MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Reviżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar tat-Tarzna

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

F’intervista li ta tliet ġimgħat ilu lil ġurnal lokali, il-Ministru responsabbli mit-Tarzna ammetta li l-Pjan ta’ Ristrutturar tat-Tarzna ta’ Malta li l-Unjoni Ewropea fasslet fl-2002, ma kienx se jikseb il-miri tiegħu.

 

Il-Ministru qal hekk:

* “Ma wasalniex bil-metodi kif ħdimna dan l-aħħar, minkejja r-riforma li għamilna ħames snin ilu”.

Il-Ministru ma staqsiex jekk dik li huwa sejjaħ “riforma” ta’ ħames snin ilu, kinetx tassew riforma, jiġifieri titjib għall-aħjar, jew jekk ma kienet fil-fatt riforma xejn, għax għamlet tibdil għall-agħar. 

 

Infatti,

* bit-tnaqqis kbir mit-Tarzna ta’ mijiet ta’ ħaddiema tas-sengħa, kif ukoll 

* bit-tnaqqis fil-volum tax-xogħol li t-Tarzna tħalliet tagħmel, 

* bin-nuqqas ta’ investiment kapitali fil-modernizzar ta’ l-impjant u l-għodda, u 

* bin-nuqqas ta’ dħul ta’ apprendisti żgħażagħ, 

* il-Pjan ta’ Ristrutturar mhux irriforma lit-Tarzna, 

* iżda dgħajjifha u għamilha aktar diffiċli għaliha li tikseb il-vijabilità ekonomika, 

* jiġifieri ma titlifx, 

* f’temp ta’ seba’ snin.

Dak li l-Ministru ma qalx, qalu l-Inġinier Lawrence Ciantar, fil-ġurnal Ġens Illum tad-19 ta’ Jannar ta’ din is-sena, u ngħiduh aħna, fuq il-Pjan ta’ Ristrutturar tat-Tarzna li l-Unjoni Ewropea ftehmet dwaru mal-Gvern Malti.

 

Kien pjan difettuż u defiċjenti, kif iż-żmien uriena, u ma setax iwassal lit-Tarzna tiġi fuq saqajha f’seba’ snin, mingħajr ma tkun teħtieġ ftit aktar għajnuna, għal ftit aktar ta’ żmien.

Jagħmel ħsara kbira lil pajjiżna l-Ministru responsabbli mit-Tarzna 

* jekk jagħti t-tort tal-falliment tal-Pjan ta’ Ristrutturar lill-ħaddiema tat-Tarzna, u 

* ma jagħrafx in-nuqqasijiet kbar li l-pjan kien fih, u 

* jsostni dan ma’ l-Unjoni Ewropea, 

* ħalli din tifhem li dak li għandu jsir, 

* mhux li tkompli titħarbat it-Tarzna, 

* iżda li jkun stabbilit b’mod imparzjali u ġenwin ir-raġunijiet reali għall-qagħda mwiegħra tat-Tarzna llum.

Lill-Unjoni Ewropea l-Gvern Malti għandu jfakkarha li fil-ftehim li għamel magħha dwar it-Tarzna u li jinsab fit-Trattat tas-Sħubija ta' Malta fl-Unjoni, hemm ipprovdut: 

 

“Illi jekk il-vijabilità tat-tarzni ma tistax tinkiseb minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u li ma kinux previsti fiż-żmien meta ġie mfassal il-pjan ta’ ristrutturar, il-Kummissjoni tista’ tirrevedi l-kundizzjonijiet stipulati” (fil-pjan) “skond il-proċedura li jipprovdi għaliha l-Artikolu 88(1) tat-Trattat tal-Komunità Ewropea“.

 

It-telf kbir mill-kuntratt ta’ konverżjoni tal-“Fairmount” huwa eċċezzjonali u ma kienx previst li jiġri, meta tfassal il-pjan ta’ ristrutturar tat-tarzni. 

 

Għalhekk hemm lok biex il-Kummissjoni Ewropea tirrevedi l-kundizzjonijiet tal-pjan. 

 

Il-Ministru responsabbli mit-Tarzna, li għandu dmir jagħmel minn kollox ħalli jħarisha, jonqos lejn il-pajjiż jekk ma jsostnix il-każ mal-Kummissjoni Ewropea biex tirrevedi l-kundizzjonijiet tal-pjan ta’ ristrutturar.

Fl-intervista msemmija tat-13 ta’ Mejju, il-Ministru responsabbli mit-Tarzna qal ukoll: 

 

* “Dwar it-Tarzna, jiena ngħid li din għandha futur assigurat, imma niddubita ħafna l-forma li għandha issa. Li jkollna tarzna f’Malta hu importanti. Hemm opportunitajiet għat-Tarzna u huma ħafna l-investituri privati li huma interessati fiha“.

Jekk hemm il-ħsieb li jsiru negozjati ma’ investituri privati ħalli jieħdu t-Tarzna, jagħmel ħażin ħafna l-Ministru li jagħfas fuq il-qagħda mwiegħra finanzjarja tagħha meta huwa għandu d-dmir li jikseb mingħand min iridha l-aqwa prezz u l-aħjar kundizzjonijiet, fl-interess nazzjonali.

Jekk it-Tarzna għandha futur assigurat, kif qal il-Ministru, ikun qed jonqos bl-ikrah il-Ministru li ma jassigurax lil 1,700 ħaddiem tat-Tarzna li l-impjieg tagħhom mhuwiex mhedded.

 

Il-pajjiż għandu bżonn tat-Tarzna għas-snajja li hija trawwem.

 

Mingħajr is-snajja tal-ħaddiema tat-Tarzna, il-pajjiż ikun ħafna aktar ifqar minn kull ammont ta’għajnuna li jrid joħroġ ħalli dawk is-snajja ma jmutux.

 

Il-ħsara tal-politika fiskali ta’ l-Unjoni Ewropea

 

Il-protesti kbar mifruxin f’ħafna pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea – 

* fil-Ġermanja, 

* Franza, 

* Ingilterra, 

* Spanja, 

* Olanda, 

* Bulgarija u 

* l-Portugall – 

kontra t-taxxa għolja tal-VAT fuq il-fjuwil, jikxfu l-falsità tal-propagandisti ta’ l-Unjoni li jgħidu li l-Unjoni m’għandhiex x’taqsam mat-taxxi li hemm fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni.

 

Għax il-verità hija li l-Unjoni Ewropea għandha l-aktar politika kiefra ta’ tassazzjoni li l-pajjiżi ta’ l-Unjoni jkollhom jadottaw bil-fors anke jekk din tkun ta’ ħsara għall-ekonomija jew għall-ħajja soċjali tagħhom.

It-taxxa tal-
VAT imposta mill-Unjoni Ewropea hija soċjalment inġusta u ekonomikament dannuża. 

 

Hija l-aktar arma effiċjenti biex il-gvernijiet idaħħlu l-akbar ammonti ta’ taxxa mingħand iċ-ċittadini konsumaturi. 

 

Aktar ma l-prezzijiet jogħlew, aktar il-gvernijiet idaħħlu taxxa tal-VAT, u b’dak il-mod it-taxxa tal-VAT tkompli tgħolli aktar il-prezzijiet.

Dak li ilna x-xhur insostnu f’din il-paġna,

* li jekk il-gvernijiet iridu tassew irażżnu l-għoli tal-ħajja, għandhom l-ewwel inaqqsu r-rata tat-taxxa tal-VAT,

* issa qegħdin jiġġieldu għalih is-sewwieqa tat-trakkijiet u 

* s-sajjieda tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea, 

* ħalli jorħos il-prezz tal-fjuwil. 

Huma qegħdin bi protesta jimblokkaw it-toroq ta’ l-ibliet u l-portijiet ta’ ħafna pajjiżi ta’ l-Unjoni.

 

Anki hawn Malta, il-GRTU u l-Kamra ta’' l-Intrapriżi qegħdin jgħidu lill-Gvern ibaxxi l-‘levies’ jew it-taxxa tal-VAT fuq il-fjuwil, għax iż-żieda fil-prezz tal-fjuwil se żżid l-ispejjeż ta’ dawk li jużawh, u dawn ikollhom jgħollu l-prezzijiet tal-prodotti jew servizzi tagħhom.

Iżda l-Unjoni Ewropea ma jimportahiex li s-sajjieda u s-sewwieqa tat-trakkijiet qegħdin iġarrbu danni kbar, u lanqas ma jimportaha miż-żieda fil-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja għaċ-ċittadini konsumaturi tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni. 

Il-Kummissarju Ewropew tas-Sajd, Joe Borg, għadu kif ħadha kontra dawk li qegħdin jitolbu tnaqqis fit-taxxa tal-VAT jew għoti ta’ sussidju għas-sajjieda, għax qal li dawn il-miżuri ma jfejqux il-problema tal-qasam tas-sajd, u li dawn ifiequ biss billi jsir ir-ristrutturar meħtieġ ta’ l-industrija tas-sajd. 

 

Dan ifisser li jonqsu s-sajjieda u jonqos l-ammont tas-sajd li jsir.

L-istess linja ttieħdet mill-Kummissarju Ewropew għall-Ekonomija u Affarijiet Monetarji, Joaquin Almunia, li ddikjara li l-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea m’humiex se jaċċettaw li jnaqqsu l-‘levies’ u t-taxxa tal-VAT fuq il-prodotti taż-żejt, minkejja l-imblokki u l-protesti kollha li qegħdin isiru f’ħafna pajjiżi ta’ l-Unjoni.

 

Dwar il-prezz tal-fjuwil, il-President Franċiż Nicolas Sarkozy jidher li qiegħed jisħaq l-aktar biex jitrażżnu l-‘levies’ u t-taxxa tal-VAT fuq il-prodotti taż-żejt, billi jekk ma jitnaqqsux ir-rati tagħhom, almenu jkun hemm limitu għall-ammonti li jitħallsu tagħhom (‘capping’). 

 

Dan jista’ jsir billi l-ammonti ta’ ‘levies’ u ta' taxxa ma jkunux maħdumin b’persentaġġ fuq il-prezz b’mod li meta l-prezz jirdoppja, l-ammonti ta’ ‘levies’ u taxxa jirdoppjaw għalkemm ir-rati jibqgħu l-istess. 

 

Il-proposta Franċiża hija fis-sens li l-ammonti ta’ ‘levy’ u ta’ taxxa għandu jibqa’ l-istess, jogħla kemm jogħla l-prezz, ħalli b’hekk iż-żieda fil-prezz ma ġġibx ukoll żieda fl-ammont ta’ ‘levy’ u tat-taxxa tal-VAT.

L-effetti ħżiena tal-politika fiskali ta’ l-Unjoni Ewropea ma jinħassux biss fir-rigward tal-prodotti taż-żejt.

 

Jolqtu ħafna wkoll lill-familja u l-kwalità tal-ħajja fis-soċjetà. 

 

F’dawn l-aħħar ġranet l-Isqfijiet ta’ l-Ewropa talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tnaqqas ir-rati tal-VAT fuq oġġetti u servizzi li għandhom x’jaqsmu mal-familja. 

 

Huma saħqu fuq l-importanza li jitħaffef it-toqol tat-taxxa tal-VAT fuq il-familji li jkollhom it-tfal, ħalli dan ikun ta’ inkoraġġiment għall-ġenituri biex ikabbru l-familja, speċjalment meta fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea hemm kriżi ta’ nuqqas ta’ twelid li qiegħed iċekken il-popolazzjoni ta’ ħafna mill-pajjiżi ta' l-Unjoni.

 

Dawn il-ħwejjeġ kollha jixhdu li l-politika fiskali ta’ l-Unjoni Ewropea hija żbaljata u teħtieġ tinbidel illum qabel għada.

 

Il-Ġermanja twissi lill-Unjoni Ewropea

 

Il-Germanizi qegħdin joġġezzjonaw għall-Unjoni Ewropea li tridhom iħassru liġi li għandhom li tħares l-intrapriża nazzjonali tal-Volkswagen milli tittieħed mill-barranin. 

 

Skond il-liġi Ġermaniża, il-kontroll tal-maġġoranza ta’ l-ishma tal-kumpanija Volkswagen ma jistax jgħaddi għand il-barranin. 

 

Iżda l-Kummissarju Ewropew responsabbli mis-suq intern ta’ l-Unjoni, Charlie McCreevy, qiegħed isostni li l-liġi Ġermaniża tikser il-prinċipju ta’ l-Unjoni Ewropea tal-moviment ħieles tal-kapital fil-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni u r-regoli tas-suq ħieles.

Għalhekk l-Unjoni Ewropea qiegħda tinsisti li l-liġi Ġermaniża titħassar.

Il-ġimgħa l-oħra, il-Ministru tal-Ġustizzja tal-Ġermanja, Brigitte Zypnes, tkellmet f’laqgħa ta’ madwar 10,000 ħaddiema tal-kumpanija Volkswagen, u wissiet lill-Unjoni Ewropea li tiżbalja bl-ikrah jekk tibqa’ tisħaq li l-Ġermanja tħassar il-liġi li tiżgura li din l-intrapriża nazzjonali tibqa’ f'idejn il-poplu Ġermaniż.

Lest jagħmel l-istess il-Gvern Malti fil-każ tat-Tarzna, li jwissi lill-Unjoni Ewropea li tiżbalja bl-ikrah jekk tippretendi li din ma tingħatax aktar għajnuna ħalli tkompli topera?

 

Il-Ħamis, 5 ta’ Ġunju, 2008

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

  << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ