MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici
Chairman Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000
IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA
X’se jagħmlu l-Membri Parlamentari Laburisti?
IT-TRATTAT tal-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea li l-Membri tal-Parlament ikunu mitlubin jivvotaw dwaru, għandu fih fl-Artiklu IV-437.2, il-ftehim li l-Gvern Malti għamel ma’ l-Unjoni Ewropea s-sena l-oħra.
Meta jiġu biex jivvotaw dwar it-Trattat tal-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Membri Parlamentari Laburisti se jżommu quddiem għajnejhom għadd ta’ punti importanti, fosthom dawn it-tnejn: x’iddeċidiet il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista dwar il-ftehim ma’ l-Unjoni Ewropea u kif ivvotat l-Oppożizzjoni Laburista s-sena l-oħra meta l-ftehim tressaq għar-ratifika fil-Parlament.
Id-deċiżjoni tal-Konferenza Ġenerali
Il-Membri
Parlamentari Laburisti jiftakru li l-Konferenza
Ġenerali tal-Partit rabtet lill-Partit li anki waqt li huwa fl-Oppożizzjoni,
jaħdem bla heda ħalli jxejjen l-aspetti negattivi tal-ftehim li l-Gvern
Nazzjonalista għamel ma’ l-Unjoni Ewropea u jaħdem bla heda
ħalli l-ftehim ma’ l-Unjoni ma jkunx żvantaggjuż u ta’ ħsara
għall-poplu Malti, speċjalment għall-ħaddiema.
Jekk il-Membri Parlamentari Laburisti jivvotaw
favur it-Trattat tal-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni
Ewropea, ikunu qegħdin
jivvotaw favur il-ftehim ukoll li l-Gvern Nazzjonalista
għamel ma‘ l-Unjoni Ewropea.
Huma ma jistgħux jivvotaw favur dak
il-ftehim li l-Konferenza Ġenerali rabtithom li jaħdmu bla heda anki
waqt li huma fl-Oppożizzjoni, biex ixejnu l-aspetti negattivi kollha tiegħu.
Jekk jivvotaw favur it-Trattat tal-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni
Ewropea li fih il-ftehim tas-sena l-oħra, huma jkunu qegħdin jivvotaw
favur l-aspetti negattivi tal-ftehim li huma marbutin li jxejnu.
Il-vot kontra r-ratifika tal-ftehim
Il-Membri Parlamentari Laburisti jiftakru
wkoll li meta s-sena l-oħra tressaq fil-Parlament it-Trattat tas-Sħubija
fl-Unjoni Ewropea li kien fih il-ftehim li l-Gvern
Nazzjonalista kien għamel ma‘ l-Unjoni
Ewropea, l-Oppożizzjoni
Labrista vvotat kontra r-ratifika tiegħu.
Għalhekk kieku l-Membri Laburisti
tal-Parlament kellhom jivvotaw favur ir-ratifika tat-Trattat tal-Kostituzzjoni
ta‘ l-Unjoni Ewropea li għandu fih il-ftehim li l-Gvern
Nazzjonalista għamel ma’ l-Unjoni Ewropea, huma jkunu qegħdin
din id-darba jivvotaw fil-Parlament favur ftehim li s-sena l-oħra huma
vvotaw kontrih fl-istess Parlament.
Aġir bħal dan la jingħoġob u lanqas
jinftiehem mil-Laburisti.
L-istess raġunijiet li wasslu lill-Oppożizzjoni tivvota kontra l-ftehim is-sena l-oħra, ma jħalluhiex tivvota favur tiegħu din is-sena.
In-newtralità minsija
Il-ftehim ma’ l-Unjoni Ewropea
li l-Oppożizzjoni Laburista vvotat
kontrih is-sena l-oħra kellu mehmuż miegħu d-Dikjarazzjoni li
l-Gvern Malti għamel dwar in-newtralità.
Dik id-Dikjarazzjoni ma tibqgħax teżisti meta tidħol fis-seħħ
il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea
għax tħalliet barra mit-Trattat tal-Kostituzzjoni li ġie ffirmat fid-29 ta’ Ottubru f’Ruma
mill-Prim Ministru u mill-Ministru ta’ l-Affarijiet
Barranin.
Fil-waqt li l-Protokoll dwar ix-xiri tal-proprjetà f’Malta daħal fit-Trattat tal-Kostituzzjoni
ġdida, kif ukoll daħal il-Protokoll dwar
l-abort, id-Dikjarazzjoni dwar in-newtralità ta’ Malta ma daħalx fit-Trattat tal-Kostituzzjoni
li se jitressaq fil-Parlament biex ikun ratifikat.
Jekk il-Membri Parlamentari Laburisti
jivvotaw favur it-Trattat tal-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni
Ewropea,
huma jkunu qegħdin jaċċettaw li d-Dikjarazzjoni dwar in-newtralità
ta‘ Malta tgħosfor.
Il-votanti Laburisti ma
jaċċettawx ħaġa bħal din.
Kif lanqas ma jaċċettaw li r-rappreżentanti maħturin minnhom
fil-Parlament jivvotaw favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni li tgħid
li hija u l-liġijiet li l-Unjoni Ewropea tagħmel, f’każ li ma
jaqblux mal-Kostituzzjoni ta’ Malta, jgħelbuha.
Huma jafu li sakemm il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea ma tgħaddix mill-Parlament b’maġġoranza ta’ tnejn minn tlieta tal-membri kollha tal-Parlament, il-Kostituzzjoni tagħna tibqa’ l-ogħla liġi f’pajjiżna.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
Il-Ġimgħa, 5 ta' Novembru, 2004.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ