MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

L-Unjoni Ewropea u d-dulluvju

 

Il-problema ta’ l-immigranti illegali f’pajjiżna hija kbira u urġenti.

 

Ġabitha fuqna s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

 

Id-direttivi u l-politika ta’ l-Unjoni m’humiex qegħdin jgħinuna biex insolvu l-problema.

 

Issa saret theddida soċjali kbira għall-poplu tagħna.

 

Jeħtieġ li jittieħdu passi urġenti dwarha biex nevitaw ħsara soċjali akbar fil-ġejjieni.

Għaxart ijiem ilu, iċ-Ċermen tal-Bord ta’ l-Appell tar-Refuġjati, il-Professur Henry Frendo, kiteb fit-tul dwar din il-problema gravi, f’ġurnal ta’ nhar ta’ Ħadd, bl-Ingliż.

 

Huwa wasal għall-konklużjoni li jekk nibqgħu marbutin kif aħna llum, il-poplu tagħna ftit għexieren ta‘ snin oħra, se jkollu żewġ għażliet koroh (‘stark choices’).

 

Dawn huma li,

*  jew ma nibqgħux neżistu bħala nazzjon,

* jew li nitilqu mill-Unjoni Ewropea.

 

Immigranti mhux refuġjati

 

Il-kitba tal-Professur Frendo fuq l-immigranti illegali f’pajjiżna għandha tiftaħ għajnejn ħafna nies li sal-lum ma fehmux kemm hija gravi u urġenti l-problema ta’ l-immigranti illegali f’pajjiżna.

 

X’uħud li għandhom karigi għoljin, jipprovaw iċekknuha billi jitkellmu dwar immigranti irregolari, mhux immigranti illegali.

 

Oħrajn, iħalltu flimkien il-klandestini mar-refuġjati u jippretendu li t-tnejn jingħataw l-istess trattament.

 

Il-Professur Frendo jgħid li tagħrif uffiċjali juri li l-immigranti illegali, fil-maġġoranza assoluta tagħhom, ma jikkwalifikawx bħala refuġjati skond il-Konvenzjoni ta’ l-għaqda tal-Ġnus Magħquda dwar ir-refuġjati, l-UNHCR.

 

Huwa jgħid li mill-inqas tliet kwarti ta‘ l-immigranti illegali m’humiex, kif isejħilhom huwa, “tfal tal-missjoni” li jitolbu ħniena, iżda għandhom jitqiesu bħala “immigranti ekonomiċi” jew “immigranti ta’ l-instabilità politika”.

 

Ftit ħafna huma refuġjati ‘bona fede’.

 

L-għoti ta’ protezzjoni umanitarja

 

L-immigranti illegali f’pajjiżna kollha jingħataw xi forma ta’ protezzjoni umanitarja.

 

Dan skond Frendo, għandu implikazzjonijiet fit-tul għall-poplu tagħna, għax l-immigranti qegħdin jitħallew jibqgħu hawn Malta, jingħataw fejn joqogħdu u ikel b’xejn jew b’sussidju, flus fil-but, u jitħallew jaħdmu legalment jew illegalment.


Il-Professur Frendo jistaqsi jekk hux sewwa li

* l-immigranti illegali jitħallew jaħdmu,

* jagħmlu żwiġijiet ta’ konvenjenza ma’ tfajliet Maltin,

* isiru ‘pick pocketers’

* imexxu l-prostituzzjoni u d-droga, u

* lanqas dawk b‘passat kriminali ma jintbagħtu lura lejn pajjiżhom.

 

L-għajb ta’ Dublin

 

F’parti mill-artiklu taħt it-titlu “Dublin Disgrace”, il-Professur Frendo jikkritika bl-aħrax il-Konvenzjoni ta’ Dublin u l-fatt li Malta ffirmata qabel issieħbet fl-Unjoni Ewropea.

 

Din il-Konvenzjoni tgħid li l-pajjiż fejn l-immigranti illegali jinżlu l-ewwel darba, irid jerfa’ r-responsabbiltà tagħhom għal żmien indefinit.

 

Huwa jisħaq li din il-Konvenzjoni għandha tintrema (‘scrapped’) jew tinbidel bil-kbir, u jekk dan ma jseħħx, il-poplu Malti se jiffaċċja l-għażliet koroh diġà msemmijin, jiġifieri, li

* ma jibqax jeżisti bħala nazzjon, jew

* joħroġ mill-Unjoni Ewropea.


Il-kittieb ifisser li l-poplu ma jibqax jeżisti bħala nazzjon Malti minħabba t-taħlita kbira li jġarrab, li l-kittieb isejjah ‘mix-and-match’.

 

Huwa jikkummenta li nitilfu n-nazzjonalità tagħna magħġuna bir-reqqa u li ġġilidna għaliha fit-tul.


Il-Professur Frendo jkompli jgħid li l-poplu Malti iżda, jekk ma jridx jitlef in-nazzjonalità tiegħu, għandu l-għażla li:

* jew jitlaq mill-Unjoni Ewropea ħalli jkun ħieles mix-xkiel li jorbtulu saqajh u jdejh, 

* jew biex jibqa’ fl-Unjoni, ikollu l-‘opt outs’, jiġifieri, ikollu d-dritt li ma jkunx marbut bir-regolamenti ta’ l-Unjoni, skond ma jitolbu 1-ċirkostanzi partikolari tal-pajjiż.


Il-Professur Frendo jispiċċa l-artiklu tiegħu billi jirrimarka li jiddependi minna jekk nibqgħux Stat Nazzjon Demokratiku minkejja l-kurrenti kollha li għandna kontrina.

 

Kundanna għall-UE

 

Jumejn wara l-kritika ta’ Professur Henry Frendo fuq l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna, dehret f’ġurnal ta’ kuljum, bl-Ingliż, ittra iebsa ħafna fuq l-istess suġġett tas-Sur Jimmy Magro, l-eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista.

 

Huwa beda biex qal lill-Membru tal-Parlament Ewropew, Ignasi Guardans, li ma kienx korrett meta qal li l-poplu Malti ma tħalliex waħdu fil-kwistjoni ta’ l-immigrazzjoni illegali.

 

Jimmy Magro qal lil Ignasi Guardans, li Malta tħalliet tfendi waħedha u ta’ dan, l-Unjoni Ewropea jmissha tistħi dwar dak li qed jiġri f’nofs il-Mediterran (b’mijiet ta’ immigranti jispiċċaw jegħrqu).

 

Magro ssokta jikteb li l-Maltin qegħdin jgħaddu biż-żmien kemm il-miljuni ta’ l-Ewros minfuqin għall-biljetti ta’ l-ajru, f’laqgħat f’uffiċċji lussużi, fl-interpreti, fid-dokumenti, rapporti u ħwejjeġ oħrajn, imisshom intużaw aħjar fit-twaqqif ta’ flotta ta‘ emerġenza sabiex trażżan l-immigrazzjoni illegali fil-Mediterran.


Il-kittieb qal li għal ħafna Maltin, l-Unjoni Ewropea hija bħal każin lokali tal-banda, fejn in-nies tiltaqa’ biex tiddiskuti, mingħajr ma tasal għal soluzzjonijiet kredibbli u sostenibbli.

 

M’hijiex qiegħda tintqal il-verità

 

Magro fakkar li Ministri ġew irrapportati li qalu li nstabet soluzzjoni billi Frontex se ssalva lil Malta mill-qagħda traġika li fiha tinsab.

 

Iżda ġie rrapportat ukoll li Frontex qiegħda tgħid li huma l-Gvernijiet nazzjonali li għandhom ir-responsabbiltà li jħarsu l-fruntieri ta’ pajjiżhom.

 

X’inhi l-verità, jistaqsi Magro?

 

Il-poplu jrid ikun jaf il-verità.

 

U l-poplu jifhem li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu f’idejha din il-kriżi serja ta’ l-immigrazzjoni illegali.

 

L-Unjoni jmissha tapplika miżuri ta’ emerġenza, bħal ma tagħmel fi ġrajjiet serji li jitolbu miżuri urġenti.

 

L-Unjoni jmissha hija organizzazzjoni dinamika li fi żmien 24 siegħa kapaċi taġixxi f’sitwazzjoni ta’ gravità kbira bħal ma qiegħda tiffaċċja Malta bl-immigranti illegali.


Hawnhekk Jimmy Magro jwissi li ħadd m’għandu jixli lil Malta b’xenofobija (mibgħeda tar-razza) għax ma tridx tara dan it-traffikar illegali tal-bnedmin li qiegħed isir mill-immigranti illegali.

 

Għax id-dħul ta’ madwar 1,000 immigrant illegali fis-sena, huwa kbir immens għal pajjiżna li m’għandux il-wisgħa u r-riżorsi biex jassorbihom.

 

X’għandu jsir

 

L-eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista jappella lill-Prim Ministru jisħaq li Malta għandha raġun, għax ma tistax tkompli aktar il-kriżi li tinsab fiha llum.

 

Jidher ċar, jissokta Jimmy Magro, li d-diplomazija ma wasslitx għal soluzzjoni.

 

Ħadd ma jaf x’passi qegħdin jittieħdu kontra dawk li qegħdin jorganizzaw dan in-negozju ta’ l-immigrant illegali.

Magro jasal biex jgħid li l-Prim Ministru, jekk ikun kostrett, għandu juża l-veto f’dawk id-deċiżjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea li jridu jittieħdu bl-unanimità.

 

Il-Prim Ministru jmissu juri aktar saħħa fil-laqgħat għoljin ta‘ l-Unjoni.

 

M’għandniex nibqgħu nidhru taż-żufjett fl-Unjoni.

 

Imissna nuru li aħna daqs pajjiżi membri oħrajn u li għandna niġu stmati fejn ikun hemm l-interess nazzjonali fin-nofs, bħal ma hemm fil-kwistjoni ta’ l-immigrazzjoni illegali.


Il-kritika ħarxa tas-Sur Magro u tal-Professur Frendo dwar l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna ġejja mix-xellug u mil-lemin tal-kamp politiku.

 

Dan jixhed li din il-kwistjoni qiegħda tinkwieta lil kull settur tal-poplu u li m’hemmx żmien aktar x’jintilef f’laqgħat u f’paroli.

 

L-Unjoni Ewropea falliet fis-siegħa tal-prova, għax minflok qiegħda tgħinna, qiegħda żżommna milli nimxu kif jixraq lill-interess nazzjonali tagœna.


Aħna ilna ngħidu dan.

 

Issa dawk li ma kinux jaqblu magħna, illum jaraw il-gwaj li dħalna fih bir-rabtiet li għandna minħabba s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

 

* Triq waħda għandna.

* Ninħallu mir-rabtiet billi noħorġu mill-Unjoni.

* Inkella negħrqu fid-dulluvju ta’ l-immigranti.

 

Il-multi nħallsuhom aħna!

 

minn Eddy Privitera

 

Issib min jgħidlek, “Ħaqqu l-Gvern. Min qallu biex jidħol fl-Unjoni Ewropea?”

 

Ikun qed jirreferi għall-multi li l-Unjoni Ewropea diġà mponiet fuq il-Gvern Malti.

 

U aktar u akbar multi qiegħda thedded lill-Gvern jekk ma jagħmilx eżattament dak li l-Unjoni tordnalu.


Meta nisma’ lil min jgħid hekk, ngħidlu: Sieħbi, jien assolutament ma naqbilx miegħek. Jien ma nieħu pjaċir xejn li l-Unjoni Ewropea twaħħal multi lill-Gvern Malti, ikun min ikun fil-Gvern. Għax dawk il-multi rridu nħallsuhom int u jien bit-taxxi tagħna!


Huwa fatt li aktar ma jikbru l-ispejjeż għall-Gvern, u l-multi huma spiża oħra li minnha ma nieħdu assolutament xejn – aktar ikollu l-Gvern jara minn fejn se jġib il-flus biex ilaħħaq ma’ dik l-ispiża akbar li jkollu.

 

U l-aktar mod faċli hu li jżid it-taxxi, tariffi, kontribuzzjonijiet, jew sejħilhom li trid, iżda li kollha jfissru l-istess ħaġa – li jkollok toħroġ aktar flus minn butek biex tagħtihom lill-Gvern.


Minbarra l-fatt li l-multi jfissru ċans għal aktar taxxi, il-ħsieb biss li dawk il-multi qegħdin jiġu mposti minn Qorti barranija ta’ l-Unjoni Ewropea, wara li l-Kummissjoni Ewropea tressaq lill-Gvern Malti quddiem il-Qorti, jimlini b’rabja.

 

Lanqas meta konna kolonja ta‘ l-Ingilterra qatt ma niftakar li xi Gvern Malti ġie mġiegħel iħallas xi multa mill-Ingilterra.

 

U llum, li taparsi aħna indipendenti, qegħdin ikollna nsofru l-umiljazzjoni li naraw lill-Gvern Malti jiġi kkundannat u ordnat mill-barranin biex iħallas multi minħabba li ma mexiex bil-punt u l-virgola ma’ xi regolament jew direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea.


Tassew ma jridx ikollok demm Malti jiġri fl-arterji u l-vini tiegħek, biex tasal tieħu pjaċir tara l-Gvern Malti jiġi umiljat b’dan il-mod.

 

Iżda l-prezz ikollu jħallsu ċ-ċittadin Malti li ma jkun jaħti xejn!


Għalhekk wieħed mhux jifraħ imissu, meta jisma’ b’xi multa ta’ din ix-xorta, iżda għandu jikkundanna lil min daħħalna f’dan l-għawġ kollu sempliċiment biex ikun jista’ “joqgħod madwar il-mejda mal-kapijiet tal-Gvernijiet oħrajn Ewropej” u b’hekk, iħossu li sar aktar importanti.

 

Il-Ħamis, 5 ta' Lulju, 2007.

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola liċ-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ