jkun hemm ‘closer union’ għall-pajjiżi ta’ l-Ewropa.

 

Fl-artiklu 437 tal-Kostituzzjoni Ewropea hemm imdaħħal il-ftehim (pakkett jinten) li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma’ l-Unjoni Ewropea fis-16 ta’ April, 2003 (it-Trattat ta’ Ateni).

 

Għalhekk min jivvota “IVA” għall-Kostituzzjoni Ewropea jkun qed jivvota favur dak il-Ftehim.

134,000 ivvotaw “le” għall-Ftehim Nazzjonalista f’Marzu, 2003.

 

Żgur li ħadd minn dawn il-134,000 ma jiddispjaċih li vvota kontra.

 

Iżda żgur ukoll li llum hemm ħafna li vvotaw fl-2003 favur dak il-Ftehim, li jiddispjaċihom li vvotaw “iva” dak in-nhar.

 

Il-134,000 li vvotaw “le” għall-Ftehim fl-2003 u dawk li llum jiddispjaċihom li vvotaw ”iva” dak in-nhar, żgur ma jieħdux gost li llum nivvotaw favurih kif huwa mdaħħal fil-Kostituzzjoni Ewropea.

 

L-Oppożizzjoni Laburista fil-Parlament ivvotat kontra r-ratifika tal-Ftehim ta’ l-2003.

 

Jekk issa l-Oppożizzjoni Laburista tivvota ”iva” għar-ratifika tat-Trattat li Jistabilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, hija tkun qiegħda tivvota favur il-Ftehim ta’ l-2003.

 

Il-Konferenza Ġenerali tad-Delegati Laburisti fid-9 ta’ Novembru ta’ l-2003 ma approvatx il-Ftehim Nazzjonalista ta’ l-2003 kif sar.

 

Hija qatgħet li l-Partit waqt li jkun fl-Oppożizzjoni, jaħdem biex ixejjen l-aspetti negattivi kollha ta’ dak il-ftehim żvantaġġuż u ta’ ħsara għall-poplu Malti, speċjalment għall-ħaddiema.

 

Jekk l-Oppozizzjoni Laburista issa tivvota “iva” għall-Kostituzzjoni Ewropea tkun qiegħda tapprova l-Ftehim żvantagguż u ta’ ħsara li n-Nazzjonalisti għamlu ma’ l-Unjoni Ewropea fl-2003, bl-aspetti negattvi tiegħu kollha.

 

Meta ma nivvotawx favur il-Kostituzzjoni Ewropea, ma nkunux qegħdin immorru kontra l-Unjoni Ewropea jew kontra s-sħubija fiha.

 

Il-Franċiżi u l-Olandiżi li vvotaw bi ħġarhom “le” għall-Kostituzzjoni Ewropea ma vvotawx kontra l-Unjoni Ewropea jew kontra s-sħubija fiha.

 

Min jivvota “le” għat-Trattat li Jistabblixxi Kostituzzjoni għall-Unjoni Ewropea ikun qed jgħid li jippreferi li l-Unjoni tibqa’ kif inhi llum. 

 

Dan ifisser li jippreferi li tibqa’ l-Unjoni Ewropea li l-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin ivvotaw għaliha fir-referendum u fl-elezzjoni ġenerali ta’ l-2003. 

 

Min irid jirrispetta r-rieda ta’ dik il-maġġoranza, għandu jivvota “le” għall-Kostituzzjoni Ewropea ta’ llum u ta’ l-2003.

 

Għalhekk min ma jivvotax “iva” għall-Kostituzzjoni Ewropea, mhux biss ma jkunx qed imur kontra l-maggoranza li vvotat ”iva” fl-2003, iżda ma jkunx qed imur kontra l-134,000 li vvotaw “le” fl-2003.

Ikun qed jirrispetta lil kulħadd.  

 

Jibżgħu mir-referendum f’Malta

 

M’HEMMX dubju li l-miljuni ta’ Franċiżi u ta’ l-Olandiżi li vvotaw kontra l-Kostituzzjoni Ewropea fetħu għajnejn il-popli l-oħrajn fil-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea għan-nuqqasijiet kbar kbar ta’ l-Unjoni u għall-politika ħażina ħafna tagħha.

 

L-għajta qawwija tal-“le” tal-popli ta’ Franza u l-Olanda, mhux biss f’Malta nstemghet, iżda anki saħħet l-oppożizzjoni mifruxa ħafna tal-Maltin u l-Għawdxin għall-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE.

 

Kieku kellu jsir referendum f’pajjiżna, il-maġġoranza tal-“le” llum tkun ikbar mill-55 fil-mija ta’ Franza u l-61 fil-mija ta’ l-Olanda.

 

GĦALHEKK MA JRIDUX JAGĦMLU REFERENDUM F’MALTA. 

 

Mhux għax f’pajjiżna l-proċess tar-ratifika ta’ trattati huwa b’votazzjoni fil-Parlament. 

 

Għax minkejja dan il-fatt għamilna referendum f’Marzu ta’ l-2003 dwar it-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta fl-UE, u wara saret ir-ratifika tiegħu f’Lulju ta’ l-istess sena, fil-Parlament Malti.

 

L-istess seta’ jsir referendum f’Malta dwar it-Trattat li Jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa biex inkunu nafu kif il-Maltin u l-Għawdxin jaħsbuha dwaru. 

 

Kieku l-maġġoranza kienet tgħid “iva” għalih, issir imbagħad ir-ratifika tiegħu fil-Parlament.

 

Imma jafu li l-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin illum m’humiex favur il-Kostituzzjoni Ewropea, u għalhekk qegħdin iġibu l-iskuża li l-proċess tar-ratifika ta’ trattati huwa f’Malta bil-vot fil-Parlament.

 

Fi Franza u fl-Olanda wkoll ir-ratifika tat-trattati ssir permezz ta’ vot fil-parlamenti nazzjonali, u mhux meħtieġ li jsiru referenda. 

 

B’danakollu dwar it-Trattat li Jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, billi din il-Kostituzzjoni tolqot direttament lill-popli, barra li tolqot lill-istati, kemm il-Gvern Franċiż kif ukoll dak Olandiż fehmu li kellhom jaraw jekk il-popli tagħhom kinux jaqblu magħha, minkejja li r-rappreżentanti parlamentari tal-popli wrew li huma favuriha.

 

U għalkemm la l-Gvern Franċiż u lanqas dak Olandiz m’huma marbuta bir-riżultat negattiv tar-referenda konsultattivi li saru u lanqas jaqblu miegħu, iż-żewġ gvernijiet stqarrew bla tlaqliq li se jħarsu r-riżultat negattiv, u mhux se jkomplu bil-proċess tar-ratifika fil-parlamenti nazzjonali.

 

Gurnalist investigattiv ittrattat ħażin mill-UE

 

Hans Martin Tillack huwa ġurnalist investigattiv Ġermaniż. 

 

Xi żmien ilu kiteb dwar l-investigazzjoni ta’ każi ta’ korruzzjoni fit-taqsima mwaqqfa apposta fl-UE biex tinvestiga każi ta’ frodi u korruzzjoni. Din it-taqsima hija magħrufa bl-isem ta’ OLAF.

 

L-OLAF ma ħaditx gost b’dak li Hans Martin Tillack kiteb dwarha. 

 

Hija ġiegħlet lill-pulizija ta’ Brussels jieħdu mill-uffiċċju ta’ Tillack il-‘files’ u d-dokumenti konnessi max-xogħol investigattiv tiegħu.

 

Tillack għamel ilment lill-Ombudsman dwar l-aġir abbużiv u intimidatorju ta’ l-uffiċjali ta’ l-OLAF

 

Dawn ippruvaw jiġġustifikaw l-imġiba ħażina tagħhom billi jgħidu li kellhom tagħrif li Tillack kien xaħħam xi mpjegati ta’ l-OLAF biex jagħtu iformazzjoni fuq il-każijiet ta’ korruzzjoni li dwarhom kiteb.

 

Iżda l-Ombudsman ta’ l-Unjoni Ewropea mhux talli ma aċċettax ir-raġunijiet li l-uffiċjali tawh, talli saħansitra qal li huma jmisshom jammettu li kienu għamlu stqarrijiet mhux korretti u qarrieqa.

 

L-Ombudsman jidher li qabel ma Tillack li dejjem sostna li ma kien hemm ebda prova li huwa ma jistax jifhem kif l-uffiċjali ta’ l-OLAF sostnew li kellhom tagħrif minn sorsi li wieħed jorbot fuqhom, bħal membri tal-Parlament Ewropew, meta l-istqarrijiet ta’ dawn kienu biss ‘hearsay evidence’ (jiġifieri, li huma kienu semgħu mingħand ħaddieħor) u mhux dwar fatti li huma kienu jafu.

 

Ir-rapport ta’ l-Ombudsman dwar l-ilment ta’ Hans Martin Tillack issa qiegħed quddiem il-kumitat tal-membri tal-Parlament Ewropew. 

 

Iżda milli jidher ma tantx hemm tama li l-membri tal-Parlament Ewropew jieħdu xi azzjoni dwar l-aġir abbużiv u intimidatorju ta’ l-uffiċjali ta’ l-OLAF.

 

Qed jingħad dan għax il-gruppi tal-partiti politiċi fil-Parlament Ewropew jidhru li jistennew lill-membri tagħhom fil-Parlament li jaċċettaw u jittolleraw żbalji u skandli  magħmulin minn uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea ħalli ma jkabbrux aktar kritika kontra l-Unjoni u l-mod ħażin li topera.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

 Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

L-Erbgħa, 8 ta' Ġunju, 2005.

<< Lura http://www.cnimalta.org/2005.html

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

 Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ