MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Rapport xokkanti dwar il-Kummissarju Malti

 

 Rapport xokkanti li deher f’ġurnal aktar kmieni din il-ġimgha jgħid li ġiet f’Malta delegazzjoni ta’ kumpanija kbira Amerikana bil-għan preċiż li tħeġġeġ (tagħmel ‘lobbying’) lill-Gvern Malti biex jinnomina għall-post ta’ Kummissarju Malti fil-Kummissjoni Ewropea lill-persuna Maltija li kienet tirrappreżenta lill-kumpanija Amerikana ma’ l-Unjoni Ewropea.

Dan huwa fatt li jixhed il-klima skandaluża fl-Unjoni Ewropea u l-mezzi nieqsa mill-etika li jintużaw mill-kumpaniji kummerċjali biex imexxu ‘l quddiem l-interessi tagħhom tal-qligħ tal-flus.

 

Dan il-fatt għandu aktar minn tagħlima waħda għalina.

 

L-influwenza tal-kumpaniji

 

L-ewwelnett dan ir-rapport jikxef l-influwenza enormi li l-kumpaniji kummerċjali kbar għandhom fuq l-Unjoni Ewropea.

 

Jingħad li l-persuna Maltija kienet iżżomm il-kuntatt (‘liason’) tal-kumpanija Amerikana ma’ l-Unjoni Ewropea.

 

Wieħed jista’ jimmaġina x’kobor ta’ negozju din il-kumpanija kbira Amerikana jirnexxielha tagħmel ma’ l-Unjoni Ewropea biex ikollha persuna apposta li żżomm ‘liason’ bejnha u l-Unjoni.

Fil-waqt li l-Unjoni Ewropea pubblikament tinsisti fir-regoli tal-kompetizzjoni tas-suq u li kull kuntratt għandu jingħata wara sejħa pubblika għall-offerti u li l-għażliet ta’ l-offerti għandhom isiru b’mod ġust, trasparenti u mingħajr ebda pressjoni, fil-fatt imkien m’hemm sistema hekk kbira ta’ ‘lobbying’ daqs dik li teżisti fl-Unjoni Ewropea.

Huwa magħruf li biex l-affarijiet jimxulek fl-Unjoni Ewropea, trid tħallas flejjes kbar lill-gruppi speċjalizzati fil-‘lobbying’ li hemm imwaqqfa fi Brussels, ħalli dawn jgħidulek kif għandek tippreżenta l-każ tiegħek, fuq min għandek tagħfas u minn fejn għandek tgħaddi.

 

Tant hu hekk, li l-‘lobbying’ huwa l-akbar industrija ta’ servizzi li teżisti fl-Unjoni Ewropea.

 

Ħwejjeġ sfaċċati

 

Imma fir-rapport tal-mawra f’Malta tal-kumpanija kbira Amerikana, l-aktar xokkanti hija l-isfaċċatagni li din il-kumpanija tasal biex tħeġġeġ lill-Gvern Malti ħalli jinnomina persuna mħallsa minnha bħala Kummissarju Malti fil-Kummissjoni Ewropea.

 

Bħallikieku l-interessi li l-Gvern għandu jħares meta jagħmel in-nomina tiegħu, huma l-interessi tal-kumpanija Amerikana.

Wieħed għandu jistaqsi:

X’interess għandha l-kumpanija kbira Amerikana li fil-Kummissjoni Ewropea jkun hemm il-persuna Maltija li kienet il-‘liason’ tal-kumpanija ma’ l-Unjoni Ewropea?

Ir-risposta tista’ tkun li l-kumpanija Amerikana trid tagħmel pjaċir lil dan il-Malti.

 

Iżda r-risposta tista’ tkun ukoll li l-kumpanija Amerikana tqis li l-interessi kummerċjali tagħha jitħarsu aħjar jekk il-persuna tagħha tkun fil-Kummissjoni Ewropea.

Hi liema hi r-risposta t-tajba, jibqa’ l-fatt li m’hijiex ħaġa regolari li fil-Kummissjoni Ewropea jkun hemm min jidher li jista’ jiffavorixxi xi kumpanija kummerċjali li huwa kellu konnessjoni diretta magħha.

 

Ħaġa perikoluża

 

Aħna nafu li fis-soċjetà Amerikana hija ħaġa komunissima li l-mexxejja politiċi tal-mument ikunu maħtura minn fost dawk li kienu diriġenti ta’ kumpaniji li jkollhom kuntratti kbar governattivi.

Iżda aħna ma nixtiqux li din il-prattika perikolużissima tintuża wkoll fl-Unjoni Ewropea.

 

Din tista’, u spiss tagħti lok għal skandli kbar.

 

Jidher li mhix xi ħaġa li m’għandhiex issir fl-Unjoni Ewropea, li wara kollox hija mdorrija għal skandli ta’ kull xorta ta’ korruzzjoni.

Laqatna l-iżjed l-iskiet tal-Gvern Malti li ma ħassx il-ħtieġa li jew jiċħad ir-rapport li l-kumpanija Amerikana ġiet biex tagħmel ‘lobbying’ miegħu dwar lil min jinnomina bħala Kummissarju fil-Kummissjoni Ewropea, jew jikkundanna din l-imġieba skandaluża li m’għandhiex tiġi ttollerata f’pajjiżna.

In-nuqqas tal-Gvern Malti jħassibna ħażin.

 

Bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern jidher li se jbaxxi rasu għad-drawwiet ħżiena kollha li jinsabu fl-Unjoni Ewropea.

 

Minflok il-valuri tagħna se jogħlew, se jitbaxxew anki fil-qasam tat-tmexxija pubblika.

 

Ewropa ħielsa ma teħtiġx kostituzzjoni

 

Skond il-President tar-Repubblika Ċeka, ma hemmx lokha l-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea. Unjoni ta’ stati nazzjonali ma teħtieġx li jkollha kostituzzjoni.

 

Ċittadini ta’ stat nazzjonali jeħtiġilhom li jkollhom kostituzzjoni.

Il-President tar-Repubblika Ċeka huwa Vaclav Klaus.

 

Qabel, kien għal erba’ snin Prim Ministru u għal xi żmien kien Ministru tal-Finanzi tal-pajjiż.

 

Huwa magħruf fil-pajjiżi ta’ l-Ewropa bħala personalità politika importanti u kritiku ta’ serjetà kbira ta’ l-Unjoni Ewropea kif qiegħda tiżviluppa.

 

Lejn stat wieħed

 

Dwar il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea Vaclav Klaus stqarr li meta sema’ l-ewwel darba bil-ħsieb li l-Unjoni jkollha kostituzzjoni tagħha, ittama li ma kienx proġett realistiku u li kienet biss xewqa li ma kellhiex isseħħ ta’ dawk l-Ewropej li riedu li jkun hawn stat wieħed ċentrali.

 

Huwa kien jittama dan għax, bħall-maġġoranza kbira tal-poplu Ċek, kien jixtieq li l-Unjoni Ewropea tinbena fuq stati nazzjonali u mhux fuq ċittadini individwali, li huma sisien ta’ stat nazzjonali demokratiku.

 

Minħabba din ir-raġuni, huwa ma jemminx li għall-UE hija ħaġa meħtieġa li jkollha kostituzzjoni, jekk hija ma tridx li ssir stat wieħed ċentrali.

 

X’wassal għal dan

 

Iżda skond Vaclav Klaus, ġraw ħwejjeġ li biddlu għal kollox il-mixja tal-pajjiżi membri tal-Komunità Ewropea li minnha tnisslet l-Unjoni Ewropea.

 

L-ewwel fatt kien li l-Unjoni spiċċat biex għamlet eluf ta’ paġni ta’ liġijiet u regolamenti li ħolqu qagħda mħawda ħafna għaċ-ċittadini tal-pajjiżi membri.

 

It-tieni fatt kien li ma deherx ċar kif l-Unjoni kellha tikber u tiżviluppa.

 

Għalhekk kien hemm min ħass is-siwi ta’ dokument li b’mod fil-qosor ifisser kif il-pajjiżi ta’ l-Ewropa kellhom jersqu viċin xulxin, mingħajr ma jkomplu jsiru stat wieħed kif kien qiegħed jiġrilhom.

Vaclav Klaus ifakkar li kien hemm ħafna oħrajn li bħalu kienu jikkritikaw il-proċess li bih il-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni kienu qegħdin isiru pajjiż wieħed u jitmexxew mill-burokratiċi ta’ Brussels mingħajr l-għarfien tal-popli tal-pajjiżi membri u minn wara daharhom.

 

L-għan tal-Konvenzjoni

 

Minħabba dawn il-fatti, kienet twaqqfet, mill-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni tad-delegati mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni u minn dawk li riedu jissieħbu fl-Unjoni, ħalli tfassal kostituzzjoni li kellha jkollha l-għan li tqarreb l-Unjoni Ewropea lejn il-popli tal-pajjiżi membri.

 

Iżda Vaclav Klaus jilmenta li r-riżultat tal-Konvenzjoni kienet kostituzzjoni għal kollox differenti minn dik li kienet ittamata.

 

Huwa jsostni li l-Kostituzzjoni li tħejjiet, jekk tiġi approvata, ’il quddiem twassal għall-qerda ta’ l-istati u l-gvernijiet nazzjonali li jirrappreżentaw il-popli tal-pajjiżi membri u minflokhom, jitwaqqaf stat wieħed ċentralizzat.

Dan ikun ifisser li l-ħwejjeġ importanti għall-popli tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni jiġu deċiżi mill-gvern imbiegħed fi Brussels, fejn il-leħen tar-rappreżentanti tal-poplu tal-pajjiżi membri jkun ftit jew xejn jinstema’ u l-influwenza tagħhom ftit jew xejn tinħass.

 

Tiddgħajjef id-demokrazija

 

Għal Vaclav Klaus il-fattur negattiv li se jkun hemm b’riżultat tal-Kostituzzjoni li tfasslet, ma hux la meħtieġ u lanqas mixtieq sabiex l-Unjoni timxi ’l quddiem.

 

Li poplu ta’ pajjiż membru jitlef id-dritt li huwa jiddeċiedi kif jitmexxa, huwa ħafna ħażin.

 

Dan il-fatt se jdgħajjef id-demokrazija fl-Ewropa u se jkabbar in-nuqqas ta’ demokrazija ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea (‘democratic deficit’).

Għax id-deċiżjonijiet importanti ma jittiħdux fil-Parlamenti tal-pajjiżi membri, u għax se tiżdied il-pressjoni biex ikun hemm l-istess liġijiet għall-pajjiżi membri kollha b’mod li dawn ma jkunux skond il-ħtiġijiet partikolari ta’ kull pajjiż, iżda jkunu qishom libsa ta’ daqs wieħed li trid tintlibes kemm minn min hu kbir fid-daqs, kif ukoll minn min huwa ta’ daqs zgħir.

 

Se ssir ħsara kbira

 

Il-President tar-Repubblika Ceka jisħaq li billi l-qagħda ekonomika hija differenti għal kull pajjiż ta’ l-Ewropa, kif ukoll il-livell ta’ l-iżvilupp li pajjiż ikun laħaq mhux l-istess, u kull pajjiż għandu tradizzjonijiet u kulturi differenti, huwa ta’ ħsara kbira li l-UE timponi l-istess rati ta’ imgħaxijiet, l-istess rati ta’ taxxi, l-istess benefiċċji soċjali, l-istess politika barranija u l-istess regoli fl-oqsma l-oħra tal-ħajja.

Din hija l-kwistjoni fundamentali li l-Unjoni Ewropea trid thabbat wiċċha magħha u mhux kemm pajjiż membru jkollu rappreżentanti fl-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni.

 

Għal Vaclav Klaus il-Kostituzzjoni li tfasslet m’għandha xejn li jgħin biex tissolva din il-kwistjoni fundamentali. Anzi, hija tgħin biex jinħoloq stat wieħed bl-istess regoli għal kull pajjiż membru.

Min ma jridx li dan jiġri, mhux għadu ta’ l-Ewropa, isostni l-President tar-Repubblika Ċeka, iżda huwa Ewropew tajjeb li jrid li l-Ewropa tkun magħmula minn stati ħielsa, jaħdmu ma’ xulxin, u jkabbru l-ġid għall-popli tagħhom.

 

Il-Euro jagħmlilna ħsara kbira

 

Il-Gvern Malti qiegħed jgħaġġel biex idaħħal il-Euro minflok il-Lira Maltija.

 

Meta dan iseħħ, il-Gvern ma jkollux setgħa dwar ir-rata ta’ l-imgħax u lanqas ma jkollu aktar setgħa dwar ir-rata tal-kambju ta’ l-Euro mal-muniti barranin bħad-Dollaru Amerikan u l-Yen Ġappuniż, u muniti oħra.

Iżda l-Gvern Malti għandu bżonn li jżomm kontroll kemm fuq ir-rata ta’ l-imgħax kif ukoll fuq ir-rata tal-kambju għax fiż-żmien meta l-qagħda ta’ l-ekonomija mhix tajba u fiż-żmien meta hawn żbilanċ kbir fid-dħul u l-ħruġ tal-Gvern, ir-rata ta’ l-imgħax u r-rata tal-kambju huma miżuri li l-Gvern juża sabiex jipprova jtejjeb is-sitwazzjoni kemm ekonomika kif ukoll finanzjarja tal-pajjiż.

 

L-effetti ħżiena tal-Euro

 

Bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u d-dħul tal-Euro f’Malta, la l-qagħda ta’ l-ekonomija u lanqas il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż m’huma se jitjiebu.

 

Jekk inħarsu lejn x’inhu jiġri fil-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni li addottaw il-Euro, insibu li dawn qegħdin iġarrbu konsegwenzi ħżiena minħabba l-munita komuni li huma daħħlu.

Għall-Irlanda, per eżempju, ir-rata ta’ l-imgħax komuni ta’ l-Unjoni Ewropea hija ta’ ħsara għar-rata għolja ta’ l-inflazzjoni li għandha.

 

Min-naħa l-oħra, minkejja r-rata baxxa ta’ l-imgħax ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Ġermanja, l-Italja u l-Olanda għaddejjin minn riċessjoni u nuqqas ta’ tkabbir ta’ l-ekonomija.

 

Ir-rata komuni ta’ l-imgħax għall-pajjiżi kollha li għandhom il-Euro qiegħda toħloq kaos u mhux tgħin lill-pajjiżi fid-diffikultajiet ekonomiċi li għaddejjin minnhom.

 

L-istess ħaġa jiġri lil Malta jekk iddaħħal il-Euro fiż-żmien diffiċli ekonomiku u finanzjarju li għaddejjin minnu f’pajjiżna.

 

Is-saħħa tal-munita

 

Is-saħħa tal-munita tal-pajjiż mqabbla mal-muniti tal-pajjiżi li lilhom tesporta u tbiegħ il-prodotti li tipproduċi u s-servizzi li tbiegħlhom hija fattur importanti li jinfluwenza kemm il-pajjiż jirnexxielu jbiegħ u jesporta prodotti u servizzi.

Jekk il-Euro jkun il-munita ta’ Malta u jkun b’saħħtu ħafna bħal ma huwa issa, ikun aktar diffiċli ghal Malta biex tesporta l-prodotti tagħha u tbiegħ is-servizzi li l-Maltin jipprovdu.

 

U l-Gvern Malti ma jkun jista’ jagħmel xejn biex jinfluwenza l-esportazzjoni tal-prodotti Maltin u l-bejgħ tas-servizzi pprovduti mill-Maltin.

Għalhekk il-Euro jkun ta’ saram għall-Gvern Malti.

 

Ikun ta’ ostaklu ieħor għall-ħarsien ta’ l-impjiegi u x-xogħol f’pajjiżna għax iżid l-ispiża tal-produzzjoni u tas-servizzi u jagħmilhom anqas kompetittivi.

 

Tnaqqis fix-xogħol u żieda fil-qgħad huma l-agħar konsegwenzi tad-dħul tal-Euro f’pajjiżna wara s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

 

Il-Ħamis, 8 ta’ Jannar, 2004

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ