MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 , minn ħalq uliedek
L-UE thedded il-valuri tal-familja
Ahna
dejjem sostnejna li l-politika soċjali ta' l-Unjoni Ewropea hija ta'
theddida serja għall-valuri tal-familja Maltija.
Dejjem tkażajna kif dan l-aspett fondamentali negattiv għall-aħħar ta' l-Unjoni ngħata l-ġenb għall-konsiderazzjonijiet politiċi partiġġjani meta l-poplu ntalab fl-2003 jivvota jaqbilx mas-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni.
Naqsu
minn dmirhom li jgħidu lill-poplu li s-sħubija fl-Unjoni kienet se
timmina f'pajjiżna il-valuri tal-familja, kif seħħ f'kull pajjiż
li ssieħeb fl-Unjoni.
Issa l-Isqfijiet Ewropej (mhux il-Maltin u l-Għawdxin), donnhom stenbħu
u ħarġu qatta' bla ħabel kontra l-Unjoni Ewropea, b'rapport
bit-titlu "Proposal for a strategy of the European Union for the Support of
Couples and Marriage".
Huma xlew lill-Unjoni li bil-politika tagħha qiegħda tinjora għal
kollox l-importanza taż-żwieġ fl-oqsma ta' l-impjiegi, tal-ħarsien
soċjali u tat-tnaqqis tal-faqar.
Huma
kkundannawha wkoll li minflok tappoġġja, qiegħda tiddiskrimina
kontra ġenituri li ma joħorġux jaħdmu biex jieħdu
ħsieb it-trobbija ta' wliedhom.
Għax l-Unjoni Ewropea sfaċċatament tqis lill-ommijiet li ma
jmorrux jaħdmu biex irabbu lil uliedhom, bħala riżors uman
fil-qasam tax-xogħol moħli jew mhux utilizzat, u għalhekk hija
ssus biex il-pajjiżi membri jkabbru l-‘participation rate’ ta'
l-ommijiet ta' l-ulied, għandha anqas importanza mill-kontribuzzjoni ta'
l-ommijiet għall-ekonomija tal-pajjiż.
L-Isqfijiet Ewropej ikkritikaw bl-aħrax il-proposta ta' l-Unjoni Ewropea
biex il-pajjiżi membri jagħrfu bħala rabta ċivili li żewġ
persuni jgħixu flimkien (‘de facto union’), u jagħtu għarfien
legali ftehim ta' sħab bejn żewġ persuni (‘registered
partnership’).
Huma
jisħqu li dawn il-proposti ta' l-Unjoni, li jridu jwasslu biex l-istati
membri li għadhom ma jirrikonoxxux bil-liġi dawn ir-rabtiet, jaċċettawhom,
idgħajfu b'mod perikoluż l-importanza taż-żwieġ.
L-Isqfijiet
oġġezzjonaw li l-Unjoni Ewropea tindaħal fid-dritt ta' kull pajjiż
sovran li jirregola huwa ż-żwieġ, skond il-liġijiet
nazzjonali tiegħu, għax meta l-Unjoni tgħid lill-pajjiż x'għandu
jagħmel f'dan il-qasam tant fundamentali għall-ħajja soċjali
tal-poplu, hija tkun qiegħda tmur lil hinn mill-mandat tagħha.
Mhix kwistjoni jekk l-Unjoni Ewropea hux se tagħti każ x'qalu
l-Isqfijiet, u jekk hux se tissokta bil-politika tagħha ta' ħsara għall-familja.
Il-kwistjoni hija jekk l-Insara Ewropej (inklużi l-Maltin u l-Għawdxin) jagħtux widen għat-twissijiet ta' l-Isqfijiet fuq il-familja, jew humiex se jkunu servili għall-Unjoni, akkost li din teqred il-familja.
Fil-fehma
tagħna, il-familja Maltija tista' ssalva biss jekk pajjiżna ma jibqax
iħaddan il-politika ta' l-Unjoni Ewropea.
Żerniq
ġdid għal Malta indipendenti u ħielsa
Ix-xahar id-dieħel nagħlqu ħames snin minn meta maġġoranza żgħira ta’ dawk li vvotaw fir-referendum qalet li taqbel mal-ftehim tas-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Aħna
qatt ma waqafna nsostnu li l-votazzjoni la kienet 'fair' u lanqas demokratika,
minħabba l-miljuni kbar li ntefqu mill-Unjoni Ewropea fil-propaganda favur
is-sħubija, b'kuntrast mal-mezzi żgħar li ngħataw dawk li ma
kinux jaqblu mas-sħubija.
Ma setax jonqos li l-iżbilanċ fil-mezzi tal-propaganda influwenzaw
il-votanti u ma ħallewhomx f'qagħda ħielsa li jiżnu tajjeb
kienx jaqbel jew le li pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni.
Għalhekk
dejjem sostnejna u se nkomplu nsostnu, li dik id-deċiżjoni kienet
ivvizzjata, u li anke fuq hekk biss, għandha titwarrab.
Iżda anke kieku l-votazzjoni ta' l-2003 favur is-sħubija fl-Unjoni ma
kinitx ivvizzjata, xorta waħda d-demokrazija tgħidlek li dik id-deċiżjoni
tista' tinbidel f'kull mument b'votazzjoni popolari oħra.
Meta
l-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin iridu, għandhom
ikollhom il-mezz li jivvotaw ħalli titħassar id-deċiżjoni
favur is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Dan id-dritt demokratiku issa għandu l-għarfien uffiċjali
tal-Parlament Malti li vvota favur ir-ratifika tat-Trattat ta’ Lisbona, li
fl-Artikolu 49 tiegħu jipprovdi għall-ħruġ ta' stat membru
mill-Unjoni.
Għalhekk
issa ħadd ma għandu jkompli jqarraq bil-poplu billi jgħidlu li
s-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni huwa pass irriversibbli u
impossibbli.
Ladarba huwa possibbli li pajjiżna joħroġ mill-Unjoni Ewropea, għandna
dritt patrijottiku, aħna tal-Kampanja Ħelsien Nazzjonali (CNI),
li naħdmu ħalli jkun hemm maġġoranza li taqbel li pajjiżna
ma jibqax imsieħeb fl-Unjoni u ma jibqax jitmexxa minnha bħal kolonja,
iżda jerġa' jitmexxa skond ir-rieda tal-maġġoranza
tal-Maltin u Għawdxin, kif imfissra demokratikament fl-elezzjonijiet ġenerali.
Il-kwistjoni mhix jekk għandniex dritt noħorġu mill-Unjoni Ewropea, imma jekk għandniex nagħmlu dan fl-interess ġenerali tal-poplu Malti.
Aħna
tal-Kampanja Ħelsien Nazzjonali (CNI)
nilqgħu din l-isfida li nipprovaw li jkun ta' ġid għall-poplu
Malti li ma jibqax marbut bir-regoli ta' l-Unjoni u ma jkollux bilfors iħaddem
il-politika ta' l-Unjoni li hija ta' ħsara għal pajjiżna.
*
Finanzjarjament,
* ekonomikament,
* soċjalment u
* politikament
* jaqblilna li noħorġu mill-Unjoni Ewropea.
Finanzjarjament jaqblilna għax aktar qegħdin inħallsu u nagħmlu spejjeż, milli nirċievu fondi minħabba s-sħubija fl-Unjoni.
Ekonomikament jaqblilna għax nistgħu aktar nattiraw u nżommu fabbriki f'pajjiżna jekk ma nkunux marbutin bir-regolamenti u mgħobbijin bil-piżijiet ta' l-Unjoni Ewropea.
Soċjalment jaqblilna għax ma jkollniex bilfors nimxu b'politika anti-soċjali ta' l-Unjoni u nkunu nistgħu nsaħħu, mhux inħottu, s-servizzi soċjali tagħna.
Politikament
jaqblilna li nkunu indipendenti mill-Unjoni Ewropea ħalli ma nkunux
marbutin bil-politika barranija komuni ta' l-Unjoni u ma nkunux qegħdin
imsieħbin f'politika ta' difiża komuni li l-Unjoni qiegħda
tfassal.
U fuq kollox jaqblilna politikament għax, ħielsa mill-ħakma ta'
l-Unjoni, il-poplu Malti u Għawdxi jkun jista' jerġa' kull ħames
snin jiddeċiedi b'liema politika finanzjarja, ekonomika, politika u soċjali
jrid li jitmexxa, skond ir-rieda tal-maġġoranza espressa
demokratikament f'pajjiżna.
B'hekk il-poplu jerġa' jsir sovran, indipendenti u ħieles u mhux aktar
kolonja tal-barrani, kif ġralna bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Għal
dak iż-żerniq aħna tal-Kampanja Ħelsien Nazzjonali (CNI)
se nissoktaw naħdmu.
Kemm
qalulna li se nesportaw il-valuri Insara tagħna!
Nixtiequ
nkunu nafu x'għadda minn moħħ dawk il-ftit qassisin politikanti
li kienu jiktbu fil-ġurnali qabel ir-Referendum biex iħeġġu
lill-fidili Maltin u Għawdxin jivvotaw iva, ħalli aħna l-Maltin
inkunu "nistgħu nesportaw il-fidi u l-valuri Insara tagħna lejn
l-Ewropa", meta qraw l-aħbar f'dawn l-aħħar ġranet li
l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem qatgħetha li koppji 'gay'
(omosesswali) għandhom ikollhom id-dritt li jaddottaw it-tfal.
Billi Malta hija firmatarja tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,
id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea trid tiġi wkoll applikata minn
Malta.
Punt importanti li joħroġ minn din id-deċiżjoni hu x'jiġri
jekk din l-istess Qorti għad tiddeċiedi – jekk mhux diġŕ ddeċidiet
– li anke l-abort hu dritt fundamentali tal-bniedem, jew f'dan il-każ,
tal-mara.
X'siwi jkollha d-deroga li ngħatat lil Malta mill-Kummissjoni Ewropea, li
Malta tista' tibqa' żżomm il-leġislazzjoni li għandha li
tipprojbixxi kull tip ta' abort?
Se tkun tista' Malta tgħid lill-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem li għandna
deroga dwar l-abort u għalhekk m'aħniex marbutin b'xi deċiżjoni
li tieħu l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, meta din il-Qorti hija
indipendenti u m'għandhiex x'taqsam ma' l-UE, u għalhekk ma
tiddependix minn xi deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-UE għad-deċiżjonijiet
tagħha?
Min jaf għadx nisimgħu l-awtoritajiet Ekkleżjastiċi
jitkellmu ċar u tond dwar din id-deċiżjoni u l-konsegwenzi tagħha
anke fejn jidħol l-abort, speċjalment meta nafu li l-istess Unjoni
Ewropea ilha taċċetta mhux biss l-addozzjoni tat-tfal minn koppji
omosesswali, iżda anke żwiġijiet ta' koppji omosesswali!
Aktar
u aktar aħna ħerqanin x'se jiktbu dawk il-qassisin jew reliġjużi
li kienu kitbu fil-paġna tagħhom f'The Sunday Times qabel
ir-Referendum: "Even God wants us to join the EU" (anke Alla jridna
nidħlu fl-UE).
Il-Ħamis, 7 ta' Frar, 2008.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ