MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

         

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

   NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

  Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Il-‘Partnership’ teżisti jew le?

 

Dawn in-nies, minkejja li jinqabdu li kienu gidbu lill-poplu Malti qabel ir-referendum u l-elezzjoni ġenerali, għalihom qisu ma ġara xejn! 

 

Jigdbu kienu u jigdbu għadhom. 

 

Qegħdin nirreferu għall-mexxejja Nazzjonalisti – fuq quddiem l-eks-Prim Ministru Eddie Fenech Adami u l-eks-viċi-Prim Ministru Lawrence Gonzi, illum Prim Ministru – kif ukoll il-ġurnali bl-Ingliż, fuq quddiem The Times u The Sunday Times, u ħemel ta’ opinjonisti “opportunisti”, u l-MIC. 

 

Dawn kollha għamlu minn kollox biex jiskreditaw il-politika li kien qiegħed jipproponi l-Partit Laburista dwar ir-relazzjoni li kellu jkollu pajjiżna ma’ l-UE, jiġifieri politika ta’ “Partnership” minflok il-politika Nazzjonalista ta’ sħubija sħiħa fl-UE.

Biex jiskreditaw il-politika ta’ “Partnership”, kienu vvintaw gidba sfaċċata – dik li ftehim ta’ “Partnership” ma’ l-UE “ma jeżistix”! 

 

Kienu jinsistu fuq din il-gidba b’kull mezz ta’ propaganda. 

 

Kellhom il-MIC, l-istituzzjoni li suppost kellha tinforma lill-poplu Malti b’dak kollu li kellu x’jaqsam ma’ sħubija fl-UE.

Dawn ta’ l-MIC, immexxija minn Simon Busuttil, illum Deputat Parlamentari Nazzjonalist fil-Parlament Ewropew, qatt ma kkoreġew dik il-gidba sfaċċata u nformaw lill-poplu Malti li, fil-fatt, ftehim ta’ “Partnership” mal-UE kien possibbli għax l-UE diġà kellha ftehim bħal dan ma’ pajjiżi diversi.

 

Minflok m’għamlu dan kif kien dmirhom, qagħdu kwieti u ħallew lill-poplu Malti u Għawdxi jiġi mqarraq b’informazzjoni falza. 

 

Jekk qegħdin niżbaljaw, nistiednu lil Forum Malta fl-Ewropa (l-eks MIC) biex jagħtuna d-dettalji meta u fejn kienu giddbu lill-kelliema Nazzjonalisti u opinjonisti qaddejja tal-PN.

Ħalli niġu issa għall-aħħar prova ta’ kemm kienu qegħdin jgħaddu passata lill-Maltin u l-Għawdxin. 

 

Mela fil-ġurnal The Times tal-25 ta’ Novembru 2006, kien hemm rapport miktub minn Christian Lowe u Jeff Mason.

Dawn il-ġurnalisti jew opinjonisti spjegaw kif f’laqgħa li saret fil-Finlandja bejn ir-Russja u l-UE, kellhom jibdew negozjati wkoll dwar ftehim ġdid ta’ “Partnership” fuq ħafna setturi, biex jissostitwixxi l-ftehim ta’ “Partnership” li diġà jeżisti llum bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea!

Il-parti rilevanti fir-rapport ta’ The Times u li jirreferi għal dan il-ftehim ta’ “Partnership” bejn ir-Russja u l-UE, kien dan:

“Moscow and Brussels were to have used a summit in Finland to Launch negotiation on a new wide-ranging “Partnership” agreement but Poland

 

Din hija prova ċara oħra ta’ kif il-poplu Malti ġie ngannat biex ivvota b’maġġoranza żgħira biex Malta ddaħħlet fl-UE. 

 

Xi ħadd jemmen li kieku ma gidbux gidba wara l-oħra dwar it-taparsi “benefiċċji” tas-sħubija u dwar l-alternattiva ta’ “Partnership” tal-Partit Laburista, il-maġġoranza tal-votanti xorta kien se jivvota favur is-sħubija?

Innotaw kif qegħdin jużaw l-istess tattika dwar id-dħul ta’ l-Ewro – propaganda ma taqta’ xejn imħallsa minn but il-Maltin u l-Għawdxin – biex iġġiegħel lill-poplu jerġa’ jemmen li d-dħul ta’ l-Ewro “hu fl-interess tagħna lkoll”! 

 

U bħalma ġara dwar is-sħubija, il-poplu jinduna li ġie ngannat wara li tkun daħlet l-Ewro f’pajjiżna, u forsi tkun għaddiet ukoll l-elezzjoni ġenerali!

Tghid il-Prim Ministru Gonzi, waqt li jkun jiltaqa’ man-nies fuq iz-zuntier tal-knejjes wara l-quddiesa tal-Ħadd, se jindem u jgħidilhom li kienu gidbulu lill-poplu dwar il-“Partnership” tal-Partit Laburista, u li aħna tas-CNI konna naqblu magħha għax konna nafu li teżisti?!

 

Lesti jinżlu fit-toroq


Il-Ġurnal The Times ta prominenza kbira fuq l-ewwel paġna tal-ħarġa tas-27 ta’ Novembru, lill-aħbar li l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) sejjħet lill-kaċċaturi biex ikunu lesti jinżlu fit-toroq jekk il-Gvern mhux se jippubblika l-emendi għar-regolamenti tal-kaċċa wara li saru numru ta’ laqgħat bejn il-Gvern u l-FKNK.

Hija ħaġa ovvja li l-FKNK ingħatat l-impressjoni li l-Gvern kien se jippubblika l-emendi li x’aktarx intlaħaq qbil fuqhom bejn iż-żewġ naħat. 

 

Min-naħa tagħna, aħna dejjem sostnejna li l-Gvern kien qiegħed jilgħab is-soltu logħba tiegħu, li jagħtik x’tifhem mod, sakemm tgħaddi xi elezzjoni, imbagħad wara ssib mod ieħor, wara li tkun għaddiet l-elezzjoni, naturalment!

Illum però, qiegħed ikun ferm aktar diffiċli biex il-Gvern ikompli jilgħab dik il-logħba, għax għassa fuqu daqs seqer hemm il-Kummissjoni Ewropea. 

 

U l-Gvern jaf li jekk mhux illum, għada jew pitgħada se jkollu jagħmel dak li tikkmandah jagħmel l-Unjoni Ewropea. 

 

Jiġifieri, li tinqata’ l-kaċċa fir-rebbiegħa u l-insib is-sena kollha.

Għalkemm is-CNI m’għandhiex x’taqsam mal-kaċċa u l-insib, u ħadd mill-uffiċjali tagħha m’hiex kaċċaturi jew nassaba, qatt mhu se naqblu li Gvern Malti, hu min hu, ma jitħalliex jasal fi ftehim maż-żewġ naħat ta’ din il-problema – il-kaċċaturi u nassaba fuq naħa, u l-organizzazzjonijiet bħal ‘Birdlife’ u oħrajn fuq in-naħa l-oħra.

Fi żmien Gvern Laburista bejn in-1996 u 1998, kien intlaħaq bilanċ bejn iż-żewġ naħat u l-problema kienet fil-biċċa l-kbira ssolviet ruħha. 

 

Kull naħa ċediet xi ftit u l-kompromess intlaħaq. 

 

Kien id-dħul ta’ Malta fl-UE li reġa’ kebbes in-nar tal-konfrontazzjoni bl-impożizzjoni tar-regolamenti bla sens ta’ l-Unjoni Ewropea fejn jirrigwarda l-kaċċa u l-insib f’pajjiżna.

Jekk ma kienu qalu xejn tajjeb fil-kampanja tar-referendum, żgur li kienu qalu l-verità meta kien stqarru li “d-dħul fl-Unjoni Ewropea mhux xi “a la carte”. Ikollok tiekol li jbellgħulek!

Għall-kaċċaturi, nassaba u kull min iħoss li “l-Unjoni Ewropea qiegħda tindaħal fejn ma jesaħiex”, soluzzjoni waħda hemm –
li lkoll naħdmu flimkien biex neħilsu lill-pajjiżna u l-poplu tagħna minn dan il-madmad.

 

Taqtgħux qalbkom, hemm ħafna movimenti u partiti politiċi fl-Ewropa kollha li qegħdin jaħdmu għal dan il-għan!

 

Qatt qalulkom li l-ħelikopter Russu “kien ta’ periklu għall-ħajja”?


Waqt il-programm “b’kull dritt”, immexxi mis-Sur George Tabone, fuq Smash TV, nhar l-Erbgħa, 29 ta’ Novembru, smajna lir-rapreżentant tal-Partit Nazzjonalista, is-Sur John Bonello, li hu wkoll l-uffiċjal għar-relazzjonijiet barranin tal-Partit Nazzjonalista, jgħid li s-servizz tal-ħelikopter Russu bejn Malta u Għawdex, kien twaqqaf ghax il-Gvern ma riedx ipoġġi l-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi “fil-periklu”!

Dawn l-uffiċjali u kelliema tal-Partit Nazzjonalista tant jistħu jammettu li qegħdin ikollhom jagħmlu dak li tordnalhom l-Unjoni Ewropea, li jsibu kull skuża biex jgħatu dan il-fatt. 

 

Issa meta s-Sur John Bonello qal li ma riedux jipperikolaw il-ħajja ta’ min juża s-servizz tal-ħelikopter (u naturalment ta’ min setgħa jintlaqat f’każ ta’ diżgrazzja u l-ħelikopter jaqa’ fuq il-bini, per eżempju) lanqas induna li meta qal hekk kien qiegħed jgħid li l-Gvern Nazzjonalista ħalla, allura, il-ħajja tal-Maltin, Għawdxin u turisti “fil-periklu” għal snin sħaħ li dam jaħdem il-ħelikopter Russu bejn Malta u Għawdex! 

 

Verament, tant ma jafux x’inhuma jgħidu li l-ħin kollu jitfixklu f’riġlejhom stess!

 

Is-servizz tal-ħelikopter Russu twaqqaf għax l-Unjoni Ewropea qalet li mhux ta’ l-“istandards” ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Kif intqal fil-programm, kif wieħed jista’ qatt jemmen li r-Russi, li kienu kapaċi jtellgħu l-ewwel satellita fl-ispazju – li ‘Sputnik’ – ma kinux kapaċi jibnu ħelikopter ta’ “standards” biżżejjed li jista’ jitla’ mijiet ta’ metri ’l fuq mill-art!

Ir-raġuni vera hi, li l-Unjoni Ewropea tivvinta “standards” li jagħmluha diffiċli li xi kumpaniji jew gvernijiet li huma membri fl-Unjoni Ewropea, jixtru jew jużaw ħelikopers li ma jkunux inbnew fl-Unjoni Ewropea, biex b’hekk tipproteġi l-industrija tagħha! 

 

Dik hi r-raġuni kollha u mhux il-“babaw” li semma s-Sur Bonello, li wara kollox, il-Gvern stess Nazzjonalista ħallih jintuża għal snin sħaħ!

 

Il-Gvern għandu pjan, u kif!


Bir-rispett kollu, ma naqblux mal-Mexxej Laburista, Dr Alfred Sant, meta qal li l-Gvern ta’ Dr Gonzi miexi bla pjan. 

 

Anzi, aħna ngħidu li l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Gonzi għandhom “pjan” u kif!

Il-pjan hu l-istess pjan li dejjem wettqu qabel kull elezzjoni, jiġifieri, li jingannaw lil votanti b’wegħdi fiergħa, “mirakli” li jisbqu dawk ta’ Padre Pio, u gideb bla rażan! 

 

Altru għandhomx pjan! Nemmnu li dwar dan il-“pjan” Nazzjonalista, anki Dr Alfred Sant jaqbel magħna.

 

Il-Ħamis, 7 ta’ Diċembru, 2006.

<< Lura << 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ