MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
Bla
Tarzna ma ngħaddux
minn
KARMENU MIFSUD BONNICI
L-Unjoni
Ewropea ma tridx li t-Tarzna tingħata għajnuna finanzjarja wara Diċembru
tas-sena d-dieħla.
Pajjiżna jagħmel żball kbir jekk joqgħod għal li trid l-Unjoni dwar it-Tarzna.
Għax
it-Tarzna għandha titqies li hija l-aqwa skola tas-snajja' li pajjiżna
jista' qatt ikollu, u t-taħriġ tekniku prattiku li ż-żgħażagħ
jistgħu jiksbu fit-Tarzna, qatt ma jistgħu jeħduh fil-Kulleġġ
tat-Teknoloġija u fil-Fakultà tax-Xjenzi fl-Università, jew imkien ieħor.
Ikun ta' siwi ħafna jekk inħejju ż-żgħażagħ
tagħna fis-snajja' u fit-teknoloġija b'taħriġ prattiku fil-ħwienet
tax-xogħol tat-Tarzna, flimkien mat-tagħlim li jingħataw
fil-Kulleġġ tat-Teknoloġija u fl-Università.
Jekk
nagħmlu dan, inkunu nistgħu nagħtu għajnuna finanzjarja
lit-Tarzna talli tkun qiegħda tħarrġilna l-imgħallmin
tas-snajja' ta' għada u t-tekniċi li pajjiżna jeħtieġ
fis-snin li ġejjin.
L-Unjoni Ewropea ma jkollhiex raġun toġġezzjona għall-għoti
ta' fondi pubbliċi lit-Tarzna li tkun il-‘workshop’ tal-Kulleġġ
tat-Teknoloġija u ta' l-Università.
Hekk
kif lill-Kulleġġ u l-Università jingħataw fondi pubbliċi għat-tagħlim
teoretiku fis-snajja', fix-xjenzi u fit-teknoloġija, it-Tarzna tkun tista'
tingħata fondi pubbliċi għal dak it-taħriġ prattiku meħtieġ
biex jikkumplimenta t-tagħlim teoretiku mogħti fil-Kulleġġ u
fl-Università.
Ikun aħjar għal pajjiżna jekk il-miljuni li għandna nonfqu
biex nibnu u nfornu b'impjant modern il-‘workshops’ fil-Kulleġġ
tat-Teknoloġija, nonfquhom billi nfornu b'impjant modern il-‘workshops’
fit-Tarzna għat-taħriġ prattiku taż-żgħażagħ
tagħna fis-snajja' u fit-teknoloġija, barra li jservu għat-tiswija
u l-bini tal-vapuri.
Lill-Unjoni Ewropea għandna nfehmuha li pajjiżna jitfaqqar mhux bl-għoti tal-fondi lit-Tarzna, iżda bl-għeluq tat-Tarzna jekk ma nagħtuhiex għajnuna.
Ngħidulha lill-Unjoni li l-għajnuna mogħtija lit-Tarzna li tħarreġġ liż-żgħażagħ tagħna fis-snajja' u fit-teknoloġija, hija investiment li jirrendi lill-pajjiż, bħal ma huwa investiment l-infiq li nagħmlu fl-iskejjel, fil-kulleġġi u fl-Università.
B'dan
il-mod, fl-Estimi ta' kull sena tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, fil-voti ta'
l-infiq kapitali u ta' l-ispejjeż rikorrenti ta' l-iskejjel, kulleġġi
u l-Università, inkunu nistgħu ninkludu l-infiq ta' natura kapitali għall-immodernizzar
tat-Tarzna u l-ħlas ta' parti mill-ispejjeż rikorrenti tat-Tarzna, li
titqies bħala 'workshop' tal-Kulleġġ tat-Teknoloġija u ta'
l-Università.
Ma' l-Unjoni Ewropea għandna nsostnu li pajjiżna għandu bżonn
nies tas-sengħa u nies tekniċi, u mhux biss impjegati f'uffiċini
u fil-ħwienet.
Nuruha lill-Unjoni li m'aħniex lesti nikkuntentaw li jerġa' jkollna mijiet ta' ħaddiema tas-sengħa li jiġu sparpaljati f'xogħol mhux tas-sengħa f'uffiċini governattivi u parastatali biex ma jiġux qegħda, iżda xorta waħda jitħallsu minn fondi pubbliċi, basta ma jibqgħux jitħallsu mit-Tarzna bis-saħħa tas-sussidju mogħti lilha.
In-nies
tas-sengħa u n-nies tekniċi għandhom jitqiesu li jagħtu
"servizz essenzjali" għall-iżvilupp u l-progress
tan-nazzjon.
Mingħajr l-Unjoni Ewropea, Malta tgħaddi.
Mingħajr
it-Tarzna ma tgħaddix.
L-Unjoni
Ewropea tgħollilna l-ħajja
Waħda mill-agħar konsegwenzi tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea hija l-għoli tal-ħajja.
Għax
il-politika li biha l-Unjoni ġġiegħel li l-pajjiżi membri
jdaħħlu t-taxxa tal-VAT fuq il-prodotti u s-servizzi, iżżid
il-prezzijiet u għalhekk tgħolli l-ħajja.
Il-ħajja f'pajjiżna ma kinitx tkun għolja daqs li hija llum,
kieku ma daħħalniex it-taxxa tal-VAT li riedet l-Unjoni Ewropea.
Għalhekk
li kieku m'aħniex imseħbin fl-Unjoni, ma kienx ikollna l-għoli
tal-ħajja li qed jifni l-familji llum.
Biex wieħed jifhem kemm it-taxxa ordnata mill-Unjoni tal-VAT għolliet
il-ħajja, wieħed kull ma għandu jagħmel hu li jara kemm qegħdin
jinġabru miljuni mill-VAT.
Skond l-Estimi tal-Gvern, fis-sena d-dieħla l-Gvern għandu jdaħħal
191 miljun lira Maltin mit-taxxa tal-VAT.
Għalhekk, mingħajr il-VAT, konna nħallsu
191 miljun lira anqas
fuq il-prodotti u s-servizzi li nixtru matul is-sena d-dieħla,
u l-prezzijiet tagħhom
kienu
jkunu orħos b'191
miljun liri.
Meta neħħewlna
l-‘import levies’, qalulna li l-prezzijiet se jonqsu.
Mill-‘import levies’ il-Gvern ma kienx idaħħal kwart tal-miljuni li jdaħħal mill-VAT
(anqas minn 48 miljun lira).
Għalhekk bil-VAT, anke wara li tnaqqas x'ġie ffrankat mil-‘levies’,
il-ħajja għolietilna bi 143 miljun lira,
li tirrappreżenta d-differenza bejn l-ammont miġbur mill-VAT u l-ammont li kien jidħol mil-‘levies’
(Lm191
miljun minn Lm48 miljun).
Iżda l-UE mhix kuntenta li għollietilna l-ħajja
b'Lm143 miljun fis-sena.

Hi
trid li fi ftit ta' żmien ieħor nagħmlu t-taxxa tal-VAT
* fuq il-prodotti kollha ta' ikel u
* fuq il-mediċini kollha.
Barra dan, l-UE qiegħda ġġiegħlna bilfors inħallsu
* taxxi u
* 'levies',
u
b'hekk inħallsu aktar miljuni, fi prezzijiet ogħla
*
tal-petrol,
* diżil,
* pitrolju u
* l-prodotti l-oħrajn taż-żejt, u
* għall-elettriku u
* għall-ilma
li
fil-produzzjoni tagħhom jintuża l-fjuwil.
Il-propagandisti ta' l-UE jaħbu dan kollu mill-poplu għax jekk
il-poplu jkun jaf kif il-politika ta' l-Unjoni qiegħda tgħollilu l-ħajja,
jirvella kontra l-Unjoni u kontra l-politika skandaluża tagħha, li aħna
jkollna nsegwu sakemm nibqgħu msieħba fl-Unjoni.
Anki l-Ewro se jkompli jgħollilna l-ħajja.
Prova ta' dan insibuha fiż-żieda li l-Gvern ta għall-għoli tal-ħajja fl-aħħar baġit.
Il-Gvern
ta
nofs lira għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja ta' din
is-sena, u lira għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja tas-sena
d-dieħla.
Jiġifieri l-Gvern stess ammetta li ż-żieda fl-għoli tal-ħajja se tkun id-doppju ta' dik li kienet f'din is-sena.
Għax
is-sena d-dieħla se ndaħħlu l-Ewro.
L-Unjoni
Ewropea tgħin l-immigrazzjoni illegali
IL-PROBLEMA
ta' l-immigrazzjoni illegali qiegħda taggrava ruħha f'pajjiżna, u
l-akbar tort ta' dan huwa ta' l-Unjoni Ewropea, u wara, ta' dawk fostna li aċċettaw
li nimxu skond il-politika u r-regoli ta' l-Unjoni fil-qasam ta'
l-immigrazzjoni.
Fl-ewwel lok għandna nifhmu li l-interessi ta' l-Unjoni rigward
l-immigrazzjoni huma għal kollox opposti għal dawk ta' Malta.
L-Unjoni għandha ħtieġa kbira ta' l-immigranti biex dawn jagħmlu tajjeb għat-tnaqqis fil-popolazzjoni ta' ħafna mill-pajjiżi ta' l-Unjoni.
Għall-kuntrarju,
pajjiżna mhux biss m'għandux bżonn immigranti, iżda ma jiflaħx
jieħu immigranti minħabba d-daqs tal-popolazzjoni li għandna u li
dejjem tikber kull sena.
L-Unjoni Ewropea ma tridx twaqqaf id-dħul ta' l-immigranti għax jiswew
għat-tkabbir ta' l-ekonomija tagħha.
Sakemm
il-pajjiżi ta' l-Unjoni jaslu fi ftehim komuni għalihom kif jirregolaw
l-immigrazzjoni, il-politika ta' l-Unjoni se tibqa' tħalli għaddejja
l-immigrazzjoni illegali billi jqisuha attività irregolari, mhux attività
illegali.
L-Unjoni Ewropea qiegħda tagħti fondi lill-pajjiżi membri, inkluża
Malta, biex jieħdu ħsieb l-immigranti illegali u biex jirregolarizzaw
il-ħajja tagħhom fil-pajjiżi ta' l-Unjoni.
Għalhekk
l-Unjoni mhux qiegħda tuża l-fondi ħalli twaqqaf l-immigrazzjoni
illegali, iżda qiegħda tużahom ħalli l-immigranti jkollhom għixien
aktar diċenti fejn jinżammu, u ħalli wara ftit ta' żmien, ma
jibqgħux maqfulin f'ċentri ta' detenzjoni magħluqa, u ħalli
jinżammu f'oħrajn miftuħa, u wara ftit ta' żmien, ħalli
jingħataw ix-xogħol u l-benefiċċji soċjali kollha,
sakemm ma jitqisux aktar immigranti, u jitqiesu barranin jgħixu regolari
fil-pajjiżi ta' l-Unjoni.
Din hija l-politika li l-Unjoni Ewropea tridna li nwettqu f'pajjiżna,
mentri mhux fl-interess tal-poplu tagħna li Malta ssegwi din il-politika
ta' l-Unjoni.
L-interessi
tal-poplu tagħna huma li għandu jkollna tolleranza żero għall-immigrazzjoni
illegali, u mhux it-tolleranza wiesgħa ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan huwa l-punt fondamentali ta' differenza bejn il-politika ta' l-Unjoni u l-politika li għandha tkun ta' Malta dwar l-immigrazzjoni.
Jekk
ma nifhmux din id-differenza, inkomplu nagħmlu l-iżbalji li
nippermettu l-immigranti illegali jibqgħu f'pajjiżna u nkomplu
nippermettu li jiżdiedu sena wara l-oħra.
Il-ġimgħa l-oħra smajna l-ftaħir li qegħdin jinbnew faċilitajiet
ġodda għall-immigranti illegali f'Ħal Far għand l-Armata u
f'Ta' Kandja għand il-Pulizija, u li nistennew 1,700 immigrant is-sena
d-dieħla.
B'dan
qegħdin nogħġbu lill-Unjoni Ewropea, iżda qegħdin
nittradixxu lill-poplu Malti billi qegħdin inkabbrulu l-problemi li għandu
llum, u niżgurawlu problemi soċjali akbar fil-ġejjieni.
Aktar
tagħrif dwar l-UE
Difiża
Dan
l-aħħar l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li għas-sena 2008
żżid l-ispiża fil-qasam tad-difiża b'10 miljun Ewro għall-ammont
ta' 32 miljun Ewro.
Fis-sena
li qegħdin fiha l-ispiża hija ta' 22 miljun Ewro.
Fl-Unjoni hemm pajjiżi membri li ma jħallsux sehemhom mill-ispiża
tad-difiża ta' l-Unjoni.
Iżda
Malta mhix waħda minnhom, u għalkemm il-Kostituzzjoni Maltija ma
tippermettix li l-pajjiż jieħu sehem f'alleanzi militari, Malta qiegħda
tieħu sehem fil-ħlas ta' l-ispiża tad-difiża ta' l-Unjoni.
Fabbriki
L-Unjoni
Ewropea qiegħda tipproponi li taddotta politika li tkompli tħott
l-impriżi tal-manifattura fil-pajjiżi ta' l-Unjoni u tgħin biex
jitwaqqfu f'pajjiżi barra l-Unjoni fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol
tal-ħaddiema huma ħżiena u l-pagi baxxi ħafna.
Skond
il-politika li l-Unjoni qiegħda tipproponi, fabbriki miftuħin f'pajjiżi
barra l-Unjoni minn kumpaniji Ewropej reġistrati f'pajjiżi ta'
l-Unjoni, jitqiesu l-istess bħall-fabbriki Ewropej fl-Unjoni.
Il-prodotti maħdumin f'dawn il-fabbriki f'pajjiżi barra l-Unjoni,
jitqiesu li huma prodotti maħdumin fl-Unjoni u jidħlu fl-Unjoni mingħajr
ebda tariffi u mingħajr limiti ta' kwoti.
B'din
il-politika, kumpaniji Ewropej ikomplu jnaqqsu l-postijiet ta' xogħol
f'fabbriki fl-Unjoni, u minflok jiftħu fabbriki barra l-Unjoni.
Ħaddiema
barranin
Dan
l-aħħar intqal fil-Parlament Malti li f'din is-sena nħarġu
madwar 8,000 permess għal barranin biex jaħdmu f'Malta.
Inħarġu
permessi saħansitra għal 'cleaners' barranin.
Sa ftit ta' żmien ilu l-propagandisti ta' l-Unjoni Ewropea kienu
jikkritikaw lil dawk li qabel ir-Referendum ta' l-2003 kienu jsostnu li bis-sħubija
fl-Unjoni, pajjiżna se jinfetaħ għal eluf ta' barranin li jiġu
jieħdu x-xogħol tal-Maltin.
Iż-żmien
ta raġun lil min kien iwissi b'din it-theddida, u llum il-propagandisti ta'
l-Unjoni waqgħu fil-muta dwar l-ammont ta' ħaddiema barranin li ġejjin
f'pajjiżna minħabba s-sħubija tagħna fl-Unjoni.
Lussemburgu
Il-Lussemburgu huwa l-iżgħar pajjiż wara Malta fl-Unjoni Ewropea.
Minkejja ċ-ċokon tiegħu, huwa għandu l-ogħla livell ta' l-għixien fl-Unjoni.
Minkejja
l-ġid li għandu, huwa jirċievi mill-Unjoni kull sena fondi kbar
ħafna, bil-bosta ħafna aktar minn dawk mogħtijin lil Malta li għandha
livell ta' l-għixien lanqas in-nofs dak ta' Lussemburgu.
Osservaturi ħafna darbi kkritikaw lill-Unjoni li titratta ħażin
ma' Malta meta jqabblu kif tittratta mal-Lussemburgu.
Il-Ħamis, 6 ta' Dicembru, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ