MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici
Chairman Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA
Oġġezzjonijiet għar-rapport politiku dwar il-Kostituzzjoni ta' l-UE
IR-RAPPORT ta' l-Onorevoli Dr George Vella li jagħmel valutazzjoni politika tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea huwa għal kollox żbaljat dwar l-Artiklu 6 ta' dik il-Kostituzzjoni, fejn dak l-artiklu jgħid li l-liġijiet ta' l-Unjoni tagħmel ikunu superjuri għal, u jipprevalu fuq il-Kostituzzjoni ta' pajjiż imsieħeb fl-Unjoni, bħal Malta.
Fir-rapport politiku jingħad li dan mhux prinċipju ġdid għall-pajjiżi mseħbin fl-Unjoni Ewropea.
Jiddispjaċini jkolli ngħid li dan huwa żball oħxon.
Dan l-Artiklu 6 tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi huwa prinċipju legali ġdid li qiegħed jingħata saħħa ta' prinċipju legali kostituzzjonali, u qiegħed jiġi mpost għall-ewwel darba fuq il-pajjiżi mseħbin fl-Unjoni Ewropea.
Ir-rapport politiku jgħid li l-qrati nazzjonali tal-pajjiżi mseħbin fl-Unjoni Ewropea aċċettaw dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni ddeċidiet f'numru ta' kawżi, jiġifieri, li l-liġijiet li l-Unjoni tagħmel huma superjuri għal, u jipprevalu fuq il-liġijiet li l-Parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi membri ta' l-UE jagħmlu.
Iżda r-rapport politiku ma għarafx jiddistingwi bejn liġijiet magħmulin minn Parlament ta' pajjiż u l-Kostituzzjoni ta' dak il-pajjiż.
Ebda Qorti nazzjonali ta' pajjiż imsieħeb fl-Unjoni ma aċċetttat li liġi magħmula mill-Unjoni li ma kinitx taqbel mal-Kostituzzjoni ta' dak il-pajjiż, kienet superjuri għal, u pprevaliet fuq il-Kostituzzjoni ta' dak il-pajjiż.
Għalhekk ir-rapport politiku huwa legalment żbaljat.
Għandi ngħid ukoll li huwa politikament żbaljat dwar dan il-punt.
Għax anki kieku sħubija fl-Unjoni Ewropea li liġi li l-Unjoni tista' tegħleb il-Kostituzzjoni ta' Malta, il-Partit Laburista qatt ma għandu jkun huwa li jivvota biex dan iseħħ, anki jekk ikollu joqgħod għalih għax il-maġġoranza vvotat hekk.
Il-partit iħalli titwettaq ir-rieda tal-maġġoranza, iżda din ma tfissirx li għandu jivvota bħal ma tagħmel il-maġġoranza, jekk il-partit irid jirrispetta r-rieda tal-minoranza li vvotatlu, u jekk irid li huwa jkun irrispettat għax baqa' sod fir-rieda u fil-prinċipji tiegħu.
Id-Dikjarazzjoni dwar in-newtralita` ta' Malta
Ir-rapport politiku huwa żbaljat ukoll dwar id-Dikjarazzjoni tan-Newtralita` ta' Malta li l-Gvern kien għamel mat-Trattat tas-Sħubija tas-16 ta' April, 2003, f'Ateni.
Il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea ġġedded dak it-trattat, iżda tħalli barra dik id-dikjarazzjoni dwar in-newtralita` ta' Malta, u r-rapport politiku jgħid li dan il-fatt oxxen ma għandu ebda mportanza politika jew legali.
Naħseb li l-Laburisti jiddispjaċihom jaqraw fir-rapport li l-partit qed jiġi mħeġġeġ jaċċetta li trattat ġdid ta' l-Unjoni Ewropea li jġedded it-Trattat tas-Sħubija ta' l-2003 jaqta' barra d-Dikjarazzjoni dwar in-Newtralita` ta' Malta li kienet annessa mat-Trattat oriġinali ta' l-2003.
Żgur politikament Malta ma jaqblilhiex li tara li d-Dikjarazzjoni li fl-2003 għamlet biex tħares in-newtralita` tagħha, tintrema u titħassar bl-approvazzjoni fl-2005 tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea.
Il-Laburisti jistennew li l-partit għandu jinsisti li n-newtralita` ta' Malta għandha titħares bi protokoll li jkun jorbot u li jkun jagħmel parti mill-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea, u mhux li d-dikjarazzjoni li hemm illum tintrema u ma jsir xejn biex jieħu postha.
Iżda r-rapport politiku ma jimpurtaħx minn dan.
Lanqas ma jimpurtah ir-rapport politiku li min jivvota favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea jkun qed jivvota għall-ftehim li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma' l-Unjoni Ewropea, u li l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista ddeċidiet fid-9 ta' Novembru, 2003 li l-partit għandu jaħdem ħalli jxejjen l-aspetti negattivi kollha tiegħu, u jara li ftehim ma l-Unjoni ma jkunx żvantaġġjuż u ta' ħsara bhal dak ta' l-2003.
Kif jistgħu l-Laburisti jivvutaw favur dak il-ftehim żvantaġġjuż u ta' ħsara għall-poplu Malti, u speċjalment għall-ħaddiema?
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini)
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
Il-Tlieta, 5 ta' April, 2005.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ