MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000
Jaqblilna noħorġu mill-Unjoni Ewropea
minn
Karmenu Mifsud Bonnici
Spiss qegħdin nisimgħu nies li vvotaw favur li Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea jilmentaw li bellgħuhielhom għax qalulhom it-tajjeb ta’ l-Unjoni bla ma ħadd fissrilhom il-ħafna ħażin tagħha.
Dawn m’humiex biss ħaddiema u impjegati li jew tilfu l-impjieg b’riżultat tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni, jew huma mhedda li jitilfu xogħolhom, jew kellhom tnaqqis fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Dawn l-ilmenti nisimgħuhom ukoll
* mingħand imprendituri,
* mingħand nies tan-negozju u
* tal-ħwienet,
* mingħand nies li jaħdmu għal rashom, u
*
mingħand nisa tad-dar.
Dawn in-nies kollha huma ddispjaċuti għax qegħdin isibu kemm fl-Unjoni
Ewropea hemm ħwejjeġ li mhux biss m’humiex tajbin għalina, iżda
li saħansitra qegħdin jagħmlu ħsara kbira lil pajjiżna.
Lil dawn aħna niżgurawhom li nistgħu nikkoreġu l-iżball li sar meta l-maġġoranza vvotat favur is-sħubija fl-Unjoni.
Nikkoreġuh l-iżball, billi nifformaw maġġoranza li trid toħroġ lil Malta mill-Unjoni Ewropea u trid li nagħmlu ftehim ieħor ta’ sħubija ma’ pajjiżi ta’ l-Unjoni.
Infakkruhom
f’dak li jingħad li huwa uman li wieħed jiżbalja, iżda wieħed
ikun imxajtan li jibqa’ fl-iżball.
Jekk il-maġġoranza kellha s-setgħa ddaħħalna fl-Unjoni
Ewropea, il-maġġoranza għandha s-saħħa toħroġna
minnha. La qegħdin nifhmu li l-politika ta’ l-Unjoni ma tgħoddx għalina,
inkunu ġwejjef jekk nibqgħu nħaddnu dik il-politika.
Mhux fl-interess tal-poplu Malti li ngħidu li la darba dħalna fl-Unjoni Ewropea, m’għandniex naħdmu biex noħorġu minnha minkejja l-ħsara li qiegħda tagħmlilna u ħsara akbar li se tagħmlilna fil-futur.
M’għandniex
inħallu l-interessi tal-ftit li se jgawdu ħafna mill-Unjoni, jegħlbu
l-interessi tal-kotra tal-poplu li se tbati minħabba s-sħubija fl-Unjoni.
Mhux fl-interess tal-poplu tagħna li jitmexxa skond ma jaqtgħu l-barranin
ta’ l-Unjoni u mhux skond ma l-poplu jiddeċiedi fl-elezzjonijiet ġenerali
tal-pajjiż.
Imseħbin fl-Unjoni, m’għadniex aktar nikkmandaw f’darna.
Huma ta’ l-Unjoni li jikkmandawna x’nagħmlu u x’ma nagħmlux.
Il-Prim Ministru u l-Ministri tagħna jkollhom jimxu skond ma tridhom l-Unjoni, għalkemm ipinġu li qegħdin imexxu skond ma jiddeċiedu huma.
Bħall-marjonetti li jiċċaqilqu skond kif jiġbdulhom l-ispaga.
Minflok
tmexxija vera, għandna “puppet show” imħaddma minn Brussels.
Iżda din il-“puppet show” mhix kummiedja tad-daħk.
Hija traġedja tal-biki.
Għax
il-poplu mhux qiegħed jintebaħ li n-nazzjon li b’tant sagrifiċċji
bnejna, qiegħed jinħatt biċċa biċċa, u li ruħu
wkoll qiegħda tinbiegħ lill-barrani.
Poplu bla ruħ mhux nazzjon.
Nazzjon li jitmexxa mill-barrani, mhux ħieles.
Mingħajr ħelsien mill-barranin, m’aħniex indipendenti.
Bis-sħubija
fl-Unjoni, tlifna l-indipendenza u l-ħelsien tagħna, u ħwejjiġna
tlaqnihom f’idejn il-barranin.
Sirna nazzjon meta l-mexxejja tagħna fatmuna mill-ħalib tal-barranin u
għallmuna ngħixu bix-xogħol ta’ dirgħajna u moħħna.
Issa
reġgħu newlulna ż-żejża tal-barranin u ħafna qegħdin
jissaraw min jaħtaf l-aktar minnha minflok jaħdmu bħal ma ħdimna
fl-imgħoddi biex artna tkun tista’ titma’ l-uliedha kollha.
Il-ftit li għandhom biex jixbgħu, qegħdin jagħmlu minn
kollox bil-mezzi tal-midja biex jistordu lill-kotra u jġagħluha taħseb
li ma hemmx triq aħjar minn dik tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea biex
ikollna ħajja aħjar.
Erġajna għall-istorja ta’ l-iskjavi li kienu jħossuhom aktar
kuntenti meta s-sidien kienu jiżgurawlhom l-għejxien tagħhom,
milli meta nħelsu iżda kellhom jiżguraw ħobżhom
bl-inizjattiva tagħhom.
Sakemm
huma fehmu li ġieħhom bħala bnedmin ħielsa kien aqwa mill-istonku
mimli iżda r-rieda mhux tagħhom.
Għandna bżonn infehmu lill-poplu tagħna li sakemm nibqgħu fl-Unjoni Ewropea, ma nistgħux inbiddlu l-politika ekonomika permezz ta’ votazzjoni demokratika f’elezzjoni ġenerali, m’għandniex saħħa nfasslu politika kummerċjali li tkun ta’ ġid għalina, u lanqas għandna s-setgħa li nħaddmu politika fiskali li ma tkunx kif l-Unjoni tridha.
Dawn
il-ħwejjeġ importanti ħafna barra oħrajn, saru issa bis-sħubija
ta’ pajjiżna fl-Unjoni, “reserved matters” ghall-Unjoni.
Nistgħu ngħidu li ma għadniex nikkmandaw f’darna, jew aħjar,
minn dak li baqa’ minn darna. L-akbar bank li kellna, ħaduh il-barranin.
Il-barranin imexxu
* l-Posta,
* il-Lottu,
* il-Freeport,
* l-Air Terminal,
*
l-Air Malta.
Qegħdin jiftehmu biex it-Maltacom tgħaddi f’idejn il-Cable &
Wireless, 30 sena wara li ħdaniha minn taħt idejhom.
Il-barranin jiftħu negozji f’pajjiżna u joqtlu n-negozji tal-Maltin.
Il-barranin jixtru kemm iridu proprjetŕ f’Malta u l-Maltin ma jlaħħqux mal-prezzijiet tagħhom.
Artna
mhux se tibqa’ tagħna.
Lanqas ħallewlna d-dritt li ndaħħlu u nżommu jaħdmu
f’pajjiżna lil min ma jieħux ħobż il-Maltin, u ma’ l-immgranti
llegali jkollna nimxu kif tgħidilna l-Unjoni Ewropea.
Rajna
m’għandux f’idejna.
Rajna
jerġa’ jiġi f’idejna meta noħorġu mill-Unjoni Ewropea u
nagħmlu ftehim li jaqblilna mal-pajjiżi tagħha. Jekk għandna
r-rieda, għandna s-saħħa nagħmlu dan.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Is-Sibt, 7 ta’ Jannar, 2006.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ