MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.
Is-CNI tfakkar il-ħelsien ta' pajjiżna
FIT-30 ta' Marzu membri tal-Kumitat tas-CNI
marru jqiegħdu kuruna tal-fjuri fuq il-Monument tal-Ħelsien fil-Birgu.
Għas-CNI, Jum il-Ħelsien ma hux biss il-jum li fih is-suldati Ingliżi ħallew lil Malta.
Il-ħelsien tal-poplu jfisser li l-poplu Malti għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu ħa rajħ f'idejh ħalli jitmexxa skond ir-rieda demokratika tal-Maltin.
Bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-poplu Malti ċeda rajh f'idejn il-barranin ta' l-Unjoni. Għalhekk tlifna l-indipendenza u l-ħelsien.
F'Jum il-Ħelsien is-CNI ġedded ir-rieda li tkompli tiġġieled ħalli l-Maltin jerġgħu jiksbu lura l-ħelsien li ħaddieħor aċċetta li ntilef.
Fuq il-kuruna li l-membri tal-Kumitat tas-CNI poġġew fuq il-Monument tal-Ħelsien hemm il-kitba:
"Malta tal-Maltin, bil-vot favur, tingħata lill-barranin."
Imxandrin tliet rapporti dwar il-Kostituzzjoni ta' l-UE
IT-TLIET rapporti dwar il-Kostituzzjoni ġdida
ta' l-Unjoni Ewropea li l-mexxejja tal-Partit Laburista xandru l-ġimgħa
l-oħra, huma diżappuntanti ħafna.
Wieħed minnnhom mhux dwar il-kwistjoni li hawn Malta fuq il-Kostituzzjoni.
L-awtur tiegħu jitkellem biss dwar x'jingħad fil-pajjiżi l-oħrajn ta' l-Unjoni fuq ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ta' l-UE.
Ir-rapport mhux relevanti għalina.

Iż-żewġ rapporti l-oħrajn
huma, wieħed legali, miktub minn
Dr Joe Brincat
u l-ieħor politiku miktub minn
Dr George Vella.
Ir-rapport legali tlesta qabel it-12 ta'
Ottubru 2004, madwar sitt xhur ilu.
Dak politiku jġib id-data tad-29 ta'
Ottubru 2004, hames xhur ilu.
L-ewwel mistoqsija li tqum hija, għaliex tħallew jgħaddu dawn ix-xhur kollha biex dawn ir-rapporti jixxandru?
Meta wieħed jaqra ż-żewġ rapporti, mill-ewwel jintebaħ li ż-żmien li għadda minn meta nkitbu għal meta xxandru, intilef mingħajr ħadd ma ta każ li jikkoreġi kwantita` ta' żbalji u jbiddel, fil-każ ta' wieħed minnhom, in-numri ta' l-artikli tal-Kostituzzjoni ta' l-UE li jirreferi għalihom, għax fit-text finali tal-Kostituzzjoni, in-numri ta' l-artiklu tbiddlu.
Jekk min jaqra dan ir-rapport jipprova jaqra l-artikli tal-Kostituzzjoni skond in-numri mogħtija fir-rapport, jitħawwad u ma jsibx irkaptu.
Huwa għajb li ħadd ma ndenja ruħu jagħmel ir-'re-numbering' li kien meħtieġ.
Wieħed mir-rapporti huwa ppreżentat bħal evalwazzjoni magħmula mill-Partit Laburista tat-trattat tal-Kostituzzjoni għall-Ewropa.
Iżda l-awtur tar-rapport jistqarr fih li
l-opinjonijiet li hemm fir-rapport huma dawk tiegħu personali.
Mhux sew li tingħata l-impressjoni li l-konklużjonijiet li għalihom wasal l-awtur tar-rapport, jaqbel magħhom il-Partit Laburista.
Kif lanqas mhux sew li jingħad li rapport minnhom huwa miktub minn persuna waħda biss.
Il-Partit Laburista jixraqlu serjeta` akbar.
X'tgħid is-CNI dwar il-Kostituzzjoni ta' l-UE
IL-MEXXEJ tal-Partit Laburista ftaħar li se jagħti hafna anqas importanza għal dak li s-CNI tgħid dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE u se jagħti importanza kbira dak li jgħidu l-membri tal-Partit.
Xorta waħda aħna se nkomplu ngħidu lill-poplu kif is-CNI taħsibha dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE.
L-ewwel ma ngħidu huwa li l-Kostituzzjoni se tagħmel Unjoni differenti minn dik li l-Unjoni hija llum.
Skond il-Kostituzzjoni, l-Unjoni se jkollha aktar setgħat mill-Unjoni tal-lum.
Dan ifisser li l-pajjiżi imseħbin, bħal Malta, jibqgħalhom anqas setgħat.
Għal min bħalna jgħożż id-dritt li l-poplu Malti jiddeċiedi ħwejgu, dan l-iżvilupp mhux aċċettabbli.
Fit-tieni lok ngħidu li l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE iżżid in-numru ta' każi li fihom l-Unjoni tiddeċiedi skond il-maġġoranza u mhux bil-qbil tal-pajjiżi mseħbin kollha.
Dan ifisser li Malta tista' ssib ruħa f'numru ta' każi li ma tkunx qiegħda taqbel mal-maġġoranza u xorta waħda l-poplu Malti jkollu joqgħod għal dak li tiddeċiedi l-maġġoranza tal-barranin.
Għal min bħalna jgħozz il-ħelsien tal-poplu Malti, dan l-iżvilupp mhux aċċettabbli.
Fit-tielet lok is-CNI ma taqbel qatt li dak li l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE tgħid li l-liġijiet tagħha li jkunu kontra l-Kostituzzjoni ta' Malta, jegħlbu l-Kostituzzjoni Maltija.
Min ma jridx jittradixxi l-Kostituzzjoni ta' Malta, ma jistax jaċċetta li l-Kostituzzjoni tagħna ma tibqax superjuri dejjem.
Min ħalef li jkun leali u fidili lejn il-Kostituzzjoni ta' Malta, m'għandux jikser il-ġurament li ħa.
Min ma jridx imur kontra r-rieda ta' l-eluf
ta' Laburisti li vvutaw LE
fir-referendum, m'għandux jaċċetta t-tkażbir
tal-Kostituzzjoni tagħna bħala effett tas-sħubija fl-Unjoni.
Min bħalna jemmen li n-newtralita` hija
l-unika tarka għall-ħarsien u s-sliem ta' Malta ma jistax jivvota
favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE li timponi fuq Malta li tappoġġja
bla rizervi l-politika barranija komuni ta' l-Unjoni li mhix politika ta'
newtralita`.
Min bħalna jifhem li l-armi u l-armamenti jwasslu għall-gwerer, m'għandux japprova l-Kostituzzjoni ġdida li timmilitarizza lill-Unjoni Ewropea ħalli tkun kapaċi tibgħat l-armata tagħha tiġġieled lil hinn mill-pajjiżi mseħbin fl-Unjoni.
Jekk il-mexxej Laburista mhux lest jagħti importanza lil dawn il-fehmiet tas-CNI, x'jgħidu l-eluf tal-membri tal-Partit, li żgur għandhom l-istess fehmiet tas-CNI.
Kienet froġa jew rebħa?
IL-ĦADD li għadda Dr Alfred Sant
kiteb hekk dwar is-CNI.
"Se nagħti ħafna anqas importanza lil dak li se jgħidu tas-CNI, u bir-raġun. Fl-aqwa żmien, lejn l-aqwa tal-kampanja għar-referendum u għall-elezzjoni ġenerali tas-sena 2003, lil tas-CNI ma kont issibhom imkien. Uħud mid-diriġenti tagħhom attendew laqgħat fil-pjazez fejn sar kliem kontra l-Partit Laburista u żebliegħ lit-tmexxija Laburista. Kienu laqgħat li taw palata kbira lill-kamp ta' l-IVA. Li llum, wara li saret il-froġa, tas-CNI jippretendu li jgħidulna x'inhu l-aħjar nagħmlu dwar it-trattat Kostituzzjonali Ewropew ma nniżżilhiex."
Dr Sant huwa żbaljat.
Mhux veru li s-CNI
ma kont issibhom imkien fl-aqwa tal-kampanja għar-referendum.
Sa lejlet ir-referendum, is-CNI
baqgħet torganizza laqgħat pubbliċi kontra s-sħubija ta'
Malta fl-UE.
Tas-CNI
baqgħu jieħdu sehem, kull meta stiednuhom, fid-diskussjonijiet fuq
it-televiżjoni u r-radju u tkellmu kontra s-sħubija.
Tas-CNI għamlu billboard kontra s-sħubija u kitbu fil-gazzetti jikkritikaw l-Unjoni Ewropea.
Bejn ir-referendum tat-8 ta' Marzu u l-elezzjoni ġenerali tat-12 ta' April, 2003, is-CNI ma setgħetx tieħu parti uffiċjalment fil-kampanja elettorali, minħabba l-fatt li l-membri tas-CNI kienu jappartjenu kemm lill-Partit Nazzjonalista, kif ukoll lill-Partit Laburista.
B'danakollu, mis-CNI
ħargu għall-elezzjoni ġenerali erba' kandidati mal-Partit
Laburista.


Dawn kienu: Tony Agius Decelis, Sharon Ellul
Bonici, Jesmar Baldacchino u Lorna Vassallo.
Dak in-nhar Dr Sant sabhom lil tas-CNI.
Illum qiegħed jiċħad dik
il-verita`.
Nistennew li tnejn mill-ex dirigenti tas-CNI li llum huma membri ta' l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista jikkoreġuh lil Dr Sant.
Dr Sant qal li wħud mid-diriġenti tas-CNI attendew laqgħat fil-pjazez fejn sar kliem kontra l-Partit Laburista u żebliegħ lit-tmexxija Laburista.
Aħna nifhmu li b'dan il-kliem Dr Sant kien qiegħed jirreferi għal Karmenu Mifsud Bonnici u għall-meetings tal-Front Maltin Inqumu.

Dr Sant jaf li Karmenu Mifsud Bonnici kien
irriżenja mill-kariga ta' Chairman tas-CNI
meta ngħaqad mal-Perit Dom Mintoff biex waqqfu l-Front Maltin Inqumu.
Għalhekk meta Karmenu Mifsud Bonnici ħa sehem fid-39 meeting pubbliku li l-Front għamel f'Malta u Għawdex, ma kienx wieħed mid-diriġenti tas-CNI.
Sa fejn nafu aħna, fil-meetings tal-Front, filwaqt li kienet issir kritika anki ħarxa għat-tmexxija hażina ta' Dr Sant, dejjem sar appell biex il-poplu jivvota LE għas-sħubija fir-referendum u biex jivvota ghall-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali.
Għalhekk huwa wkoll żbaljat Dr Sant meta jgħid li l-laqgħat pubbliċi tal-Front (mhux tas-CNI) taw palata kbira lill-kamp ta' l-IVA.
Dan mhu veru xejn.
Lil Dr Sant infakkruh f'dak li huwa jaf iżda ma jgħidx.
Taw palata lill-kamp ta' l-IVA mhux x'uħud mid-diriġenti tas-CNI, iżda x'uħud minn ta' madwaru fil-Partit Laburista li ma mxewx mal-linja tal-Partit u l-uffiċjali tal-Partit Soċjalista Ewropew li ġew Malta u għamlu propaganda favur sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Imbagħad ngħidu lil Dr Sant.
Mela nesa kemm ftaħar li l-Partit
Laburista kien rebaħ ir-referendum?
Allura issa kif qiegħed jikteb li fir-referendum saret froġa.
Kienet froga jew rebha?
L-Erbgħa, 6 ta' April, 2005.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju
Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ