MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

        

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

  

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Il-farsa tat-taxxa “tat-tluq” u t-taxxa fuq il-ħrieqi!

 

Biex aktar tikkonvinċi kemm l-Unjoni Ewropea m’għandhiex ruħ soċjali u l-prijoritajiet tagħha huma maqlubin ta’ taħt fuq, qrajna dan l-aħħar li dwar it-taxxa “tat-tluq” (“Departure tax”) li wieħed iħallas meta jsiefer bl-ajru, il-Kummissjoni Ewropea ħadet il-pożizzjoni li l-Gvern Malti qiegħed jikser ir-regolament 2408/92 ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Ir-raġunijiet li nġiebu biex jissostanzjaw il-pożizzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea ma rajnihom konvinċenti xejn, biex ma ngħidux li kienu tad-daħk!

 

Qegħdin ngħidu dan mhux għax ma nieħdux pjaċir li meta nsiefru nħallsu taxxa anqas, iżda għax meta nxebbħu t-taxxa fuq l-ivvjaġġar – li skond l-Unjoni Ewropea l-Gvern Malti għandu jneħħi jew inaqqas – mat-taxxa fuq il-ħrieqi tat-trabi u ta’ l-anzjani, li l-Unjoni Ewropea mponiet fuq il-Gvern Malti.

 

U li heddedt lill-Gvern biex iżid l-ammont tat-taxxa tal-VAT li titħallas fuq dawn il-ħrieqi, ma nistgħux ma niskantawx u nistagħġbu!

 

Skond ir-rapporti li qrajna s’issa, l-Unjoni Ewropea ġabet tliet raġunijiet biex tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha, li kienu:


1. L-Unjoni Ewropea tqis li hu diskriminatorju li tiġi mposta taxxa fuq xi ħadd li jkun se jsiefer “bl-ajru” barra minn Malta. Waqt li dawk li jmorru Għawdex bil-ħelikopter ma jħallsux din l-istess taxxa!


2. Il-Kummissjoni Ewropea temmen ukoll li din it-txxa fuq l-ivvjaġġar qiegħda tagħmilha aktar diffiċli għall-Maltin biex jipprovdu u jirċievu servizzi. Bħala eżempju tafu x’ġabet (tidħkux!)?: “L-Unjoni Ewropea tqis li jkun ta‘ disinċentiv li avukati u tobba ma jkunux jistgħu jżuru l-klijenti tagħhom barra minn Malta b’mod faċli”!


3. L-Unjon Ewropea wkoll qiegħda tqis li la din it-taxxa saret biex il-Gvern idaħħal aktar flus, allura dan mhux konformi mal-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea.


Ma nistgħux ma nurux il-banalità u ipokresija ta’ dawn l-argumenti:


1. Dwar l-ewwel punt ngħidu li Għawdex huwa parti mill-istat Malti. Mela meta wieħed imur Għawdex bil-ħelikopter ma jkunx qiegħed “isiefer” lejn xi pajjiż ieħor. Mela l-argument ta’ l-Unjon Ewropea huwa bla bażi ta’ xejn u redikolu.


2. Dwar it-tieni punt, ngħidu li huwa veru li meta jsiefru bl-ajru t-tobba u l-avukati, jew in-negozjanti, qegħdin iħallsu ż-żieda fit-taxxa tat-tluq. Iżda ma taħsibx l-Unjoni Ewropea, li dawn jinkludu ż-żieda tat-taxxa (anzi t-taxxa kollha) u l-prezz tal-biljett, fil-kont li jippreżentaw lil klijenti tagħhom? Jew bħala spiża tal-kumpanija f’każ tan-negozjanti? Mela mhux huma se jħallsu din it-taxxa!

 

3. Dwar it-tielet punt, nistaqsu lill-Kummissjoni Ewropea: mela t-taxxi ġeneralment mhux dejjem isiru biex il-Gvern jiġbor aktar flus biex jiffinanzja l-baġit tiegħu, ħlief f’dawk il-każi meta ssir taxxa għolja bħala deterrent, bħal, per eżempju, fuq is-sigaretti u l-ispirti?

 

Inkomplu nistaqsu:

għaliex il-Kummissjoni Ewropea dejjem tagħfas biex it-taxxa tal-VAT tidħol fuq koll prodott u servizz, anke jekk dawn ikunu prodotti u servizzi essenzjali għall-ħajja?

 

Per eżempju, prodotti ta’ l-ikel u l-mediċini?

 

Mhux għax l-UE tirċievi parti mit-taxxa tal-VAT ħalli tiffinanzja l-baġit tagħha?


Araw imbagħad l-ipokresija grassa ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Rigward il-ħrieqi tat-trabi u li jużaw ukoll ċerti anzjani li jbatu minn “inkontinenza”, mhux biss l-Unjoni Ewropea ġagħlet lill-Gvern Malti jdaħħal it-taxxa tal-VAT fuq dan il-prodott essenzjali, iżda nsistiet u heddedt lill-Gvern biex jgħolli din it-taxxa għal mhux inqas minn 15%!


Jiġifieri għal min isiefer għal vaganza, jew biex jagħmel xi negozju, l-UE trid li jħallas inqas taxxa.

 

U lill-ommijiet li għandhom tarbija, jew familja li għandhom xi anzjan li għandu bżonn il-ħrieqi, tridhom iħallsu aktar taxxa!


Fl-aħħar nistednukom tistaqsu lilkom infuskom:

 

Min l-aktar isiefer u allur l-aktar li jgawdi bit-tnaqqis jew tneħħija tat-taxxa tat-tluq?

 

Biex ngħinukom ftit, ghax forsi nsejtu, il-Membri Parlamentari Ewropej isiefru tista’ tgħid kull gimgħa!

 

Tiftakruhom jghidu…


Li l-Unjoni Ewropea “ma tindaħalx fit-taxxi”?

 

Mela dan it-theddid kollu lill-Gvern Malti “dwar taxxi” mhux indħil fit-taxxi?


Imma kif dejjem ngħidulkom, dak li l-Unjoni Ewropea ma tkunx tista’ ddaħħal mill-bieb, tara kif tagħmel u ddaħħlu mit-tieqa, billi tirreferi għal xi liġi jew direttiva tagħha, bħal “moviment ħieles tas-servizzi”, li qiegħda tuża bħala skuża dwar it-taxxa tat-tluq, ħalli tneħħi jew iżżid it-taxxa!


Hemm xi esponent tal-Gvern Nazzjonalista li lest li jqum bil-wieqfa u jirrepeti li bis-sħubija “is-sovranità tal-Gvern Malti tissaħħaħ”?!

 

Inaqqas taxxa u jżid oħra!


Niftakru tajjeb li meta kienet inqalgħet il-kwistjoni tat-taxxa fuq id-dixx tas-satellita, u kienet qiegħda ssir pressjoni mal-Kummissjoni Ewropea biex iġiegħel lill-Gvern Malti jneħħi dik it-taxxa, l-Onorevoli Tonio Fenech, is-Segretarju Parlamentri fil-Ministeru tal-Finanzi, kien stqarr li jekk ikollhom ineħħu xi taxxa, bħal dik fuq id-dixx tas-satellita, il-Gvern jagħmel taxxa ġdida oħra jew iżid xi taxxa li diġà tezisti!

 

U hekk naħsbu li kien għamel meta żied it-taxxa tat-tluq (“Departure Tax”).


Għalhekk kull min jaħseb li jekk il-Gvern ikollu jnaqqas jew ineħħi t-taxxa tat-tluq, se jiffranka l-flus mill-but, ikun sejjer żbaljat!


Għax il-Gvern, permezz ta’ l-Onorevoli Tonio Fenech, diġà għamilha ċara li f’dak il-kaz idaħħal jew iżid taxxa oħra li l-Unjoni Ewropea ma tkunx tista’ tindaħal fiha!

 

Ħajru lit-tfal jilagħbu bl-Ewro!


Fl-aħħar Fiera Internazzjonali li saret għall-aħħar darba fin-Naxxar, ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’pajjiżna, organizzat padiljun ta’ propaganda għall-munita waħda ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Ewro, li se tiddaħħal f’pajjiżna fl-1 ta’ Jannar, 2008.

 

F’dan il-padiljun għamlu post fejn it-tfal setgħu “jilagħbu” b’din il-munita li tant ġabet għoli tal-ħajja f’pajjiżi oħrajn ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Saru wkoll diskorsi dwar kemm se jkollna benefiċċji meta ndaħħlu l-Ewro f’pajjiżna!


Aktar milli jħajru lit-tfal biex “jilagħbu bl-Ewro”, aktar xieraq li wieħed jgħid kemm se jilagħbu bina n-negozjanti meta tiddaħħal l-Ewro!


Nagħmlu għonqna taħt mannara, li Dr Gonzi jgħajjat elezzjoni qabel tiddaħħal l-Ewro għax jaf li għoli aktar tal-ħajja se jkollna u mhux logħob tat-tfal.

 

Is-Sibt, 5 ta’ Awissu, 2006.

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

  

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ