MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

       

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Taxxa ambjentali jew diskriminatorja?

 

Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista, Joseph Muscat, fl-artiklu tiegħu f’ l-orizzont tas-26 ta’ April kiteb favur il-pjan tal-Kummissjoni Ewropea, li fuq perjodu tas-snin titneħħa t-taxxa ta’ reġistrazzjoni meta persuna tixtri karozza ġdida.

Joseph Muscat kiteb ukoll li biex stati-membri ma jitilfux id-dħul ta’ flus li kienu jdaħħlu minn din it-taxxa, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi li tiddaħħal “Taxxa Ambjentali”.

 

F’hiex se tkun tikkonsisti din it-taxxa ambjentali, Joseph Muscat ma spjegax, ħalli l-qarrejja jsiru jafu verament jekk din it-taxxa ġdida – f’każ li l-istati membri kollha jaqblu magħha – tkunx fl-interess tagħhom personalment jew le.

Joseph Muscat kiteb biss li din it-“Taxxa Ambjentali” tkun fl-interess tal-konsumatur, la tkun se titneħħa t-taxxa tar-reġistrazzjoni. 

 

Tajjeb li wieħed jispjega kollox.

 

“Konsumatur” huwa kull wieħed u waħda minna. 

 

Kemm dawk l-għonjin ħafna, kemm dwak li jaqilgħuha u jiekluha u kemm dwak li m’għandhomx għaxja ta’ lejla. 

 

Għaldaqstant mhux bilfors li dak li jaqbel għal wieħed ikun jaqbel ghal ieħor.

Jekk niftakar tajjeb, din it-taxxa ambjentali li tista’ tissostitwixxi t-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-karozzi, huwa maħsub li tkun fuq kemm iddaħħan il-karozza. 

 

Kif ukoll fuq kemm tuża l-karozza! 

 

Jekk hu hekk, se jiġu vvantaġġjati bil-kbir dawk is-sinjuruni kbar li normalment ibiddlu l-karozza kull sentejn jew tliet snin biex dejjem ikollhom l-aħħar mudell, u qatt ma jkollhom problemi serji fil-karozza.

Meta karozza tkun ilha fit-triq, sentejn jew tliet snin biss, din ma ddaħħanx. 

 

Allura jista’ jkun – anzi suppost hekk tkun – li jew ma tħallas xejn minħabba d-duħħan jew tħallas l-inqas “taxxa ambjentali” possibbli.

Iżda dawk “il-konsumaturi” li jistgħu biss jixtru karozza ġdida kull għaxar snin jew 15-il sena, jew jistgħu biss jixtru karozza diġà wżata, dawn żgur ikollhom iħallsu “taxxa ambjentali” ferm aktar għolja – għax il-karozza tkun iddaħħan ferm aktar.

U nistaqsu wkoll, veru li hemm il-ħsieb li tidħol “taxxa ambjentali” anki fuq kemm wieħed juża l-karozza? 

 

Jekk huwa veru, anki din tkun tiddiskrimina. 

 

Għax waqt li s-sinjuri xorta jistgħu jibqgħu jużaw il-karozzi tagħhom kemm jidhrilhom – għax jifilħu jħallsu u l-ħlas ma jaffettwa bl-ebda mod il-livell ta’ għajxien tagħhom – il-povru ħaddiem u pensjonant ikollu bilfors juża l-karozza bir-”ration”, ferm aktar milli diġà qiegħed jagħmel illum!

Għalhekk tajjeb li Joseph Muscat jispjega eżatt id-dettalji ta’ din it-“taxxa ambjentali”. 

 

Għax jista’ jiġri li din tkun aktar diskriminatorja milli ambjentali.

 

Il-multi li se neħlu minħabba l-Ewro!

 

Aħna diġà tkellimna dwar il-multa ta’ madwar għaxar miljun fis-sena meta tiddaħħal il-munita Ewro f’pajjiżna. 

 

Dan minħabba l-ammont ferm kbir ta’ liri Maltin li għandna fiċ-ċirkolazzjoni f’pajjiżna – Lm520 miljun. 

 

U dan meta skond ir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea suppost li għandna Lm144 miljun.

`Dawn id-dettalji ħadnihom minn artiklu stupend li kiteb il-korrispondent Joe Sammut fil-ħarġa ta’ l-orizzont ta’ l-10 ta’ April. 

 

Wara li mbagħad tkellmu wkoll il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni dwar din il-materja, kemm il-Ministru tal-Finanzi u l-Bank Ċentrali ta’ Malta ħarġu stqarrija li fis-sustanza ma giddbu xejn minn dak li nkiteb u ntqal mill-awditur u ‘accountant’ Joe Sammut u minn Dr Alfred Sant.

Kull m’għamlu hu li qalu li bil-mod kif inħadmu, jekk Malta se tintlaqat u kemm se titlaqat “huwa kompless ħafna” u għalhekk wieħed ma jistax jgħid minn issa!

Iżda l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali qal lil uħud mill-uffiċjali għoljin tal-Bank li x’aktarx meta tidħol l-Ewro il-Bank kien se jagħmel telf u mhux profitt.

Biex issa jipprovaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel, ħareġ il-ġurnal The Times tas-27 ta’ April fejn Ivan Camilleri minn Brussels ikkwota “sorsi” mill-Bank Ċentrali Ewropew li qalu hekk:-

“Għalhekk huwa mpossibbli li wieħed jgħid preċiżament jekk Malta hiex se tkun agħar mil-lum f’termini assoluti fl-aħħar mill-aħħar. 

 

U jekk jiġri hekk, b’kemm (se tkun ħażin)”.

Dawn is-“sorsi” tal-Bank Ċentrali Ewropew qishom qiegħdin jgħidulna “ma tistgħux tgħidu minn issa li jekk taqbżu minn fuq il-bejt għal isfel, inthomx se tweġġghu. 

 

Tkunu tafu korrejtux jew le – u kemm korrejtu – wara li taqbżu.”

Allura mhux loġiku li aħjar bqajna kif aħna biex ma nissugrawx li bil-waqgħa nkorru gravi?!

 

L-HSBC jinvesti flus li suppost tagħna!

 

Il-Ministru Austin Gatt u l-mexxejja ta’ l-HSBC ħabbru investiment ta’ 7 miljun Ewro (Lm 3 miljun) f’“Call Centre Globali” f’Malta. 

 

Dan l-investiment mistenni joħloq sa 350 impjieg ‘full-time’ u kemm ‘part time’ ma ntqalx.

Jekk wieħed jiftakar ftit kif l-HSBC kienu xtraw il-Mid-Med għas-somma ta’ Lm80 miljun, li esperti ekonomiċi u finanzjarji kienu ddiskrivew dik is-somma bħala waħda redikola għax il-Mid-Med Bank kien jiswa ferm aktar minn hekk - madwar id-doppju, allura s-somma ta’ Lm 3 miljun li se jinvestu hija persentaġġ żgħir mill-miljuni kbar li ffrankaw meta xtraw il-Mid-med Bank!

U meta jitqies li meta bdew joperaw f’Malta ħelsu minn mijiet mill-ħaddiema li kienu jaħdmu mal-Mid-Med Bank allura t-350 impjieg lanqas huma biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għall-impjiegi li naqqsu meta ħadu l-Mid-Med Bank f’idejhom. 

 

U l-impjiegi mal-Mid-Med Bank kienu kważi kollha ‘full time’ u dawn li se jinħolqu issa żgur li se jkun hemm ħafna minnhom ‘part time’. 

 

Għax hekk jaħdem l-HSBC biex dejjem ikabbar il-profitti tiegħu u li jispiċċaw fil-parti kbira tagħhom barra minn Malta.

Din hija storja oħra b’riżultat tal-politika ta’ l-UE dwar il-privatizzazzjoni!

 

Is-Sibt, 6 ta’ Mejju, 2006.

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ