MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

  NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Ningħaqdu f’moviment għall-ħelsien ta’ Malta

 

Hija inġustizzja soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea li ma tħallix lill-kaċċaturi u n-nassaba f’pajjiżna jgawdu d-delizzju tagħhom, kemm-il darba dawn jiżguraw li bid-delizzju tagħhom mhux se jeqirdu l-eżistenza tat-tjur u l-għasafar (is-sostenibilità) u mhux se jheddu s-saħħa tan-nies.

 

Għax il-prattika tal-kaċċa u l-insib hu delizzju tradizzjonali għal eluf f’pajjiżna, u jipprovdi żvog u mistrieħ mill-pressjoni tax-xogħol u l-problemi tal-ħajja.

Mhux biss ma jagħmlux ħsara lis-soċjetà, iżda huma ta’ ġid għax iżommu mbegħdin mill-vizzju tad-droga eluf ta’ żgħażagħ u rġiel li jippreferu d-dura u l-mansab għas-swali tad-discos u tal-logħob, u għall-iljieli quddiem it-television.

 

U l-arja pura ta’ l-għelieqi u x-xagħri tagħmlilhom tajjeb għal saħħithom, mentalment u fiżikament.


Għalhekk li tippriva lil eluf mid-delizzju tal-kaċċa u l-insib, tkun qed tikkommetti inġustizzja magħhom, għax tkun qed iċċaħħadhom minn żvog li jagħmel tajjeb lil saħħithom u li huwa ta’ serħan tal-moħħ għalihom.

 

U din l-inġustizzja tkun qiegħda ssir ma’ setturi li s-soċjetà teħtieġhom ħafna, bħalma huma ż-żgħażagħ u l-irġiel tax-xogħol.

L-Unjoni Ewropea ma tħallix il-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta, mhux għax ma tammettix il-qtil tat-tjur, għax kieku dik hija r-raġuni ma tħallix il-kaċċa lanqas fil-ħarifa, iżda għax fir-rebbiegħa t-tjur li jgħaddu minn fuq Malta (għalhekk il-passa), ikunu sejrin mill-Afrika għall-Ewropa ħalli jirriproduċu ruħhom.


Iżda l-ammont ta’ tjur li jgħaddu minn fuq Malta u Għawdex hu persentaġġ żgħir ħafna tat-tjur li jmorru lejn l-Ewropa, u jekk parti minn dak il-persentaġġ żgħir ħafna tat-tjur jinqatel, ma jagħmel ebda differenza fuq l-ammont kbir ħafna ta’ tjur li jkun hawn u li jmur lura lejn l-Afrika fil-ħarifa.

 

L-Unjoni Ewropea ma tħallix ukoll l-insib ta’ l-għasafar matul is-sena kollha, bl-iskuża li l-għasafar m’għandhomx jinqabdu u għandhom jitħallew ħielsa jtiru.

 

Anke dwar l-insib, ir-raġunar ta’ l-UE ma jagħmilx sens, la darba l-Unjoni tammetti li annimali tal-ġungla u tal-foresta jinqabdu u jinżammu fiz-zoos, fl-ibliet tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni.

 

Għax jekk l-għasafar m’għandhomx jinqaflu f’gaġeġ wara li jonsbuhom, lanqas l-annimali l-oħrajn slavaġġ m’għandhom jinżammu maqfulin biex in-nies jieħdu gost imorru jarawhom.


Il-kaċċaturi u n-nassaba messithom l-isfortuna kbira li l-politiċi Maltin m’għandhomx il-ħila u s-sinsla biex jegħlbu d-deċiżjonijiet assurdi u inġusti ta’ l-UE dwar il-kaċċa u l-insib f’pajjiżna.

 

Biex tingħeleb din l-isfortuna,

 

* il-kaċċaturi u n-nassaba għandhom jingħaqdu

* mal-ħaddiema tal-fabbriki,                               

* mal-ħaddiema tat-Tarzna,                               

* mal-ħaddiema tax-Xatt                                     

* mal-ħaddiema u l-impjegati ta’ l-Air Malta,    

* mal-ħaddiema u l-impjegati l-oħrajn li huma milqutin ħażin bil-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea,

* u mal-bdiewa,

fil-moviment għall-ħelsien ta’ pajjiżna mid-dittatorjat ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Hekk biss jistgħu l-kaċċaturi u n-nassaba jerġgħu jgawdu d-delizzji tagħhom kif kienu jagħmlu fl-1986.

 

Il-Kostituzzjoni ta’ l-UE jkollha tinbidel

 

Għalkemm il-President tal-Kunsill Ewropew, il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel, qiegħda tinsisti ħalli l-Unjoni Ewropea jkollha l-Kostituzzjoni ġdida tagħha qabel l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2009, ħafna huma tal-fehma li dan il-għan ma jistax jintlaħaq.

 

Ma jiswa xejn li 18-il pajjiż membri ta’ l-Unjoni diġà taw l-approvazzjoni tagħhom għall-Kostituzzjoni.

 

Jekk il-Franċiżi u l-Olandiżi jibqgħu kontriha, il-Kostituzzjoni l-ġdida tibqa’ ma sseħħx.


Fost is-seba’ pajjiżi (illum huma disgħa, bid-dħul tar-Rumanija u l-Bulgarija) fl-Unjoni li għadhom ma rratifikawx il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni, hemm il-Ġermanja stess.

 

Il-President Ġermaniż, Horst Kochler, għadu ma ffirmax ir-ratifika tagħha, allavolja l-Parlament Ġermaniż approvaha, għax qiegħda ssir kawża fil-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża dwar kemm il-Kostituzzjoni ta’ l-UE hija kompatibbli mal-Kostituzzjoni Ġermaniża.

 

Il-Qorti ssospendiet il-kawża sakemm jiġi deċiż definittivament mill-UE kif se tkun il-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea.


Għadd ta’ gvernijiet ta’ pajjiżi membri ta’ l-Unjoni, minkejja li kienu ffirmaw il-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-Unjoni f’Ottubru 2004, f’Ruma, issa ma jriduhiex kif inhi u jridu jagħmlu ħafna tibdil fiha.

 

Il-President tal-Polonja, Lech Kaczynski, irid li s-sistema tal-votazzjoni u s-sistema tal-maġġoranza fil-Kunsill Ewropew, tinbidel.

 

Dan it-tibdil aktarx li jqanqal kwistjoni kbira, kif kien ġara qabel sakemm intlaħaq ftehim dwar is-sistema ta’ kif tkun ikkalkolata l-maġġoranza.


Vaclav Klaus, il-President tar-Repubblika Ċeka, hu fost dawk li m’humiex kuntenti bil-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-Unjoni, u li jridu li jsiru negozjati ġodda dwar trattat ġdid li jieħu postha.

 

Jekk il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni tibqa’ kif saret, id-Deputat Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, Alexander Vondra, qal li fil-pajjiż ikollu jsir referendum dwarha.

 

Jidher ċar li r-Repubblika Ċeka trid Kostituzzjoni ħafna iqsar minn dik li saret.


Il-pożizzjoni ta’ l-Ingilterra mhi ċara xejn dwar il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni.


Ix-xahar li għadda, Geoff Hoon, il-Ministru Ingliż dwar l-Affarijiet Ewropej, fisser li l-Gvern Ingliż
jaqbel mal-Gvern tar-Repubblika Ċeka dwar il-ħtieġa li jonqsu r-regolamenti li l-UE għamlet mas-snin, u li xi setgħat li l-Unjoni ħadet, għandhom jgħaddu lura lill-gvernijiet nazzjonali.

 

Dan intqal wara li l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Ingliż, Margaret Becket, iddikjarat li l-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea kif inhi, ma tistax timxi ’l quddiem.

 

La darba l-Prim Ministru Olandiż Jam Peter Balkenende qatagħha li ma jerġax isir referendum dwar il-Kostituzzjoni kif inhi, l-Unjoni Ewropea bil-fors ikollha tbiddilha u l-Parlament Malti, fost l-oħrajn, se jkun approvaha għal xejn.

 

Spejjeż moħlijin mill-Unjoni

 

L-Unjoni Ewropea taħli miljuni kbar li kollha jiġu mit-taxxi li l-popli tal-pajjiżi membri jħallsu biex jintbagħtu lill-Unjoni f’forma ta’ kontribuzzjoni li kull pajjiż membru jaghħmel kull sena lill-blokk.

 

Pajjiżna, per eżempju, se jħallas lill-Unjoni s-somma ta’ aktar minn Lm22 miljun bħala l-kontribuzzjoni tagħna għal din is-sena lill-Unjoni.

Fost l-ispejjeż inutli ta’ l-Unjoni Ewropea, hemm dawk li jsiru biex kull xahar il-Parlament Ewropew jiltaqa’ erbat ijiem biss fil-belt Franċiża ta’ Strasbourg, flok fi Brussels.

 

Darba kull xahar 785 Membru tal-Parlament Ewropew, ħafna mill-assistenti tagħhom, u eluf ta’ impjegati ta’ l-Unjoni jmorru Strasbourg għal-laqgħa tal-Parlament Ewropew.


Imorru wkoll Strasbourg għal dawk l-erbat ijiem tal-Parlament, l-uffiċjali diplomatiċi, ġurnalisti u ‘lobbyists’ (persuni mħallsin biex jagħmlu pressjoni fuq l-Unjoni Ewropea biex tapprova xi proġetti, toħroġ xi direttivi, jew tfassal politika f’xi qasam, skond kif ikunu jridu dawk li jqabbdu u jħallsu lil-‘lobbyists’).


L-ispejjeż biex il-Parlament jiltaqa’ ġimgħa fix-xahar fi Strasbourg huma ħafna.


It-trasport ta’ madwar 200 tunellata materjal li jikkonsisti f’madwar 3,200 kaxxi b’karti u dokumenti, materjal tal-videos, u anke materjal konness ma’ l-isptar għal x’jista’ jinqala’, iqum madwar 9,000 Ewro kull darba.


Dan l-aħħar kellhom jibdlu l-‘filing cabinets’ li sejrin u ġejjin bejn Brussels u Strasbourg kull xahar, sgangaw ruħhom u bdew jaqgħu biċċiet fuq in-nies tal-ġarr.

 

Mhux darba jew tnejn il-Membri tal-Parlament Ewropew sabu li ma ħadux magħhom Strasbourg xi kotba jew dokumenti li kellhom bżonn għal-laqgħat tal-Parlament.


It-Tnejn fil-għodu tal-ġimgħa meta l-Parlament Ewropew jiltaqa’ fi Strasbourg, madwar 500 impjegat ta’ l-Unjoni li jaħdmu fil-Lussemburgu jmorru Strasbourg, bħalma jagħmlu madwar 1,200 impjegati oħrajn ta’ l-Unjoni li jaħdmu Brussels.


Kemm l-ispejjeż tat-trasport, kif ukoll l-ispejjeż ta’ l-ikel u l-alloġġ tal-Membri tal-Parlament Ewropew u ta’ l-impjegati ta’ l-Unjoni jitħallsu mill-Unjoni Ewropea.


Kif ukoll tħallas l-Unjoni l-ispejjeż tat-trasport, ikel u alloġġ ta’ madwar 60 ġurnalist li hija tistieden ħalli jmorru Strasbourg u jirrapportaw ix-xogħol tal-Parlament Ewropew.

Huwa stmat li l-ispiża addizzjonali biex il-Parlament Ewropew jiltaqa’ kull xahar fi Strasbourg, tlaħħaq mal-205 miljun Ewro f’sena waħda, jiġifieri, madwar kwart ta’ kemm l-Unjoni Ewropea qalet li se tagħti lil Malta f’seba’ snin kollha.

 

U dan bla ma jitqies kemm Malta se jkollha tħallas lill-UE fl-istess seba’ snin.

 

Il-Papa jikkritika lill-UE

 

Waqt li l-Isqfijiet Kattoliċi ta’ l-UE, inklużi l-Arċisqof ta’ Malta u l-Isqof t’Għawdex, iltaqgħu f’Ruma biex ifakkru b’ferħ il-50 anniversarju mit-twelid ta’ l-UE fl-1957, il-Papa ħataf l-okkażjoni biex jagħmlilhom kritika ħarxa ħafna ta’ l-Unjoni.

 

Hu wasal biex wissihom li l-UE titfarrak u tgħib kemm-il darba ma tbiddilx ir-rotta ħażina tagħha.

Ikun ta’ siwi li nwasslu lill-qarrejja ta’ din il-paġna l-kritika li l-Papa għamel ftit tal-jiem ilu f’din l-okkażjoni.

Il-Papa ilmenta li l-Ewropa, waqt li trid tippreżenta ruħha bħala komunità ta’ valuri, ta’ spiss tidher li ma taċċettax li jeżistu valuri universali u assoluti.

 

Skond il-Papa, din hija apostasija (telfien tal-prinċipji) li qiegħda twassal lill-istess Ewropa biex tiddubita mill-istess identità tagħha.


Il-Papa qal ukoll li l-Ewropa tidher li qiegħda titlef il-fiduċja fil-ġejjieni tagħha, meta wieħed iqis żewġ fatturi: in-nuqqas li qed iseħħ fit-twelid u l-mod kif kulħadd qed jaħseb għal rasu bla ma jagħti kas ta’ għajru.

 

Dawn il-fatturi se jġibu konsegwenzi koroħ għall-ġejjieni ta’ l-Ewropa.


Il-Papa ilmenta wkoll li ċerti tendenzi lajċisti u relattivisti (li m’hemm xejn assolut) se jwasslu biex jiċħdu d-dritt ta’ l-Insara li jieħdu sehem fid-dibattitu pubbliku, tant li sar diffiċli għall-Insara li jiddefendu l-verità dwar il-bniedem.

 

Hu ħeġġeġ lill-Insara biex ma joqogħdux lura milli jikkundannaw bil-kuraġġ dak kollu li jmur kontra d-dinjità tal-bniedem.

Huwa ta’ għajb li fost l-Insara ta’ pajjiżna għandna ħafna propagandisti favur l-Unjoni Ewropea, iżda ftit li xejn jiftħu għajnejn il-fidili għall-qerq, korruzzjoni u ġdim morali li huma mifruxin fl-Unjoni.

 

Fost l-agħar effett li s-sħubija fl-UE għandha fuq il-poplu tagħna huwa l-impatt ikraħ fuq il-valuri tajbin tal-familja Maltija.


Il-politika u l-liġijiet ta’ l-UE se jeqirdulna l-valuri u d-drawwiet tajbin tagħna jekk ma nkunux għaqlin biżżejjed li nitbegħdu mill-ħakma ta’ l-Unjoni qabel din tilħaq tagħmel straġi minnhom.

 

Il-Ħamis, 5 ta' April, 2007.

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ