MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek
Fl-interess nazzjonali t-Tarzna għandha tibqa’ topera
Fl-interess nazzjonali tagħna t-Tarzna għandha
tkompli topera.
Ebda regolamenti u ebda politika ta’ l-Unjoni Ewropea ma għandhom jegħlbu l-interess nazzjonali tagħna.
Għalhekk wara Diċembru ta’ din is-sena għandna
niżguraw li t-Tarzna ma tagħlaqx għax hekk trid l-Unjoni.
Wara kollox għaliex l-Unjoni ma tridx li t-Tarzna tkompli tingħata għajnuna?
Ir-raġuni li l-Unjoni tagħti għal dan hija li l-istat ma għandux jagħti għajnuna lill-intrapriża kummerċjali.
U għaliex l-Unjoni ma tridx li intrapriża kummerċjali tingħata għajnuna?
Ir-raġuni ta’ l-Unjoni għal dan hija li l-għajnuna
lill-intrapriża kummerċjali tkun ta’ dannu għal intrapriżi
kummerċjali kompetituri u hija kontra l-kompetizzjoni ħielsa
fil-kummerċ.
Mela skond l-Unjoni, għajnuna mogħtija lit-Tarzna Maltija hija ta’ dannu għat-tarznari kompetituri.
Liema huma t-tarznari kompetituri għat-Tarzna Maltija?
Fil-bini tal-vapuri, it-tarznari kollha tad-dinja huma kompetituri tat-tarzna tagħna.
Imma fit-tiswija tal-vapuri, it-tarznari kompetituri tagħna fl-Unjoni Ewropea huma dawk fil-Mediterran,
* tal-Greċja,
* ta’ l-Italja,
* ta’ Franza,
* ta’ Spanja u
* tal-Portugall.
Għall-benefiċċju
tat-tarznari fl-Unjoni Ewropea li jibnu l-vapuri, u ta‘ dawk fil-Mediterran li
jsewwew il-vapuri, l-Unjoni sitt snin ilu rabtet lil Malta, jekk din riedet li
tidħol fl-Unjoni,
* li tagħlaq it-Tarzna tal-Marsa u
* ċċekken it-Tarzna ta’ Bormla,
* billi tnaqqas in-numru ta’ ħaddiema għal 1,400,
* tillimita l-ammont ta’ xogħol għal żewġ miljuni ‘men-hours’ biss fis-sena,
* tuża azzar mhux aktar minn 10,000 tunellata fis-sena, u
* tagħlaq għal kollox il-Baċir Numru 1.
L-Unjoni ma kinitx kuntenta timponi dawn
ir-restrizzjonijiet u limitazzjonijiet, iżda wkoll insistiet li titwaqqaf
l-għoti ta’ għajnuna wara Diċembru ta’ l-2008.
Dan kollu juri li l-Unjoni tqis li l-ammont ta’ xogħol magħmul
mit-Tarzna ta’ Malta skond il-Ftehim ta’ Ristrutturar huwa aċċettabbli
għall-kompetituri tat-Tarzna Maltija fl-Unjoni.
Issa l-għoti ta’ għajnuna lit-Tarzna Maltija mhux se żżid
l-ammont ta’ xogħol magħmul minnha aktar minn dak permess fil-ftehim,
u għalhekk mhux se jkun ta’ dannu għall-kompetituri tat-Tarzna fl-Unjoni.
La darba l-ammont ta’ xogħol li t-Tarzna hija permessa li tagħmel fis-sena, skond il-Ftehim ta’ Ristrutturar impost mill-Unjoni, mhux se jkun ta’ dannu għall-kompetituri ħielsa fil-kummerċ.
Iżda dan mhux prinċipju li l-Unjoni tapplikah f’kull qasam.
Ma tapplikahx fil-biedja fejn l-Unjoni tagħti ammont kbir ta’ sussidju.
Fuq kollox, l-Unjoni tippermetti li l-istat jagħti għajnuniet
kbar lil ċerti industriji, bħal dik ta’ l-ajruplani u dik tat-turiżmu.
Fil-każ tat-turiżmu, per-eżempju, is-sussidju li jagħti
Gvern ta’ pajjiż jgħin lill-impriżi turistiċi kompetituri
f’pajjiżi oħrajn ta’ l-Unjoni, barra li dan huwa kontra l-prinċipju
tal-kompetizzjoni ħielsa fil-kummerċ.
Ħafna pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea jagħtu għajnuna kbira
lill-intrapriżi tagħhom fl-interess nazzjonali.
Insemmu
* lill-Ingilterra,
* Franza u
* l-Italja, li lkoll jagħmlu dan.
L-Ingilterra, sa waslet biex tinnazzjonalizza l-intrapriża kummerċjali finanzjarja Northern Rock biex ma tħallihiex tfalli u jintilfu ħafna depożiti.
Il-Gvern Ingliż ħareġ mhux miljuni, iżda biljuni ta’ liri sterlini biex jagħmel dan.
Franza toħroġ ammonti kbar sabiex iżżomm it-trenijiet nazzjonali.
L-Italja tagħmel l-istess.
Eżempji bħal dawn insibuhom f’pajjiżi oħrajn
ta’ l-Unjoni.
Għaliex Malta ma għandhiex dritt tagħmel l-istess u toħroġ
kemm hemm bżonn f’għajnuna biex iżżomm it-Tarzna miftuħa
u topera fl-interess nazzjonali?
Jekk l-oġġezzjoni hija li t-Tarzna illum hija
intrapriża kummerċjali u mhux dipartiment governattiv, is-soluzzjoni
hija li l-Gvern għandu jinnazzjonalizza t-Tarzna u jmexxiha bħal ma
jmexxi d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
L-Unjoni Ewropea ma għandhiex toġġezzjona għal dan il-pass, la darba l-Unjoni mhix qiegħda toħroġ flus biex it-Tarzna tkompli topera.
Kif jonfoq flusu l-poplu Malti għandu jiddeċidih
huwa, mhux il-burokratiċi barranin ta’ l-Unjoni.
Kienu wegħdu lill-poplu li kollox se jkun possibbli meta nidħlu fl-art imwegħda ta’ l-Unjoni Ewropea.
U ħames snin ilu l-maġġoranza tal-poplu emmnithom.
Iżda ħafna sabu li ngannawhom bil-kbir.
Fost dawk li ġew ingannati bil-kbir insibu n-nisa tad-dar, li f’ittra li
bagħtulhom kienu qalulhom li jekk nidħlu fl-UE u jitneħħew
il-‘levies’ fuq il-ħxejjex u prodotti oħrajn ta’ l-ikel, il-ħajja
se torħos b’Lm1.27ċ fil-ġimgħa.
U kif in-nisa tad-dar kollha jafu, ġara l-kontra u l-ħajja għoliet
infern.
Ġew ingannati wkoll il-bdiewa u r-raħħala, li bil-miktub iswed
fuq l-abjad, kienu wegħduhom li f’każ ta’ importazzjoni qawwija li
tkun tħassrilhom is-suq tal-wiċċ tagħhom, tintuża l-klawsola
tas-salvagwardja li ftehmu ma’ l-UE ħalli jipproteġuhom.
Din il-klawsola tas-salvagwardja qatt ma ntużat, u b’hekk ħafna
bdiewa u raħħala sofrew telf kbir fid-dħul li kien ikollhom qabel.
U biex ma jegħrqux għal kollox, qegħdin jinħarġu l-miljuni ta’ Ewro kull sena f’sussidju mill-flus li aħna lkoll inħallsu f’taxxi.
Però anke dan is-sussidju se jkollu jispiċċa
jekk ma nurux lill-Unjoni Ewropea li ma aħniex lesti naraw lill-bdiewa u r-raħħala
Maltin u Għawdxin jispiċċaw fuq l-altar tas-sagrifiċċju
ta’ l-Unjoni Ewropea.
Ġew ingannati l-ħaddiema tal-fabbriki u tat-tarznari, li tgħidx
kemm kitbulhom u qalulhom li jekk nidħlu fl-Unjoni Ewropea, dawn l-azjendi
ma jagħlqux.
U wara li dħalna fl-UE, ħafna fabbriki bdew jagħlqu u oħrajn għandhom jagħlqu, b’Ministru stess jilgħab il-flus li l-fabbriki tal-manifattura tal-ħwejjeġ se jagħlqu kollha.
U diġà ftaħar li rebaħ l-imħatra.
Il-ħaddiema
tat-Tarzna wkoll illum indunaw li ħobżhom huwa mdendel b’xagħra
għax it-Tarzna faċilment tista’ tingħalaq is-sena d-dieħla,
jekk mhux se nkunu lesti ngħidu lill-UE li l-għeluq tat-Tarzna jkun ta’
ħsara kbira għal Malta u ma aħniex se naċċettaw li dan
jiġri, allavolja hawn min qata’ qalbu li jdawwar il-ħsieb ta’ l-UE.
U fl-aħħar u forsi l-akbar ingann li sar kien tal-kaċċaturi
u nassaba, li wegħduhom uffiċjalment aktar minn darba u tawhom
garanzija li l-kaċċa u l-insib se jibqgħu jiġu pprattikati
l-istess bħal qabel jekk nidħlu fl-UE.
Illum,
l-istess kaċċaturi u nassaba, li dak in-nhar qabel ir-Referendum u l-Elezzjoni
Ġenerali ta’ l-2003 ma emmnux lill-mexxejja tagħhom, qegħdin
iduqu l-imrar ta’ l-ingann li ġarrbu.
Dawn is-setturi tal-poplu tagħna mhux se jinsew min ingannahom, u lanqas se
jinsew li l-mexxejja ta’ l-Unjoni Ewropea, bil-preżenza tagħhom
f’pajjiżna, u bil-miljuni li ħarġu għall-propaganda, kienu
kompliċi, jew aħjar ħatja wkoll, fl-ingann kbir li seħħ
ħames snin ilu.
Għandhom mitt raġun issa ma jafdawx lil min dak in-nhar ingannahom bil-kbir.
Aktar
inganni jistgħu jisennew minnhom ’il quddiem.
Ikun xi jkun ir-riżultat ta’ l-Elezzjoni Ġenerali, il-ġlieda għall-indipendenza ta’ Malta mill-Unjoni Ewropea trud tissokta u tikber.
Għax il-poplu Malti tilef is-sovranita` tiegħu bis-sħubija fl-Unjoni u jerġa’ jiksibha lura biss billi joħroġ mill-Unjoni.
Ma
hemmx triq tan-nofs għal kull Malti li jgħożż l-indipendenza
u l-ħelsien ta’ pajjiżu.
Qabel
kull twemmin politiku partiġġjan, kull Malti għandu jemmen li l-poplu
Malti għandu dritt sagrosat li jkollu rajh f’idejgħ u li ma jkunx maħkum
mill-barranin, lanqas minn ta’ l-Unjoni Ewropea.
L-indipendenza ta’ poplu m’għandhiex tinbiegħ bi prezz.
Tinkiseb bl-għola prezz tat-tixrid tad-demm, tas-sagrifiċċju kbir tal-poplu, u bid-dehen u l-għaqal tal-mexxejja.
Tintilef
bit-tradiment tal-miljuni mwegħdin li bihom il-poplu jinxtara jekk ikun
immexxi minn irġiel tat-tiben, mhux ta’ l-azzar.
Pajjiżna missitu din l-isfortuna u b’hekk tlifna l-Indipendenza u l-Ħelsien.
Issa
jkollna nbatu d-danni sakemm jirnexxilna nerġgħu ninfdew mill-kolonjaliżmu,
din id-darba ta’ l-Unjoni Ewropea.
Wara l-Elezzjoni, irridu nagħtu bidu għal moviment nazzjonali għal-indipendenza ta’ Malta.
Il-militanti tal-moviment iridu jidħlu f’kull partit politiku, f’kull trejdunjin u f’kull organizzazzjoni soċjali ħalli jagħmlu l-ħmira għall-għajta tal-poplu għall-indipendenza.
Trid tinbena maġġoranza favur l-indipendenza li l-partiti politiċi ma jkunux jistgħu jirreżistu l-pressjoni tagħha, ħalli meta l-poplu jiġi mistoqsi jekk iridx l-indipendenza mill-Unjoni Ewropea, il-kotra kbira twieġeb IVA.
Din
id-darba l-IVA
tkun biex noħorġu, mhux nidħlu, mill-Unjoni Ewropea.
Ma
hemmx dubju li l-ġlieda għall-indipendenza se tkun iebsa ħafna.
Se nsibu kontra tagħna dawk li mill-Unjoni qegħdin jerdgħu u ma jimpurtahomx minn huthom li qegħdin ibatu.
Se nħabbtu wiċċna ma forzi kbar kummerċjali li jmorru tajjeb bil-politika ta’ l-Unjoni, mingħajr ma jagħtu kas il-ħsara li qiegħda tagħmel lill-kotra tal-poplu.
Se
jintużaw miljuni fi propaganda favur l-Unjoni u biex iwerwru lill-poplu
bil-ħrafa li pajjiżna ma jistax jgħix indipendenti barra l-Unjoni
u jkun iżolat u maqtugħ mill-Ewropa.
Iżda lill-poplu rridu nfehmuh li barra l-Unjoni ma tfissirx mhux fl-Ewropa.
Li mhux imseħbin fl-Unjoni, ma nkunux iżolati, iżda nkunu sħab mal-pajjiżi kollha ħbieb ta’ Malta li għax iridulna l-ġid, jgħinuna biex inkunu indipendenti u ħielsa, kif kienu jagħmlu qabel ma sseħibna fl-Unjoni.
Nuru lill-poplu li barra l-Unjoni, inkunu aħjar finanzjarment għax il-piżijiet u l-ispejjeż tas-sħubija fl-Unjoni huma akbar mill-fondi li jingħatawna minnha.
Fuq
kollox, jerġa’ jkollna l-aktar ħaġa għażiża,
il-liberta`, li s-sħubija fl-Unjoni telfitna.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Il-Ħamis, 6 ta’ Marzu, 2008
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ