MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek

 

L-UE mibnija fuq il-qerq u s-simonija

 

L-Unjoni Ewropea nbniet fuq il-qerq tal-kotra tal-popli u s-simonija tal-politiċi tagħhom. 

 

Xhieda ta’ dan għandna dak li seħħ biex Malta ssieħbet fl-Unjoni u biex il-partiti politiċi jappoġġjaw x’tiddeċiedi l-Unjoni.

Eżempju tal-mod kif il-poplu Malti tqarraq biex jivvota favur il-ftehim ta’ sħubija negozjat bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, jagħtuhulna l-eluf ta’ kaċċaturi u nassaba u l-membri tal-familji tagħhom. 

 

Dawn ivvotaw IVA għall-ftehim ta’ sħubija għax żgurawhom li l-kaċċa u l-insib se jibqgħu f’Malta msieħba fl-Unjoni. 

 

Kieku ma kinux assigurati minn dan, eluf ta’ kaċċaturi u nassaba u l-membri tal-familji tagħhom ma kinux jivvotaw IVA fir-Referendum ta’ l-2003.

Tant kien meħtieġ li dawn jivvotaw IVA biex tinkiseb maġġoranza favur il-ftehim, li 

* l-Prim Ministru Fenech Adami, 

* il-Viċi Prim Ministru Gonzi, 

* il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Joe Borg, u 

* ċ-ċermen tal-MIC Simon Busuttil, 

bil-miktub żguraw lill-kaċċaturi u n-nassaba li ntleħaq ftehim ma’ l-Unjoni biex il-kaċċa u l-insib jibqgħu wara s-sħubija. 

 

U l-Unjoni Ewropea ma ċaħditx dan ħalli ma tnaffarx l-eluf ta’ kaċċaturi u nassaba u l-membri tal-familji tagħhom.

Fl-ewwel tliet snin wara li Malta ssieħbet fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju, 2004, l-Unjoni ppermettiet il-kaċċa fir-rebbiegħa u l-insib. 

 

Meta dħalna fir-raba’ sena, l-Unjoni qatgħet li l-Gvern Malti m’għandux jiftaħ il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Għalxejn il-kaċċaturi u n-nassaba sostnew bir-raġun li kienu mogħtija l-assigurazzjonijiet qabel ivvotaw IVA għall-ftehim ta’ sħubija. 

 

Xorta waħda l-Unjoni talbet lill-Qorti tagħha tordna lill-Gvern Malti ma jħallix li ssir kaċċa fir-rebbiegħa din is-sena, minkejja li l-Gvern Malti nsista li kellu ftehim ma’ l-Unjoni li l-kaċċa tibqa’ fir-rebbiegħa.

 

Għalhekk il-kunsens ta’ eluf ta’ kaċċaturi u nassaba u tal-membri tal-familji tagħhom għas-sħubija fl-Unjoni nsteraq b’qerq, u llum l-Unjoni ħatfet ta’ idha lil Malta bl-ingann u l-qerq ta’ l-eluf tal-kaċċaturi u nassaba Maltin u Għawdxin u tal-membri tal-familji tagħhom.

* L-Unjoni giddbet lill-Gvern Malti. 

* Il-Gvern jibqa’ jgħid li qal is-sewwa. 

* Il-Qorti ta’ l-Unjoni ma tatx każ tal-Gvern. 

* U l-Gvern qagħad taħtha, minkejja li hemm il-ġieh tiegħu u ta’ Malta fin-nofs. 

* L-irġiel ta’ l-affari tagħhom ma joqgħodux għal dan l-għajb.
* Hawn tidħol is-simonija tal-politiċi. 

* Il-politiċi jintrebħu mill-Unjoni Ewropea bl-indulġenzi u l-favuri li hija troxx fuqhom.
* Dawn jġagħlulhom biex l-interessi personali politiċi tagħhom jegħlbu l-interessi tal-kotra tal-poplu tagħhom.

* Għalhekk f’Malta huma lesti jissagrifikaw lill-kaċċaturi u n-nassaba, basta huma jimxu.

 

Mhux inseħbin fl-UE xorta nesportaw

 

M’hemmx limiti għall-ħwejjeġ foloz li jgħidu biex jinfluwenzaw lill-poplu favur is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

 

F’konferenza li saret fl-Ewwel ta’ Mejju ħarġu bil-gidba ħoxna li kieku pajjiżna ma sseħibx fl-Unjoni, is-swieq tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni kienu jkunu magħluqin għall-prodotti esportati minn Malta.

Dak li ntqal dwar iċ-ċaħda ta’ l-importazzjoni tal-prodotti Maltin mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea, mhux minnu. 

 

Is-swieq tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni huma miftuħin għall-importazzjoni minn pajjiżi li m’humiex fl-Unjoni. 

 

Jekk nieħdu ċ-Ċina, insibu li din tesporta lill-Unjoni Ewropea b’160 biljuni (mhux miljuni) Ewro f’sena aktar minn kemm l-Unjoni tesporta liċ-Ċina. 

 

Għalhekk Malta barra mill-Unjoni, tista’ tesporta lejn l-Unjoni bħalma tagħmel iċ-Ċina.

Jekk Malta ma tagħmilx dazji fuq il-prodotti importati mill-Unjoni, l-Unjoni ma tagħmilx dazzji fuq prodotti importati minn Malta. 

 

Għalhekk, barra jew fl-Unjoni, ma tagħmilx differenza għall-esportazzjoni tagħna lejn l-Unjoni.

Kieku l-Unjoni Ewropea kellha timponi dazji fuq il-prodotti importati minn Malta, pajjiżna jagħmel l-istess u jimponi dazji fuq prodotti importati mill-Unjoni Ewropea. 

 

Pajjiżna jimporta ħafna aktar mill-Unjoni milli jesporta lill-Unjoni. 

 

Għalhekk f’każ li l-Unjoni tagħmel dazji fuq il-prodotti Maltin, Malta tagħmel dazji fuq il-prodotti ta’ l-Unjoni u ddaħħal minnhom ħafna aktar milli l-Unjoni ddaħħal mid-dazji fuq l-importazzjoni tal-prodotti Maltin.

Biex il-prodotti Maltin esportati lill-Unjoni jikkompetu fis-swieq ta’ l-Unjoni mingħajr iż-żieda tad-dazji li l-Unjoni tista’ timponi fuqhom, pajjiżna jista’ jirrifondi lill-esportaturi Maltin l-ammont li jħallsu f’dazji lill-Unjoni, u din ir-rifużjoni ssir mill-ammont akbar li pajjiżna jdaħħal mid-dazji fuq il-prodotti importati mill-Unjoni. 

 

B’hekk l-esportaturi Maltin ikunu jistgħu jżommu l-istess prezzijiet għall-prodotti tagħhom, mingħajr ma jżiduhom bid-dazji li l-Unjoni tista’ timponi, jekk tagħmel dan.

Għaldaqstant mhux minnu dak li ntqal fil-konferenza li saret fl-Ewwel ta’ Mejju, li kieku m’aħniex fl-Unjoni, ma nkunux nistgħu nesportaw lill-pajjiżi ta’ l-Unjoni kif qegħdin nagħmlu llum li aħna fl-Unjoni.

 

Il-fatt li jħossu li għandhom jitqansħu biex jinfluwenzaw lill-poplu favur is-sħubija fl-Unjoni Ewropea, billi jgħidu ħwejjeġ li mhux minnhom, jikxef li jafu li l-poplu mhux konvint li jaqblilna nkunu fl-Unjoni. 

 

Fuq hekk m’humiex żbaljati, għax ħafna qegħdin jindunaw li ma nitilfux jekk noħorġu mill-Unjoni, u għandna aktar x’nitilfu jekk nibqgħu fiha.

 

L-Ewwel ta’ Mejju u l-Unjoni Ewropea

 

Fil-pajjizi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea l-Movimenti tal-Ħaddiema jorganizzaw manifestazzjonijiet popolari fl-Ewwel ta’ Mejju. 

 

Għall-għorrief ta’ pajjiżna, dawn huma passiġġati għalxejn u kunċetti qodma li jmissna narmuhom. 

 

Għal dawn il-bravi, Jum il-Ħaddiem jixraq li jitħares b’konferenza ta’ nofs ta’ nhar f’sala ta’ lukanda lussuża.

Nistennew li meta jkunu madwar il-mejda kbira ta’ l-Unjoni Ewropea, l-għorrief Maltin iċanfru lill-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni talli ma jiċċelebrawx bħalhom l-Ewwel ta’ Mejju b’konferenzi fis-swali ta’ lukandi lussużi. 

 

Aħna ċerti li r-reazzjoni tal-mexxejja Ewropej tkun li ma kinux jobsru li fost il-Maltin hemm min jippoża ta’ għaref, iżda lanqas jaf x’inhi t-tifsira ta’ l-Ewwel ta’ Mejju għall-Movimenti tal-Ħaddiema madwar id-dinja.

Il-mexxejja Ewropej żgur li jgħallmu lill-għorrief Maltin li l-manifestazzjonijiet popolari ta’ l-Ewwel ta’ Mejju għandhom aktar minn skop wieħed. 

 

L-ewwel skop huwa li jfakkru lill-ħaddiema li jeħtieġilhom ikunu magħqudin u solidali ħalli jħarsu d-drittijiet u l-interessi tagħhom, għax mingħajr l-għaqda u s-solidarjetà, jitilfuhom, aktar u aktar illum meta l-politika neo-liberali mħaddna mill-Unjoni Ewropea u l-globalizzazzjoni mħeġġa minnha, iħallu s-suq u l-profitt jagħmlu ħerba mill-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema Ewropej.

Hemm l-iskop ukoll li l-manifestazzjoni popolari ta’ l-Ewwel ta’ Mejju għandha sservi biex il-poplu ħaddiem iġedded ir-rieda tiegħu li jieqaf lill-Gvern biex ma jimxix b’politika ta’ ħsara għall-ħaddiema u l-familji tagħhom, bħal meta ma jikkontrollax il-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja, u meta jnaqqas il-piż tat-taxxi għal min jiflaħ, mingħajr ma jwiżen aktar lil min ma jistax ileħħaq mal-ħajja.

 

Il-ħaddiema tad-dinja kollha kisbu 

* d-drittijiet ekonomiċi, 

* soċjali u 

* politiċi mit-toroq u 

* mhux mis-swali tal-lukandi, u 

* fit-toroq iridu jiddefenduhom. 

 

Dan huwa kunċett qadim, iżda fl-istess ħin huwa kunċett li jiswa għal-lum, u jiswa aktar għada u fil-ġejjieni, meta l-ħaddiema jġarrbu aktar l-effetti ħżiena tal-politika neo-liberali ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-globalizzazzjoni.

Hija ħaġa tajba li ssir konferenza biex jiddiskutu 

* l-problemi tax-xogħol, 

* in-nuqqas tax-xogħol u 

* t-theddida għax-xogħol

* minħabba l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

L-akbar unjin f’pajjiżna, il-General Workers’ Union ilha li pproponiet li ssir Konferenza Nazzjonali dwar in-nuqqas ta’ impjiegi xierqa f’pajjiżna, iżda l-għorrief fostna sostnew li x-xogħol mhux problema f’pajjiżna għax illum ix-xogħol jiġri wara l-ħaddiema. 

 

Imma fl-Ewwel ta’ Mejju ta’ din is-sena l-għorrief intebħu li hawn problemi dwar ix-xogħol, u stiednu lill-partiti politiċi jagħmlu flimkien konferenza dwar dawn il-problemi, minflok li l-Moviment tal-Ħaddiema jagħmel il-manifestazzjoni popolari fit-toroq tal-Belt.

Bħallikieku ma tistax issir Konferenza Nazzjonali dwar ix-xogħol, kif ukoll il-manifestazzjoni popolari mill-Moviment tal-Ħaddiema. 

 

Attività waħda ma teskludix li ssir l-oħra wkoll.

Iżda l-verità hija li ma jaħmlux li l-ħaddiema jibqgħu magħqudin u solidali, u għalhekk iridu jħassrulhom il-Festa ta’ l-Ewwel ta’ Mejju li tiġi biex tgħin issaħħaħ l-għaqda tal-ħaddiema u tkattar is-solidarjetà bejniethom.

 

L-Unjoni Ewropea, il-Kosovo u t-Tibet

 

L-Unjoni Ewropea tat l-għajnuna tagħha ħalli l-Kosovo ma jibqax jagħmel parti mis-Serbja u ħalli jsir indipendenti. 

 

Is-Serbja xliet lill-Unjoni li b’hekk qiegħda thedded l-integrità territorjali tal-pajjiż billi tinkoraġġixxi li parti minn tinqata’ għaliha.

Iżda maċ-Ċina l-Unjoni qiegħda timxi b’mod differenti milli kif imxiet mas-Serbja. 

 

Fl-aħħar ta’ April il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Josè Barroso, liċ-Ċiniżi qalilhom li l-Unjoni Ewropea tappoġġja l-integrità territorjali taċ-Ċina u dan l-appoġġ jgħodd għat-Tibet. 

 

Jiġifieri l-Unjoni hija kontra l-indipendenza tat-Tibet, għalkemm hija favur dik tal-Kosovo.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis, 8 ta’ Mejju, 2008

  << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ