MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Issa qegħdin jaqblu magħna
Intom li taqraw il-ġurnali u tisimgħu l-aħbarijiet, żgur li tafu li f’dawn l-aħħar erba’ jew ħames ġimgħat diversi għaqdiet – kemm tal-Knisja kif ukoll lajċi – kif ukoll politiċi u xi korrispondenti fil-ġurnali, qegħdin kollha jsemmu l-għoli sfrenat tal-prezzijiet ta’ l-artijiet u tal-bini f’pajjiżna.
Qegħdin jitkellmu dwar kif dan l-għoli sfrenat qed jikkawża
tbatija kbira lil eluf ta‘ żgħażagħ Maltin u Għawdxin,
li diġà tgħabbew bi djun enormi biex ikollhom xi erbat ikmamar fejn
joqogħdu u jrabbu familja.
Ħafna qegħdin jilmentaw li din il-problema qiegħda tagħmilha
diffiċli ferm għal eluf ta’ żgħażagħ għarajjes
li jixtiequ jsibu huma wkoll post ħalli jieħdu l-istat tagħhom.
Aħna qegħdin ninnotaw li waqt li dawn l-għaqdiet u l-individwi kollha qegħdin isemmu xi raġuni jew oħra li setgħet ikkawżat din il-problema, ĦADD minnhom ma jsemmi s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea bħal l-akbar kawża li taħti għall-qagħda kritika ħafna li qegħdin isibu ruħhom fiha ż-żgħażagħ tagħna.
Is-CNI kienet wissiet
Ferm qabel ir-Referendum ta’ l-2003 is-CNI kienet wissiet li bis-sħubija fl-UE jkollna problema kbira fil-qasam tal-prezzijiet tal-proprjetà minħabba n-numru sostanzjali ta’ ċittadini mill-UE, speċjalment koppji ta’ pensjonanti mill-pajjiżi ta’ l-Ewropa ta’ fuq – l-aktar mill-Ingilterra – li jagħżlu li jiġu jgħixu fostna.
U waqt li qabel li sseħibna fl-UE stajna nillimitaw ħafna n-numru tagħhom
bir-regolamenti li kellna dwar l-inqas prezz tal-proprjetà li setgħu
jixtru, u l-ammont ta’ kapital li ried jibqgħalhom barra minn Malta,
konna wissejna li jekk nidħlu fl-UE, dawn il-limitazzjonijiet ma nkunux
nistgħu aktar nimponuhom fuq iċ-ċittadini barranin li jiġu
mill-istati membri Ewropej.
Dak li konna wissejna li jseħħ, beda jseħħ mill-2003, meta
d-deċiżjoni li Malta tidħol fl-UE ttieħdet bir-riżultat
ta’ l-Elezzjoni Ġenerali f’dik is-sena.
Il-prezzijiet ta’ l-artijiet u l-bini bdew telgħin b’rata mgħaġġla u komplew jisplodu ’l fuq fis-snin ta’ wara.
Issa, wara li “ż-żwiemel ħarbu mill-istalla”, ħafna qegħdin jiftħu ħalqhom jew jiktbu dwar din il-problema li qiegħda tolqot bil-kbir, speċjalment liż-żgħażagħ tagħna.
Kemm il-Knisja, kif ukoll il-Ġiżwiti – li x’uħud minnhom kienu ħeġġew lill-Maltin biex jivvotaw favur is-sħubija fl-UE – ħassew li l-qagħda fis-settur tal-proprjetà hija waħda inkwetanti għall-aħħar.
Waqt li sa Novembru tas-sena l-oħra tista’ tgħid li ħadd ma
kien tkellem, ħlief is-CNI, dwar l-għoli tal-prezzijiet ta’
l-artijiet u d-djar, f’dawn l-aħħar ġimgħat l-istorja
nbidlet, għalkemm s’issa l-Gvern għadu ċċassat – il-Prim
Ministru s-Sibt li għadda stqarr li ftit hemm x’wieħed jista’ jagħmel
– iħares lejn il-problema bla ma jaf x’se jagħmel għax jidher
li jibqa’ jirfes il-kallijiet ta’ dawk li jimpalaw l-eluf ta’ liri
lill-partit meta dan jorganizza ġbir ta’ fondi.
Fi Franza, il-Gvern qal li biħsiebu jgħaddi liġi li tagħmilha DRITT FUNDAMENTALI għaċ-ċittadini tiegħu li jkollhom post diċenti fejn joqogħdu.
Dan ifisser li l-Gvern ikollu r-responsabbiltà politika biex jagħti dan id-dritt liċ-ċittadini kollha tiegħu.
Biex
jirnexxielu jagħmel dan, bilfors se jkollu jieħu deċiżjonijiet
radikali.
Waħda mill-proposti li qiegħda tiġi rakkomandata hija r-rekwiżizzjoni
ta’ postijiet li ilhom vojta u mitluqin għal perjodu twil ta’ żmien.
Il-Gvern imbagħad jirranġahom u fihom jiġbor lil dawk li qegħdin jgħixu fit-toroq, jew jgħixu f’postijiet li m’humiex diċenti.
Waqt li fi Franza, fejn ixxandru għall-ewwel darba d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, waslu biex jikkunsidraw li jieħdu dawn id-deċiżjonijiet radikali ħalli jsolvu l-problema tan-nies mingħajr dar diċenti, f’Malta għandna lil min isostni li anke spekulaturi li xtraw toroq fejn dawn id-djar jinstabu, għandhom id-dritt li jagħmlu li jridu bil-proprjetà tagħhom, u dan id-dritt tagħhom jiġi qabel id-dritt li kull ċittadin Malti jkollu saqaf fuq rasu u post diċenti fejn jgħix!
Fl-interess nazzjonali… noħorġu mill-UE!
FL-2003 maġġoranza żgħira ta’ Maltin u Għawdxin ħasbet li sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet se tkun aktar ta’ ġid milli ta’ ħsara għal pajjiżna.
Minkejja l-fatt li t-tliet partiti politiċi huma favur is-sħubija
fl-Unjoni, u minkejja l-propaganda ma taqta’ xejn favuriha, l-ilmenti kontriha
minn ħafna setturi tal-poplu qegħdin dejjem jiżdiedu.
Sentejn u nofs wara li sseħibna fl-UE fl-1 ta’ Mejju 2004, jidher li l-maġġoranza
tal-poplu m’għadhiex taħsibha l-istess bħall-2003.
Kif seħħet ir-rieda tal-maġġoranza ta’ l-2003 favur is-sħubija fl-Unjoni, għandha wkoll isseħħ illum ir-rieda tal-maġġoranza kontra s-sħubija.
Ir-rieda tal-maġġoranza tal-lum isseħħ billi pajjiżna joħroġ mill-blokk Ewropew.
X’uħud jaħsbu li finanzjarjament pajjiżna ma jaqbillux joħroġ
mill-Unjoni.
Iżda huma żbaljati.
Meta jsiru sewwa l-kontijiet, insibu li anke finanzjarjament jaqblilna noħorġu mill-UE.
L-Unjoni se tagħti
lil Malta 885 miljun Ewro għal seba’ snin, li jġibu madwar Lm52
miljun u tagħti wkoll il-qliegħ li l-Bank Ċentrali ta’ Malta
jagħmel fuq ir-riservi barranin li f’din is-sena huma stmati Lm11-il
miljun.
Minħabba s-sħubija fl-Unjoni, pajjiżna tilef madwar Lm14-il miljun fis-sena li kien idaħħal mill-Protokoll Taljan.
Dawn it-tlieta flimkien iġibu Lm47 miljun fis-sena.
L-ispejjeż li pajjiżna jkollu jagħmel minħabba s-sħubija
jlaħħqu aktar minn Lm5 miljun fis-sena, u għalhekk bejn dak li nħallsu
u dak li tlifna, insibu li dawn jammontaw aktar mill-Lm52 miljun li ndaħħlu
fis-sena mill-Unjoni.
Għalkemm tlabna lill-Gvern biex ixandar il-kontijiet ta’ kemm inħallsu
lill-UE u kemm se nitilfu minħabba s-sħubija u kemm hija l-ispiża
kollha ta’ pajjiżna minħabba s-sħubija, il-Gvern baqa’
ma xandarhomx għax ma jridx li l-poplu Malti jara li aktar se nirruftaw
milli se ndaħħlu.
Huwa fl-interess ta’ pajjiżna li ma nħaddmux il-politika ta’ l-UE f’diversi oqsma, u l-ewwelnett fil-qasam tax-xogħol.
Pajjiżna biex jgħix u jimxi ’l quddiem, irid iżid ix-xogħol
u l-bejgħ tal-prodotti u servizzi lill-barranin.
L-Unjoni Ewropea ma tħallix lill-Gvern
jindaħal ħalli joħloq ix-xogħol u li jagħti għajnuniet
lill-impriżi biex iżommu l-impjegati u jżidu l-impjegati tagħhom.
Jekk ma nibqgħux marbutin bil-politika u r-regoli ta’ l-Unjoni fil-qasam tax-xogħol, inkunu nistgħu nadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex inkattru x-xogħol u nħarsu l-impjiegi.
Dan l-aħħar ħafna wrew it-tħassib tagħhom dwar il-problema tal-prezzijiet għoljin esaġeratament tad-djar.
Bis-sħubija fl-Unjoni, kibret id-domanda għax-xiri tad-djar f’pajjiżna mill-barranin ta’ l-UE.
Kibret ukoll
l-ispiża
* tal-kostruzzjoni tal-bini
* u konsegwentement tal-prezzijiet tad-djar,
* bit-taxxa ta’ 18 fil-mija fuq ix-xogħol tal-bini,
* ta’ l-aperturi,
* tal-‘plumbing’,
* ta’ l-istallazzjoni ta’ l-elettriku,
* tat-tqegħid tal-madum,
* tat-tibjid u taż-żebgħa,
* u tad-drittijiet tal-periti.
Iż-żieda fid-domanda għax-xiri tad-djar u l-impożizzjoni
tat-taxxa tal-VAT fuq l-ispejjeż tal-kostruzzjoni huma konsegwenzi tas-sħubija
fl-Unjoni Ewropea.
Biex nibdew insibu tarf tal-problema tal-prezzijiet għoljin tad-djar,
irridu nnaqqsu d-domanda għax-xiri mill-barranin u nneħħu t-taxxa
tal-VAT minn fuq il-bini – żewġ miżuri li l-UE ma tħalliniex
nieħdu.
L-alternattiva hija li noħorġu mill-Unjoni la darba din mhix lesta li tħallina nieħdu dawk il-passi li l-poplu tagħna jeħtieġ.
Għalhekk huwa fl-interess nazzjonali li noħorġu mill-Unjoni Ewropea!
Diffikultajiet tal-Kattoliċi fl-Unjoni
Fl-Unjoni
Ewropea ma tistax tagħti kas l-orjentazzjoni sesswali (’sexual
orientation’) ta’ persuna għax jekk tagħmel hemm tkun mixli bi
ksur ta’ dritt fundamentali ta’ dik il-persuna billi tkun qiegħed
tiddiskrimina bejnha u persuni li m’għandhomx l-orjentazzjoni sesswali
tagħha.
Dan ir-ragunar insibuh miktub fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’
l-Unjoni Ewropea u huwa meqjus bħala wieħed mill-valuri tad-dinjità
umana li l-UE tħares u li ssostni li għandu jitħares f’kull
pajjiż membru tagħha.
Naturalment wara li Malta ssieħbet fl-UE dan ir-raġunar jgħodd għal
pajjiżna u jorbotna li nħaddmuh f’kull qasam tal-ħajja ċivili
u soċjali tagħna.
Insibuh imfisser fl-Artiklu II-81 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa li l-Parlament Malti vvota favuriha fis-6 ta’ Lulju 2005.
L-applikazzjoni tar-regola li ma tistax tittratta ma’ persuna minħabba
l-orjentazzjoni sesswali tagħha differenti milli tittratta ma’ persuni li
m’għandhomx dik l-orjentazzjoni sesswali, tista’ toħloq ħafna
diffikultajiet kemm fil-qasam tat-trobbija u
ta’ l-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ, kif ukoll
f’oqsma oħrajn tal-ħajja ċivili u soċjali.
Eżempju ċar tad-diffikultajiet li t-twettiq ta’ din ir-regola ta’
l-UE li tipprojbixxi li tikkonsidra l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuni, qiegħed
jingħata prominenza kbira fl-Ingilterra bħalissa.
L-adozzjoni tat-tfal mill-omosesswali
Fl-Ingilterra għaddiet ligi, ‘The Equality Act’, li għandha tidħol fis-seħħ f’April li ġej u li tagħmilha illegali li ma tipprovdix oġġetti, ma toffrix faċilitajiet, jew ma tagħtix servizz lil xi persuna minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħha.
Bis-saħħa ta’ din il-liġi, koppja ta’ omosesswali ma tistax tiċċaħħad li tadotta tfal bħalma tagħmel koppja ta’ mara u ragel miżżewġin.

L-Arċisqof ta’ Westminister f’Londra, il-Kardinal Cormac Murphy-O’Connor, l-ogħla dinjità tal-Knisja Kattolika fl-Ingilterra, għadu kif bagħat ittra lill-Prim Ministru Tony Blair li fiha talbu biex l-aġenziji Kattoliċi li jaħdmu biex jiġu adottati tfal, ikunu meħlusin mil-liġi li ġġiegħelhom ma jiċħdux lill-koppji ta’ omosesswali li jadottaw tfal.

Il-Kardinal Cormac Murphy-O’Connor qal lill-Prim Ministru Blair li mhix ħaġa flokha u ġusta li l-Gvern jinsisti li biex l-aġenziji Kattoliċi jkomplu jaħdmu favur l-adozzjoni tat-tfal, ikollhom imorru kontra l-kuxjenza tagħhom u jiksru l-liġijiet tal-Knisja Kattolika dwar l-oġġezzjoni li koppji ta’ omosesswali jadottaw tfal.
Jekk l-aġenziji Kattoliċi ta’ l-adozzjoni tat-tfal ma jkunux eżenti
mit-twettieq ta’ ‘The Equality Act’ fil-każ ta’ l-adozzjoni ta’
tfal minn koppji omosesswali, l-aġenziji Kattoliċi ma jkunux jistgħu
jkomplu jagħtu dan is-servizz fejjiedi għat-tfal u għas-soċjetà.
It-12-il aġenzija Kattolika tat-tfal flimkien imexxu madwar terz ta’ l-adozzjonijiet kollha li jsiru kull sena fl-Ingilterra u Wales.
L-Unjoni Ewropea mhix se tħalli lill-Gvern Ingliż jagħti din l-eżenzjoni
lill-Kattoliċi Ingliżi.
L-istess storja tista’ tiġri f’pajjiżna erbat ijiem oħrajn.
Il-Ħamis, 8 ta’ Frar, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ