MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
Kisbiet li m’humiex ta’ l-UE

Bl-iskop li ssir
propaganda favur l-Unjoni Ewropea, dan ix-xahar qegħdin jinsġu paniġierki
sbieħ fuq it-Trattat ta’ Ruma li kien iffirmat 50 sena ilu minn sitt
pajjiżi Ewropej, li waqqfu l-Komunità Ekonomika Ewropea, li żviluppat
fl-Unjoni Ewropea tal-lum.
Ħadd mill-kelliema u l-kittieba ma jistqarr kemm l-Unjoni tal-lum hija għal kollox differenti u tbiegħdet mill-Komunità kif twaqqfet 50 sena ilu.
Sabiex ikollna ħjiel ta’ kemm l-Unjoni Ewropea tal-lum mhix bħall-Komunità
Ekonomika Ewropea ta’ 50 sena ilu, biżżejjed insemmgħu ftit
fatti.
Fil-waqt li l-ewwel tliet mexxejja fundaturi tal-Komunità, Robert Schuman ta’ Franza, Konrad Adeneur tal-Ġermanja u Alcide De Gasperi ta’ l-Italja, kellhom viżjoni Nisranija għall-għaqda li waqqfu, il-Parlament ta’ l-Unjoni Ewropea tal-lum m’aċċettax lill-Professur Rocco Buttiglione bħala Kummissarju, prinċipalment għax huwa stqarr pubblikament it-twemmin Nisrani tiegħu.

Meta tfasslet il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea, m’aċċettawx
li jingħad fiha li l-Ewropa għandha għeruq Insara.
U nfakkru fatt ieħor li juri kemm l-Unjoni tal-lum m’għandhiex il-valuri Nsara tal-fundaturi tal-Komunità ta’ 50 sena ilu.
Illum l-Unjoni uffiċjalment tippromwovi politika favur l-abort u thedded li ma tagħtix għajnuna lill-pajjiżi fqar li ma jippermettux l-abort fil-ġlieda kontra l-faqar.
Tajjeb li nisħqu li meta pajjiżna jħallas kull sena kontribuzzjoni lill-Unjoni Ewropea, il-poplu Malti jkun qiegħed jgħin u japprova l-politika u l-aġir ħażin ta’ l-Unjoni li l-Insara li mhumiex biss tal-kelma, ma jmisshomx jgħinu u japprovaw.
U fiċ-ċelebrazzjonijiet u l-funzjonijiet anki reliġjużi li se jsiru fil-50 anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma, ikunu qegħdin jitfaħħru mhux il-valuri Nsara tal-Komunità Ekonomika Ewropea ta’ 50 sena ilu, iżda l-valuri u l-politika ħażina ta’ l-Unjoni Ewropea tal-lum.
Il-paċi
fl-Ewropa
Fil-paniġierki dwar l-Unjoni Ewropea jingħadu ħwejjeġ li mhumiex korretti, biex iħallu impatt favorevoli fuq il-poplu.
Fl-ewwel lok,
il-propagandisti ta’ l-Unjoni jiftaħru li dawn l-aħħar 50 sena
ma kienx hawn gwerer fl-Ewropa minħabba l-Unjoni Ewropea.
Iżda dan
mhux korrett, għax waqt li l-iskop ewlieni għat-twaqqif tal-Komunità
Ekonomika Ewropea, (bħal ma kien dak qabel tal-Komunità Ewropea tal-Faħam
u l-Azzar) kien biex jiżgura paċi bejn Franza u l-Ġermanja,
l-istudjużi ta’ l-istorja kontemporanea
jaqblu li l-paċi nżammet
fl-Ewropa minħabba fatturi oħrajn.
Kien hemm il-fattur li eluf ta’ suldati Amerikani ilhom mill-aħħar Gwerra Dinjija stazzjonati fil-Ġermanja u f’pajjiżi ta’ l-Ewropa tal-Punent, u wkoll it-twaqqif tal-CSCE (Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa) li l-isem ta’ Malta baqa’ marbut magħha minħabba l-ħidma tal-Prim Ministru Mintoff biex iġiegħel lill-potenzi kbar bħall-Istati Uniti ta’ l-Amerika u l-Unjoni Sovjetika jaqblu li ma jistax ikun hemm sigurtà fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran.
Id-drittijiet
fundamentali tal-bniedem
Il-propagandisti ta’ l-Unjoni Ewropea jiftaħru wkoll li l-Unjoni żgurat il-prinċipji tad-demokrazija u tad-drittijiet fondamentali tal-bniedem.
Għalkemm huwa minnu li l-Unjoni tistqarr dawn il-prinċipji u tisħaq li jitħarsu fil-pajjiżi mseħbin fl-Unjoni, mhux korrett li dawn il-prinċipji daħlu bis-saħħa ta’ l-Unjoni Ewropea.
Għax snin qabel ma twaqqfet il-Komunità Ekonomika Ewropea 50 sena ilu, twaqqaf mill-pajjiżi Ewropej il-Kunsill ta’ l-Ewropa, inkluża Malta, li kienet wieħed mill-ewwel pajjiżi kollha ta’ l-Ewropa li ssieħbu.
L-għanijiet ewlenin tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, li għandu ċ-ċentru tiegħu fi Strasburgu, fejn kien jiltaqa’ l-Parlament ta’ l-Unjoni Ewropea qabel ma l-Unjoni bniet Parlament ġdid ħdejn iċ-ċentru tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, huma l-ħarsien tad-Demokrazija u tad-Drittijiet Fondamentali tal-Bniedem.
L-Unjoni Ewropea spiċċat biex ħadet il-bandiera tal-Kunsill ta’
l-Ewropa, li hija l-bandiera bi sfond blu u ċirku ta’ 12-il stilel, barra
li ħatfet ħafna xogħol ieħor li kien jagħmel il-Kunsill
ta’ l-Ewropa.
Fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju ta’ l-Unjoni Ewropea, nagħmlu tajjeb li niftakru li ħafna mit-tfaħħir dwar l-kisbiet ta’ l-Unjoni, bħal ma huma l-paċi, id-demokrazija u d-drittijiet fondamentali tal-bniedem, mhumiex kisbiet ta’ l-Unjoni, u jkun qiegħed iqarraq bin-nies, min jippreżentahom bħala kisbiet ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru
Gatt baqa’ ma weġibx
Il-propagandisti ta’ l-Unjoni Ewropea jħobbu jgħidu li l-proġett ta‘ SmartCity se jsir f’Malta għax pajjiżna huwa msieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Iżda dan mhux minnu.
Fil-programm tas-CNI fuq Smash TV tal-25 ta’ Jannar ta’ din is-sena konna għamilna
għadd ta‘ mistoqsijiet lill-Ministru Austin Gatt dwar il-proġett
tar-Rikażli, SmartCity.
Konna għednielu li jekk ma kellux x’jaħbi, imissu jirrispondihom qabel l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali ta’ l-10 ta’ Marzu.
Sakemm ħejjejna din il-paġna, la l-Ministru u lanqas ħadd
mill-uffiċjali tal-ministeru tiegħu, ma lissnu jew kitbu kelma biex
iserrħulna rasna li l-proġett ta’ SmartCity mhux veru li hu aktar
spekulazzjoni ta’ proprjetà milli “Belt tat-teknoloġija ta’
l-Informatika”.
Il-mistoqsijiet tagħna jirrigwardaw dawn il-punti.
Ħafna għalhekk qegħdin jgħidu li l-figura ta’ 5,600
impjieg tista’ tkun fittizja għax jekk ma jilħqux dik il-figura,
kull ma jridu jħallsu f’multa hi s-somma ta‘ Lm260,000.
Oħrajn qegħdin jistaqsu jekk hux veru li ħafna mill-impjiegi
jistgħu jkunu “partajm” u mhux “fultajm”.
Hemm min qed isostni li m’hemm ebda garanzija li l-għadd ta’ ħaddiema
jistgħu jonqsu wara li jibda jopera l-proġett.
Jidher li veru li dak li konna għedna aħna, jiġifieri li l-ħaddiema
barranin mill-Unjoni Ewropea se jkollhom l-istess dritt għall-impjieg daqs
il-ħaddiema Maltin għax fl-Unjoni ma nistgħux niddiskriminaw
kontra ħaddiema mill-Unjoni.
Kollox juri li l-kumpanija Tecom Investments ma kinitx tiġi f’pajjiżna kieku l-Gvern ma tahomx dik l-art kollha fir-Rikażli, u dan allavolja Malta kienet xorta waħda fl-Unjoni Ewropea.
Mela ma ġewx għax aħna mseħbin fl-Unjoni.
Is-skiet ta’ l-Onorevoli Ministru jikkonferma dak li staqsejna u li hu ma taniex tweġiba.
L-Ewro
– il-poplu diġà beda jinsteraq!
Waqt kummentarju tas-CNI fuq Smash TV ta’ nhar il-Ħamis, 1 ta’ Marzu, semmejna xi “tricks” li jistgħu jagħmlu ċerti negozjanti bla skrupli ta’ xejn, biex japprofittaw ruħhom mid-dħul ta’ l-Ewro f’pajjiżna.
Wieħed
mit-“tricks” li semmejna – u wissejna dwaru – kien li l-prezzijiet
jibdew jiżdiedu bil-mod il-mod ħalli meta jasal l-1 ta’ Lulju ta’
din is-sena u l-prezzijiet ikollhom jidhru kemm bil-Lira Maltija u anke bl-Ewro,
ma jkunx hemm għalfejn ibagħbsu bir-rata tal-kambju – u b’hekk
jiksru l-liġi – għax it-“tbagħbis” ikunu diġà għamluh
qabel.
Fil-ġurnal It-Torċa tal-25 ta’ Frar deħer rapport qasir iżda
importanti ħafna.
Billi kien rapport qasir, faċilment li l-qarrejja ta’ It-Torċa qabżuh.
Tajjeb għalhekk
nirrepetu dak li kien hemm f’dak ir-rapport, għax jikkonferma kemm kellna
raġun inwissu lit-telespettaturi ta’ Smash TV dwar xi “tricks” li
jistgħu qegħdin jintużaw minn ċerti negozjanti.
Nagħmluha ċara li dan ma jfissirx li kull negozjant qiegħed jagħmel
hekk.
Anzi nemmnu li l-maġġoranza kbira tan-negozjanti mhijiex se tasal li tagħmel dan.
Però wieħed
irid ikun attent għal dawk li lesti jaħtfu kull opportunità biex
jisolħu lill-proxxmu tagħhom, għax il-kilba għall-profitt tiżboq
is-sens ta’ rġulija u ta’ negozju ġust.
Mela f’It-Torċa ġiet ippubblikata tabella ta’ tliet prodotti u kif
dawn għolew bejn Awissu, 2006 u Frar, 2007.
Hawn taħt qegħdin nerġgħu nuru dik it-tabella.
Hawn xi ħadd jemmen li dawn iż-żidiet kbar saru b’kumbinazzjoni
u mhux biex meta jkollna l-prezzijiet anki bil-Ewro, taparsi l-prezz ma jkunx
żdied u bil-Gvern jidher li kellu raġun, jiġifieri, li bl-Ewro
“se tinbidel biss il-munita u mhux il-prezzijiet?”
Nerġgħu nappellaw lill-qarrejja biex jieħdu nota tal-prezzijiet li qegħdin jiżdiedu u jinformaw bihom lis-Segretarju tas-CNI, 60A, Triq id-Dejqa, Valletta, billi tibagħtu nota f’dan l-indirizz.
Naċċertawkom
li fejn jirriżulta li qegħdin isiru dawn it-“tricks”, aħna
nikxfuhom, kemm f’din il-paġna kif ukoll fil-kummentarju li nagħmlu
fil-programm tas-CNI kull nhar ta’ Ħamis, fis-6.30 p.m, b’repetizzjoni
l-Ħadd, fis-7.30 p.m.
Il-viltà qiegħda wkoll li l-istess Gvern meta għadda liġi li
taparsi tipproteġi lill-konsumaturi billi min ma jżommx ir-rata uffiċjali
tal-kambju, jiġi mħarrek u jittella’ l-Qorti – fejn jista’ jeħel
multa.
Iżda l-istess Gvern ta l-poter lill-ministru responsabbli, li jista’ jħassar il-multa ta’ dak in-negozjant li jkun serqek!
Però, ma għamel xejn il-Gvern fil-liġi li tipprojbixxi żidiet
anki skandalużi.
Kif jidher fit-tabella ta’ hawn, li kienet ippubblikata fi It-Torċa, żidiet qegħdin isiru QABEL ma jidħlu fis-seħħ il-prezzijiet biż-żewġ muniti.
Fil-fatt, f’dik il-propaganda kollha tan-NECC (il-Kumitat dwar id-dħul
ta’ l-Ewro), imkien ma jgħidu li l-prezzijiet ma jistgħux jiżdiedu.
Jgħidu biss li r-rata tal-kambju għal sitt xhur (iż-żmien li l-prezzijiet se jkunu biż-żewġ muniti) trid tkun dik uffiċjali.
Imbagħad mill-1 ta’ Jannar, 2008, Alla biss jaf x’ġej!
Data/Ditta/Prodott/Piż/Prezz
Awissu 2006 AIA Durango 1 kg Lm2.30
Jannar 2007 AIA Durango 1 kg Lm2.50
Frar 2007 AIA Durango 1 kg Lm2.75
Nota tagħna: Il-prezz żdied b’45 ċenteżmu jew 19.5%.
Awissu 2006 Dujardin Chips 2.5 kg Lm1.15
Jannar 2007 Dujardin Chips 2.5 kg Lm1.45
Frar 2007 Dujardin Chips 2.5 kg Lm1.74
Nota tagħna: Il-prezz żdied b’59 ċenteżmu jew 51%.
Awissu 2006 John West Red Salmon 213 gms Lm1.11
Jannar 2007 John West Red Salmon 213 gms Lm1.11
Frar 2007 John West Red Salmon 213 gms Lm1.49
Nota tagħna: Il-prezz żdied bi 38 ċenteżmu jew 34%.
“Flimkien
fl-Inflazzjoni”

Għal darb’oħra Derek Bennett, li mill-Ingilterra dejjem juri li jieħu interess ġenwin f’Malta, għamel kumment floku f’ġurnal bl-Ingliż tat-Tnejn li għadda.
Huwa kiteb li meta tqis li ħafna mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea ssieħbu fiha f’dawn l-aħħar snin, tintebaħ kemm is-‘slogan’ magħżul għall-50 anniversarju tat-twaqqif tal-Komunità Ekonomika Ewropea, “Flimkien mill-1957” huwa ħlieqa falza oħra tal-propagandisti ta’ l-Unjoni.
Fil-każ ta’ Malta, is-sħubija fl-Unjoni seħħet fl-2004,
ir-Rumanija u l-Bulgarija għadhom kif issieħbu fil-bidu ta’ din
is-sena.
Bennet irrefera għar-rapport li deher fil-bidu ta’ Frar li kien jgħid
li l-poplu Malti huwa nkwetat l-aktar bl-inflazzjoni, u nnota li f’dik
l-istess ġimgħa Malta applikat biex iddaħħal l-Ewro.
Huwa kkummenta li f’kull pajjiż li daħħal l-Ewro, kien hemm żieda qawwija fl-inflazzjoni.
Huwa għalhekk
qal li Malta ftit se jkollha x’tiċċelebra s-sena d-dieħla meta
bid-dħul ta’ l-Ewro, titlef il-ħelsien ekonomiku u jiżdied l-għoli
tal-ħajja.
Minħabba dan, Derek Bennett issuġġerixxa li s-‘slogan’ jixraq
li jkun “Flimkien fl-Inflazzjoni”.
Il-Ħamis, 8 ta’ Marzu, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ