MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000
Spiss
qegħdin nisimgħu nies li vvotaw favur li Malta tissieħeb
fl-Unjoni Ewropea jilmentaw li bellgħuhielhom għax qalulhom it-tajjeb
ta’ l-Unjoni bla ma ħadd fissrilhom il-ħafna ħażin tagħha.
Dawn m’humiex biss ħaddiema u impjegati li jew tilfu l-impjieg b’riżultat tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni, jew huma mhedda li jitilfu xogħolhom, jew kellhom tnaqqis fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Dawn l-ilmenti nisimgħuhom ukoll mingħand imprendituri, mingħand nies tan-negozju u tal-ħwienet, mingħand nies li jaħdmu għal rashom, u mingħand nisa tad-dar.
Dawn in-nies kollha huma ddispjaċuti għax qegħdin isibu kemm fl-Unjoni Ewropea hemm ħwejjeġ li mhux biss m’humiex tajbin għalina, iżda li saħansitra qegħdin jagħmlu ħsara kbira lil pajjiżna.
Lil dawn aħna niżgurawhom li nistgħu nikkoreġu l-iżball li sar meta l-maġġoranza vvotat favur is-sħubija fl-Unjoni.
Nikkoreġuh l-iżball, billi nifformaw maġġoranza li trid toħroġ lil Malta mill-Unjoni Ewropea u trid li nagħmlu ftehim ieħor ta’ sħubija ma’ pajjiżi ta’ l-Unjoni.
Infakkruhom f’dak li jingħad li huwa uman li wieħed jiżbalja, iżda wieħed ikun imxajtan li jibqa’ fl-iżball.
Jekk il-maġġoranza kellha s-setgħa ddaħħalna fl-Unjoni Ewropea, il-maġġoranza għandha s-saħħa toħroġna minnha.
La qegħdin nifhmu li l-politika ta’ l-Unjoni ma tgħoddx għalina, inkunu ġwejjef jekk nibqgħu nħaddnu dik il-politika.
Fl-interess tal-poplu
Mhux
fl-interess tal-poplu Malti li ngħidu li la darba dħalna fl-Unjoni
Ewropea, m’għandniex naħdmu biex noħorġu minnha minkejja
l-ħsara li qiegħda tagħmlilna u ħsara akbar li se tagħmlilna
fil-futur.
M’għandniex inħallu l-interessi tal-ftit li se jgawdu ħafna mill-Unjoni, jegħlbu l-interessi tal-kotra tal-poplu li se tbati minħabba s-sħubija fl-Unjoni.
Mhux
fl-interess tal-poplu tagħna li jitmexxa skond ma jaqtgħu l-barranin
ta’ l-Unjoni u mhux skond ma l-poplu jiddeċiedi fl-
elezzjonijiet ġenerali
tal-pajjiż.
Imseħbin fl-Unjoni, m’għadniex aktar nikkmandaw f’darna.
Huma ta’ l-Unjoni li jikkmandawna x’nagħmlu u x’ma nagħmlux.
Il-Prim Ministru u l-Ministri tagħna jkollhom jimxu skond ma tridhom l-Unjoni, għalkemm ipinġu li qegħdin imexxu skond ma jiddeċiedu huma.
Bħall-marjonetti li jiċċaqilqu skond kif jiġbdulhom l-ispaga.
Minflok tmexxija vera, għandna “puppet show” imħaddma minn Brussels.
Tragedja tal-biki
Iżda
din il-“puppet show” mhix kummiedja tad-daħk.
Hija traġedja tal-biki.
Għax il-poplu mhux qiegħed jintebah li n-nazzjon li b’tant sagrifiċċji bnejna, qiegħed jinħatt biċċa biċċa, u li ruħu wkoll qiegħda tinbiegħ lill-barrani.
Poplu bla ruħ mhux nazzjon.
Nazzjon li jitmexxa mill-barrani, mhux ħieles.
Mingħajr ħelsien mill-barranin, m’aħniex indipendenti.
Bis-sħubija fl-Unjoni, tlifna l-indipendenza u l-ħelsien tagħna, u ħwejjiġna tlaqnihom f’idejn il-barranin.
Sirna nazzjon meta l-mexxejja taghna fatmuna mill-ħalib tal-barranin u għallmuna ngħixu bix-xogħol ta’ dirgħajna u moħħna.
Issa reġgħu
newlulna ż-żejża tal-barranin u ħafna qegħdin jissaraw
min jaħtaf l-aktar minnha minflok jaħdmu bħal ma ħdimna
fl-imgħoddi biex artna tkun tista’ titma’ l-uliedha kollha.
Il-ftit li għandhom biex jixbgħu, qegħdin jagħmlu minn kollox bil-mezzi tal-midja biex jistordu lill-kotra u jġagħluha taħseb li ma hemmx triq aħjar minn dik tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea biex ikollna ħajja aħjar.
Erġajna għall-istorja ta’ l-iskjavi li kienu jħossuhom aktar kuntenti meta s-sidien kienu jiżgurawlhom l-għejxien tagħhom, milli meta nħelsu iżda kellhom jiżguraw ħobżhom bl-inizjattiva tagħhom.
Sakemm huma fehmu li ġieħhom bħala bnedmin ħielsa kien aqwa mill-istonku mimli iżda r-rieda mhux tagħhom.
Rajna mhux f’idejna
Għandna
bżonn infehmu lill-poplu tagħna
* li sakemm nibqgħu fl-Unjoni Ewropea,
* ma nistgħux inbiddlu l-politika ekonomika
* permezz ta’ votazzjoni demokratika f’elezzjoni ġenerali,
* m’għandniex saħħa nfasslu politika kummerċjali
* li tkun ta’ ġid għalina,
* u lanqas għandna s-setgħa li nħaddmu politika fiskali
* li ma tkunx kif l-Unjoni tridha.
Dawn il-ħwejjeġ importanti ħafna barra oħrajn, saru issa bis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni, “reserved matters” għall-Unjoni.
Nistgħu ngħidu li ma għadniex nikkmandaw f’darna, jew aħjar, minn dak li baqa’ minn darna.
L-akbar bank li kellna, ħaduh il-barranin.
Il-barranin imexxu
* l-Posta,
* il-Lottu,
* il-Freeport,
* l-Air Terminal,
* l-Air Malta.
Qegħdin jiftehmu biex it-Maltacom tgħaddi f’idejn il-Cable & Wireless, 30 sena wara li ħadniha minn taħt idejhom.
Il-barranin
jiftħu negozji f’pajjiżna u joqtlu n-negozji tal-Maltin.
Il-barranin jixtru kemm iridu proprjetà f’Malta u l-Maltin ma jlaħħqux mal-prezzijiet tagħhom.
Artna mhux se tibqa’ tagħna.
Lanqas ħallewlna d-dritt li ndaħħlu u nżommu jaħdmu f’pajjiżna lil min ma jieħux ħobż il-Maltin, u ma’ l-immgranti llegali jkollna nimxu kif tgħidilna l-Unjoni Ewropea.
Rajna m’għandux f’idejna.
Rajna jerġa’ jiġi f’idejna meta noħorġu mill-Unjoni Ewropea u nagħmlu ftehim li jaqblilna mal-pajjiżi tagħha.
Jekk għandna r-rieda, għandna s-saħħa nagħmlu dan.
L-UE
timponi t-taxxi
QABEL Malta ssieħbet
fl-Unjoni Ewropea, il-propagandisti ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ l-Unjoni kienu
jiżgurawna li hija ma tindaħalx fit-taxxi li jsiru fil-pajjiżi
membri.
Din kienet waħda mis-sensiela ta’ tagħrif falz li bellgħulna fil-kampanja biex il-poplu jivvota IVA għas-sħubija.
Hija falza, għax
l-Unjoni timponi taxxi li jsiru fil-pajjiżi membri u tikkontrolla x’eżenzjonijiet
jingħataw minnhom.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, anki l-Knisja Kattolika fi Spanja ġarrbet l-indħil dirett ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-ħlas tat-taxxa tal-VAT fuq ċerti fornimenti ta’ prodotti li jsirulha.
L-Unjoni oġġezzjonat għall-eżenzjonijiet mogħtija lill-Knisja Kattolika mill-ħlas tal-VAT.
L-Unjoni qiegħda
tinsisti mal-Gvern Spanjol u s-Santa Sede fil-ftehim li kienu għamlu dwar
l-affarijiet ekonomiċi fis-sena 1979.
L-Unjoni Ewropea qiegħda ssostni li dawn l-eżenzjonijiet mill-ħlas tat-taxxa tal-VAT ma jaqblux mar-regoli ta’ l-Unjoni dwar il-VAT.
L-Unjoni qiegħda thedded
lill-Gvern Spanjol li tieħdu l-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni jekk
il-Gvern ma jneħħix l-eżenzjonijiet fi żmien xahrejn oħra.
Anki f’Malta sibna li l-Unjoni tindaħal fit-taxxi li jsirulna.
Hija ġegħlet lill-Gvern Malti jneħħi t-taxxa fuq id-dixxijiet tat-television.
Fl-istess ħin, hija ġegħlet lill-Gvern Malti jagħmel taxxa fuq il-prodotti taż-żejt minkejja ż-żieda fil-prezz taż-żejt.
Bl-istess mod l-Unjoni ġegħlet lill-Gvern idaħħal it-taxxa tal-VAT f’Malta, u saħansitra li jintaxxa l-ikel fir-ristoranti, il-lezzjonijiet tat-tagħlim, u l-kotba tat-tagħlim.
'Il quddiem, se jkunu ntaxxati wkoll il-mediċini.
Is-sena l-oħra mponiet fuqna l-ECO Tax.
U fiż-żmien li ġej, twikkielna
taxxi oħrajn.
F’kull pajjiż li ssieħeb fl-Unjoni
Ewropea, it-taxxi żdiedu mhux naqsu.
L-istes qiegħed jiġri f’Malta.
Għax hekk ordnat l-Unjoni, meta tmur għand avukat, trid tħallas lilu u taxxa ta’ 18 fil-mija fuq il-ħlas tiegħu, lill-Gvern.
L-istess ikollok tagħmel jekk tqabbad perit.
Għal kull Lm100 li tagħtih, trid tagħti Lm18 lill-Gvern.
Fuq l-ispejjeż tat-tieġ, trid tħallas 18 fil-mija lill-Gvern.
L-Unjoni tieħu persentaġġ
minn dak li nħallsu lill-Gvern.
Jekk jidhrilna li mhux sew li nkomplu nħallsu dawn it-taxxi fuq is-servizzi li għandna bżonn, ma nistgħux nieqfu li nħallsuhom, sakemm nibqgħu mseħbin fl-UE.
Meta noħorġu mill-Unjoni, inkunu nistgħu niddeċiedu aħna x’ghandna nintaxxaw, u x’ma għandninex nintaxxaw.
Sakemm inkunu fl-Unjoni, il-poplu tagħna m’għandux setgħa jiddeċedi huwa.
Is-Sibt, 7 ta’ Jannar, 2006.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola liċ-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ