MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

It-Tarzna mhedda mill-UE

 

Illum jaħbat it-tmienja u tmenin anniversarju tas-Sette Giugno ta’ l-1919 li fih erba’ ħaddiema nqatlu mill-ħakkiema kolonjalisti meta l-ħaddiema Maltin qamu jipprotestaw għax ħassuhom maħqurin.

 

Illum, 88 sena wara, il-ħaddiema Maltin qegħdin jerġgħu jħossuhom maħqurin mill-ordnijiet tal-kolonjalisti ġodda ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Bħalma kien jiġri 88 sena ilu, numru ta’ Maltin qegħdin jaqdu lill-barranin anki meta dawn qegħdin jagħmlu ħsara lill-ħaddiema Maltin.

 

Wieħed mill-Allat foloz tal-lum li l-Unjoni Ewropea ġiegħlitna naduraw hija l-politika tas-suq mhux imrażżan minn fatturi soċjali, iżda mmexxi mill-għan wieħed ta’ profitt.

 

Mhux il-ħaddiema Maltin biss huma vittmi tal-ħruxija tas-suq, iżda anki, u forsi aktar, huma sfruttati bla ħniena, spiss bi ksur tal-liġi, l-imsejkna ħaddiema barranin li sabu ruħhom f’pajjiżna.

 

Jekk għal mument inħallu fil-ġenb l-isfruttament tal-ħaddiema barranin, nikkonċentraw fuq il-qagħda ta’ wieħed mill-akbar postijiet tax-xogħol f’pajjiżna, it-Tarzna, u naraw kif dan il-post intlaqat bis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

 

Skond l-orizzont ta’ l-1 ta’ Ġunju, il-President tat-Taqsima tal-Ħaddiema tal-Metall tal-GWU, ikkritika l-kuntratti li t-Tarzna tagħmel mas-'subcontractors’ biex jagħmlu xogħlijiet li t-Tarzna, minħabba l-ftehim ma’ l-Unjoni Ewropea, jew ma tistax tagħmel għax tnaqqsulha n-nies, jew ma tagħmilhomx għax ma tistax taqbeż l-għadd ta’ siegħat ta’ xogħol fis-sena.

 

Intqal mill-President tat-Taqsima tal-Ħaddiema tal-Metall li f’xi każi ta’ subcontracting’, bħal dak tas-‘scaffolding’, ix-xogħol idum ħafna aktar miż-żmien li kien jittieħed kieku x-xogħol isir mill-ħaddiema tat-Tarzna. 

 

B’hekk it-Tarzna qiegħda tidħol fi spejjeż żejda.

 

Mhux biss, iżda għadu ma twaqqafx fit-Tarzna d-dipartiment ta’ l-‘scaffolders’ li ilu tliet snin se jitwaqqaf, meta qabel daħal fis-seħħ il-pjan ta’ l-Unjoni Ewropea għat-Tarzna, kemm fit-Tarzna ta’ Bormla, kif ukoll f’dik tal-Marsa, ix-xogħol tas-‘scaffolding’ kienu jagħmluh il-ħaddiema taż-żewġ Tarzni.

 

It-Taqsima tal-Ħaddiema tal-Metall ilha titlob biex tara l-kuntratti mas-‘subcontractors’ u dan qatt ma sar.

 

Fil-każ tas-‘scaffolding’, jidher li l-kuntrattur ma jħallasx tas-servizzi li juża tat-Tarzna, fosthom krejnijiet u trasport.

 

Agħar minn hekk kien il-każ fejn it-Tarzna tagħtu l-‘forklifter’, biex imbagħad hi spiċċat kellha tikri wieħed biex isir xogħol meħtieġ mid-dipartiment imnejn ittieħed il-‘forklifter’.

 

It-telf tat-Tarzna

 

Il-ġimgħa l-oħra tħabru wkoll ir-riżultati finanzjarji tat-Tarzna tas-sena li għaddiet.

 

Minkejja li għamlet xogħol aktar minn dak li kien ippjanat fil-pjan ta’ ristrutturar imfassal mill-Unjoni Ewropea, it-Tarzna għamlet aktar telf minn dak li kien maħsub fl-istess pjan.

 

Intqal li s-sena l-oħra l-produttivita` naqset minn dik li kienet fis-sena 2004.

 

Jekk hu hekk ħażin ħafna.

 

Għandu jsir kull sforz ħalli l-produttivita` togħla kemm jista’ jkun, mhux għax l-Unjoni Ewropea trid dan, iżda għax huwa fl-interess ta’ pajjiżna li nkunu f’qagħda li negħlbu l-kompetituri tagħna barranin.

 

L-‘accounts’ tat-Tarzna ma ġewx ippubblikati u għalhekk ma nistgħux nifluhom u naraw għaliex sar, u kif sar, it-telf imħabbar.

 

Intqal li t-telf għas-sena 2006 kien tliet miljuni u tliet mitt elf lira aktar minn dak li l-pjan ta’ ristrutturar kien ikkalkola li kellu jkun.

 

Il-pjan ta’ ristrutturar ta’ l-Unjoni Ewropea ma kien xjentifiku u realistiku xejn.

 

Iżda l-Gvern, li ried akkost ta’ kollox li l-Unjoni Ewropea taċċettana bħala membri tagħha, qabel mal-pjan u beda jwettqu.

 

Illum sibna li l-pjan ma jaħdimx, u għandna jkollna l-kuraġġ li nistqarru dan lill-pubbliku f’Malta u lill-uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fi Brussels.

 

Jekk huwa minnu li l-produttivita` fit-Tarzna hija baxxa, jeħtieġ li jittieħdu passi ħalli l-‘labour force’ tkun inċentivata tkun aktar effiċjenti.

 

Huwa ċar li l-pjan tar-ristrutturar imfassal mill-Unjoni Ewropea mhux talli ma jinċentivax lill-‘workforce’ tat-Tarzna, talli jiddemoralizzaha u jnaqqsilha l-fiduċja fil-ġejjieni tat-Tarzna.

 

It-theddida ta’ l-Unjoni Ewropea li t-Tarzna tingħalaq jekk din ma tasalx biex tifdi sa l-aħħar tas-sena d-dieħla, ma żżidx il-fiduċja tal-ħaddiema fil-futur u fil-ħila tagħhom li jistgħu jsaħħu l-azjenda.

 

Minflok iżżid il-fiduċja u l-kuraġġ tal-ħaddiema tat-Tarzna, it-theddida ta’ l-Unjoni Ewropea ttellfilhom il-fiduċja, fl-istess ħin li tħarraxhom kontra s-sħubija fl-Unjoni.

 

L-UE falliet dwar l-immigranti illegali

 

ID-DINJA ċivilizzata qiegħda żżeblaħna għax ma ġbarniex mill-baħar immigranti illegali li kienu qegħdin jegħrqu barra l-ispazju ta’ baħar li jaqa’ taħt il-ħarsien tagħna.

 

Għamilna ħażin meta ma ġbarnihomx ħalli nimxu skond il-politika u d-direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea rigward is-salvataġġ ta’ immigranti illegali.

 

M’għandniex nimxu skond il-politika u d-direttivi ta’ l-Unjoni fjn jidħol is-salvataġġ tal-bnedmin mill-għarqa, u lanqas għandna nobdu lill-Unjoni f’dak li nagħmlu mill-immigranti illegali li jsibu ruħhom f’pajjiżna.

 

Fil-każ ta’ immigranti illegali li jkunu qegħdin jegħrqu, għandna niġbruhom mill-baħar ikunu fejn ikunu, jekk nistgħu nagħmlu dan.

 

Fil-każ ta’ immigranti illegali li jkunu f’pajjiżna, għandna, tkun xi tkun ir-raġuni li jinsabu f’artna, nibgħatuhom lura lejn pajjiżhom.

 

Il-miżuri li l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tieħu fil-kwistjoni ta’ l-immigranti illegali m’humiex effikaċi, u l-problema minflok titrażżan, qiegħda aktar tikber kuljum.

 

Għalina hija problema enormi u se toħolqilna kriżi jekk nibqgħu nsegwu l-politika ta’ l-Unjoni f’dan il-qasam ta’ l-immigrazzjoni.

 

Lill-immigranti għandna nagħtuhom kull għajnuna, iżda għandna nkunu flessibbli billi jew ngħinuhom biex imorru lura lejn pajjiżhom, jew ngħinuhom biex jibqgħu sejrin lejn il-pajjiżi ta’ l-Ewropa fejn riedu jmorru meta telqu.

 

Tgħid x’tgħid l-Unjoni Ewropea, din għandha tkun il-politika tagħna fl-interess suprem tal-poplu tagħna.

 

M’għandniex nikkuntentaw billi nirċievu ftit għajnuna mill-Unjoni ħalli nżommu l-immigranti għal ftit taż-żmien f’detenzjoni, u neħilsuhom wara ftit xhur u nħalluhom jaħdmu.

 

Lanqas għandna nħallu lil min jimpjegahom bi ħlas u kundizzjonijiet baxxi u billi jagħmlu l-aktar xogħol li huwa meqjus baxx.

 

Aħna ma rridux li l-barranin li ġejjin mill-Ewropa nittrattawhom aħjar milli nittrattaw lil ħutna Maltin u Għawdxin.

 

Iżda lanqas irridu li l-immigranti illegali li ġejjin mill-pajjiżi ta’ l-Afrika jew ta’ l-Asja nittrattawhom agħar milli nittrattaw lil ħutna u lil barranin Ewropej.

 

Jekk nibqgħu nimxu skond ma tgħidilna l-Unjoni Ewropea f’din il-kwistjoni ta’ l-immigranti illegali, u ma naqbdux minflok il-barri minn qrunu, u mingħajr aktar dewmien, se jkollna diżgwid soċjali kbir f’pajjiżna, bħal ma għandhom pajjiżi Ewropej li ma kkontrollawx l-influss ta’ l-immigranti u ma ħejjewx l-istrutturi u l-faċilitajiet għalihom.

 

Iċ-ċokon ta’ pajjiżna, id-densita` tal-popolazzjoni, u l-mezzi skarsi li għandna, ma jippermettulniex nimxu mod ieħor ma' l-immigranti.

 

Ma tagħmilx sens li mijiet ta’ eluf ta’ ħutna emigraw u nħallu immigranti jiġu f’pajjiżna.

 

Il-Parlament Malti u l-Unjoni Ewropea

 

Meta l-ġimgħa l-oħra saret fil-Parlament Malti diskussjoni dwar il-politika barranija ta’ Malta, innotajna li l-politiċi Maltin iddakkru sewwa minn dawk tal-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-Unjoni Ewropea u pprovaw juru minn l-aktar minnhom huwa Ewropeista fidil aktar mill-ieħor.

 

Ħadd ma wera li huwa Malti l-ewwel qabel ma huwa ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Konna nistennew li fil-Parlament Malti titqajjem il-kwistjoni ta’ kif id-direttivi u l-politika ta’ l-Unjoni qegħdin iħarbtu ħafna mill-fabbriki tagħna u jtellfu x-xogħol lil ħafna Maltin.

 

Konna nistennew li titqajjem ukoll il-problema li d-direttivi u l-politika ta’ l-Unjoni dwar l-immigrazzjoni illegali qegħdin joħolqu kriżi għal pajjiżna u hemm il-ħtieġa li nimxu mod ieħor ħalli nrażżnu din il-problema.

 

Konna nistennew li jintqal li l-politika ta’ l-Unjoni tal-privatizzazzjoni qiegħda tagħmel ħsara lill-poplu tagħna, bħal fil-każ tal-privatizzazzjoni tax-xiri u l-importazzjoni taż-żejt.

 

Konna nistennew ukoll li fil-Parlament jingħad li ż-żieda fir-rata ta’ l-interessi mill-Bank Ċentrali ta’ Malta biex jissodisfa lill-Unjoni Ewropea se tkabbar il-piżijiet ta’ dawk kollha li ssellfu ħalli jixtru dar fejn jgħixu bil-familja, u mhux se tgħin ħalli jinħolqu l-impjiegi f’pajjiżna.

 

Minflok li l-Parlament għamel kritika tal-politika ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Parlament saħaq li tikber il-propaganda favur l-Unjoni ħalli t-tfal u ż-żgħażagħ Maltin jitrawwmu jqiegħdu lill-Unjoni qabel pajjiżna.

 

Ħadd ma tkellem kontra l-militarizzazzjoni tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni u kontra l-ineffiċjenza, il-burokrazija u l-korruzzjoni li jifnu l-Unjoni.

 

Mhux dibattitu dwar il-politika ta’ Malta u l-Unjoni Ewropea sar fil-parlament Malti.

 

Intisġu biss paniġierki favur l-Unjoni.

 

Intesa dak kollu li kien jingħad bi kritika ta’ l-Unjoni u ta’ l-effetti ħżiena li s-sħubija jkollha fuq il-poplu tagħna.

 

Fost dawn, hemm l-għoli tal-ħajja, il-prezzijiet astronomiċi tal-proprjeta`, l-ispejjeż akbar tal-produzzjoni f’pajjiżna u l-effett negattiv fuq il-kompetittivita` tagħna.

 

Ħadd ma wera l-preokkupazzjoni tiegħu għat-theddid li l-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni u l-ftehim dwar it-Tarzna huma għall-eżistenza tagħha wara Diċembru tas-sena d-dieħla!

 

Fil-Parlament, mhux leħen il-poplu Malti mħasseb instema`, iżda dak ta’ politiċi sodisfatti bl-opportunitajiet sbieħ li l-Unjoni toffrilhom personalment.

 

Għajb u mistħija!

 

Jinkixfu l-borom ta’ l-ingann tas-sħubija fl-UE

 

Dr Simon Busuttil, illum Membru tal-Parlament Ewropew, kien qabel ir-referendum, il-Kap taċ-Ċentru ta’ l-Informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea (il-MIC).

 

Is-Sur Saviour Balzan, illum editur ta’ ġurnal bl-Ingliż, kien qabel ir-referendum, fil-grupp tat-tekniċi li kienu jagħtu pariri fin-negozjati li pajjiżna kellu ma’ l-UE.

 

Bejn dawn it-tnejn illum hemm kwistjoni dwar min innegozja x’se jsir mill-kaċċa.

 

Fis-7 ta’ Mejju Saviour Balzan kiteb ċerti affarijiet li jikxfu kemm il-poplu Malti kien suġġett għal gideb u ingann meta vvota IVA għall-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni fl-2003.

 

Balzan kiteb hekk: “I could remind Simon (Busuttil) that there were countless untruths about Europe that were presented to the general public so as to give the impression that Europe was a bed of roses”.

 

Balzan kiteb ukoll dan: "Selling the European Union to the public, whether illusory or semi-deceptive, was the job of MIC – the information organ (Simon Busuttil) headed before taking up a political career”.

 

F’din il-kitba għandna konfessjoni ta’ wieħed mill-propagandisti tas-sħubija fl-Unjoni li qabel ir-referendum lill-poplu qallu partita gideb dwar l-Ewropa ħalli jinfluwenzawh jivvota IVA għas-sħubija.

 

Din il-kitba tixli wkoll lil Simon Busuttil li kien wieħed mill-perċimes li ħolqu l-illużjoni lill-poplu u li qalulu lill-poplu ħwejjeġ kważi ngann biex jidħqu bih.

 

Balzan jistqarr li dak kien ix-xogħol tal-MIC, iċ-Ċentru ta’ l-Informazzjoni Malta u l-Unjoni Ewropea, mhux li jagħti tagħrif oġġettiv dwar l-Unjoni, iżda li jbigħ l-Unjoni lill-pubbliku b’tagħrif  “illusory or semi-deceptive” (joħloq illużjoni u kważi jinganna).

Balzan jikxef li Busuttil kien ħa sehem fil-kampanja ta’ propaganda tan-Nazzjonalisti għax kien jaf sew li dawn riedu akkost ta’ kollox, li Malta tissieħeb fl-Unjoni.

 

Infatti Balzan kiteb hekk: "I could remind Simon (Busuttil) of the fever within the PN to make certain that Malta would become a full EU member at all costs”.

 

Għoli kemm kien għoli l-prezz li kellna nħallsu biex nissieħbu fl-Unjoni, kienu lesti li jħallsu.

 

U għalhekk issa qegħdin insofru l-konsegwenzi ta’ dan u aktar insofru ‘l quddiem.

 

Il-Ħamis, 7 ta' Ġunju, 2007.

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ