MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000
Fl-interess nazzjonali t-Tarzna għandha tibqa’ topera
minn Karmenu Mifsud Bonnici - Kampanja Ħelsien Nazzjonali
Fl-interess nazzjonali tagħna t-Tarzna għandha tkompli topera.
Ebda regolamenti u ebda politika ta’ l-Unjoni Ewropea ma għandhom jegħlbu l-interess nazzjonali tagħna.
Għalhekk
wara Diċembru ta’ din is-sena għandna niżguraw li t-Tarzna ma
tagħlaqx għax hekk trid l-Unjoni.
Wara kollox għaliex l-Unjoni ma tridx li t-Tarzna tkompli tingħata għajnuna?
Ir-raġuni li l-Unjoni tagħti għal dan hija li l-istat ma għandux jagħti għajnuna lill-intrapriża kummerċjali.
U għaliex l-Unjoni ma tridx li intrapriża kummerċjali tingħata għajnuna?
Ir-raġuni
ta’ l-Unjoni għal dan hija li l-għajnuna lill-intrapriża kummerċjali
tkun ta’ dannu għal intrapriżi kummerċjali kompetituri u hija
kontra l-kompetizzjoni ħielsa fil-kummerċ.
Mela skond l-Unjoni, għajnuna mogħtija lit-Tarzna Maltija hija ta’ dannu għat-tarznari kompetituri.
Liema huma t-tarznari kompetituri għat-Tarzna Maltija?
Fil-bini tal-vapuri, it-tarznari kollha tad-dinja huma kompetituri tat-tarzna tagħna.
Imma
fit-tiswija tal-vapuri, it-tarznari kompetituri tagħna fl-Unjoni Ewropea
huma dawk fil-Mediterran, tal-Greċja, ta’ l-Italja, ta’ Franza, ta’
Spanja u tal-Portugall.
Għall-benefiċċju tat-tarznari fl-Unjoni Ewropea li jibnu l-vapuri, u ta‘ dawk fil-Mediterran li jsewwew il-vapuri, l-Unjoni sitt snin ilu rabtet lil Malta, jekk din riedet li tidħol fl-Unjoni, li
* tagħlaq it-Tarzna tal-Marsa u
* ċċekken it-Tarzna ta’ Bormla,
* billi tnaqqas in-numru ta’ ħaddiema għal 1,400,
* tillimita l-ammont ta’ xogħol għal żewġ miljuni ‘men-hours’ biss fis-sena,
* tuża azzar mhux aktar minn 10,000 tunellata fis-sena, u
* tagħlaq għal kollox il-Baċir Numru 1.
L-Unjoni
ma kinitx kuntenta timponi dawn ir-restrizzjonijiet u limitazzjonijiet, iżda
wkoll insistiet li titwaqqaf l-għoti ta’ għajnuna wara Diċembru
ta’ l-2008.
Dan kollu juri li l-Unjoni tqis li l-ammont ta’ xogħol magħmul
mit-Tarzna ta’ Malta skond il-Ftehim ta’ Ristrutturar huwa aċċettabbli
għall-kompetituri tat-Tarzna Maltija fl-Unjoni.
Issa l-għoti ta’ għajnuna lit-Tarzna Maltija mhux se żżid
l-ammont ta’ xogħol magħmul minnha aktar minn dak permess fil-ftehim,
u għalhekk mhux se jkun ta’ dannu għall-kompetituri tat-Tarzna fl-Unjoni.
La darba l-ammont ta’ xogħol li t-Tarzna hija permessa li tagħmel fis-sena, skond il-Ftehim ta’ Ristrutturar impost mill-Unjoni, mhux se jkun ta’ dannu għall-kompetituri ħielsa fil-kummerċ.
Iżda dan mhux prinċipju li l-Unjoni tapplikah f’kull qasam.
Ma tapplikahx fil-biedja fejn l-Unjoni tagħti ammont kbir ta’ sussidju.
Fuq
kollox, l-Unjoni tippermetti li l-istat jagħti għajnuniet kbar lil
ċerti industriji, bħal dik ta’ l-ajruplani u dik tat-turiżmu.
Fil-każ tat-turiżmu, per-eżempju, is-sussidju li jagħti
Gvern ta’ pajjiż jgħin lill-impriżi turistiċi kompetituri
f’pajjiżi oħrajn ta’ l-Unjoni, barra li dan huwa kontra l-prinċipju
tal-kompetizzjoni ħielsa fil-kummerċ.
Ħafna pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea jagħtu għajnuna kbira
lill-intrapriżi tagħhom fl-interess nazzjonali.
Insemmu lill-Ingilterra, Franza u l-Italja, li lkoll jagħmlu dan.
L-Ingilterra, sa waslet biex tinnazzjonalizza l-intrapriża kummerċjali finanzjarja Northern Rock biex ma tħallihiex tfalli u jintilfu ħafna depożiti.
Il-Gvern Ingliż ħareġ mhux miljuni, iżda biljuni ta’ liri sterlini biex jagħmel dan.
Franza toħroġ ammonti kbar sabiex iżżomm it-trenijiet nazzjonali.
L-Italja tagħmel l-istess.
Eżempji bħal dawn insibuhom f’pajjiżi oħrajn ta’ l-Unjoni.
Għaliex Malta ma għandhiex dritt tagħmel l-istess u toħroġ kemm hemm bżonn f’għajnuna biex iżżomm it-Tarzna miftuħa u topera fl-interess nazzjonali?
Jekk
l-oġġezzjoni hija li t-Tarzna illum hija intrapriża kummerċjali
u mhux dipartiment governattiv, is-soluzzjoni hija li l-Gvern għandu
jinnazzjonalizza t-Tarzna u jmexxiha bħal ma jmexxi d-Dipartiment tax-Xogħlijiet
Pubbliċi.
L-Unjoni Ewropea ma għandhiex toġġezzjona għal dan il-pass,
la darba l-Unjoni mhix qiegħda toħroġ flus biex it-Tarzna tkompli
topera.
Kif jonfoq flusu l-poplu Malti għandu jiddeċidih huwa, mhux il-burokratiċi barranin ta’ l-Unjoni.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Il-Ħamis, 6 ta’ Marzu, 2008
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ