MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

L-UE daħħlitna fil-kriżi tal-immigrazzjoni illegali

 
minn Karmenu Mifsud Bonnici, Kampanja Helsien Nazzjonali

 

Disgha u disgħin punt disgħa fil-mija tal-immigranti illegali li hawn f’pajjiżna ma jridux li jkunu refuġjati f’Malta, iżda jridu jmorru f’pajjiż kbir fl-Ewropa.

 

Għalhekk qegħdin nagħmlu żball meta aħna niflu jekk għandhomx jitqiesu refuġjati, u jekk le, jekk għandhomx jingħataw protezzjoni umanitarja u b’hekk għandniex inżommuhom f’pajjiżna.

 

Għax ladarba ma kinux qegħdin ifittxu refuġju f’pajjiżna, ma kellniex napplikaw għalihom il-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati u ma konniex obbligati nżommuhom.

Dan ifisser li qegħdin nagħmlu żball li l-immigranti illegali li ma jridux ifittxu refuġju f’Malta, naraw humiex intitolati għall-istatus ta’ refuġjati, jew jekk għandhomx jingħataw protezzjoni umanitarja.

 

Għandna nħalluhom imorru fejn iridu jmorru, u jekk fejn imorru ma jkollhomx dritt imorru, għandhom jiddeċiedu x’jiġri minnhom il-pajjiżi fejn imorru, mhux aħna.


L-immigranti kollha li jinżlu l-art f’pajjiżna, jagħmlu żball li jaħsbu li waslu fi Sqallija.

 

Għalhekk huma juru li ma ridux ifittxu refuġju f’Malta.

 

L-immigranti l-oħrajn li jinġabru minn nofs il-baħar, ma jkunux ġejjin Malta, iżda jkunu fi triqthom lejn Sqallija.

 

Għalhekk dawn ukoll juru li ma jridux ifittxu refuġju f’Malta.

 

Ikun biss wara li l-immigranti jkunu jafu li se jintbagħtu lura f’pajjiżhom, li huma, biex dan ma jseħħx, japplikaw biex jitqiesu bħala refuġjati, u meta jsibu li t-talba tagħhom ma tiġix milqugħa, jitolbu li jingħataw protezzjoni umanitarja ħalli jitħallew f’pajjiżna.

 

F’ħafna każi aktarx li nkunu aħna stess li ngħidulhom x’għandhom jagħmlu biex ma jintbagħtux lura f’pajjiżhom.


Għamilna żball ieħor kbir meta minn xi żmien ’l hawn iddekriminalizzajna l-preżenza f’pajjiżna ta’ barranin bla permess – jiġifieri ma ħallejniex titqies offiża kriminali u li ma kinitx twassal għal deportazzjoni ta’ kull barrani bla permess.

 

B’hekk għamilna li l-preżenza tal-immigranti illegali u l-klandestini m’għadhiex titqies bħala ksur tal-liġi kriminali ta’ pajjiżna, u minflok bdejna nqisuhom immigranti irregolari.


Iżda t-tielet l-akbar żball għamilnieh meta ċedejna għar-rikatt tal-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni illegali.

 

Meta l-Gvern Malti kien qiegħed jinnegozja l-ftehim tas-sħubija ta’ Malta, din insistiet li Malta tirrinunzja r-riservi kollha li l-Gvern Malti kien għamel meta fl-1971 iffirma l-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati.

 

Għalxejn il-Gvern Malti qal lill-Unjoni li kien hemm pajjiżi oħrajn membri li kellhom tali riservi għall-Kon­venzjoni.

 

L-UE sostniet li jekk Malta ma ċċedix ir-riservi kollha li kienet għamlet fl-1971, ma kinitx se ssieħeb lil Malta.

 

U l-Gvern Malti ċeda għar-rikatt tal-Unjoni u aċċetta li jħassar ir-riservi kollha li kienu saru biex jitħarsu l-interessi nazzjonali tagħna.

 

B’konsegwenza ta’ dak it-tradiment tal-interessi nazzjonali, infetħu l-bibien beraħ ta’ pajjiżna għall-invażjoni tal-immigranti il­legali.


Hawnhekk qegħdin inġibu silta minn dak li s-Sur Louis Cilia, li kien delegat tal-Gvern Malti li kien qed jinnegozja mal-UE l-ftehim tas-sħubija ta’ Malta, kiteb fit-Times of Malta tad-29 ta’ April 2008:

 

“One of the issues discussed was whether Malta should ratify some of the outstanding articles of the 1951 UN Convention Relating to the Status of Refugees. When in 1971 Dr Borg Olivier as Prime Minister and Minister of Foreign Affairs signed the instrument of accession to the Convention, he did so with some reservations to a number of important articles in the Convention on the grounds of Malta’s ‘own special problems, its peculiar position and characteristics’.


“The Maltese delegation at Brussels in 1998 initially maintained the same position taken by Malta in 1971 stating that in view of our country’s small size, its situation in the centre of the Mediterranean and critical economic development, Malta was still not in a position to take on an unlimited influx of refugees as would be the case if the Convention was fully ratified. To strengthen our argument we pointed out that some of the most prominent members of the EU had also maintained (and were at that time still maintaining) these reservations (and others) in the said Refugees Convention.


“The EU representatives brusquely brushed away our arguments stating that we as new members would have to comply with all existing rules and regulations and that what was applicable to old members was not necessarily applicable to new members.”


Minħabba r-rikatt tal-UE, il-Gvern Malti ħassar ir-riservi kollha li Malta kienet għamlet għall-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati.

 

Fil-fatt, fid-Declarations and Reservations to the 1951 Convention relating to the Status of Refugees, insibu f’paragrafu 26, dan:


“On 17th January 2002, the Secretary-General received the following communication from the Government of Malta: ‘The Government of Malta… hereby withdraws the reservations relating to article 7(2), articles 14, 27, 28, 7(3) (4) (5), 8, 9, 17, 18, 31 and 32; …and confirms that: ‘article 23 shall not apply to Malta and articles 11 and 34 shall apply to Malta compatibly and with its own special problems, its peculiar position and characteristics.’

“Further, on 23 February 2004, the Secretary-General received from the Government of Malta, the following communication: ‘The Government of Malta declare that, having reviewed the remaining reservations and declaration, hereby withdraws the reservations relating to article 23, and the reservations in respect of articles 11 and 34 wherein these applied to Malta compatibly with its own special problems, its peculiar positions and characteristics.”
B’hekk, qabel ma ssieħbet fl-1 ta’ Mejju 2004, l-UE żgurat ruħha li Malta fetħet il-bibien tagħha beraħ għall-invażjoni tal-immigranti illegali u l-klandestini.

 

Dan kollu juri li jekk verament irridu nwaqqfu l-invażjoni tal-immigranti illegali u l-klandestini rridu nerġgħu nirriattivaw ir-riservi kollha li konna għamilna fl-1971 u rridu nerġgħu nikkriminalizzaw il-preżenza fostna bla permess tal-barranin, tgħid x’tgħid l-Unjoni Ewropea.

 

Il-politika ekonomika ta’ l-UE falliet

 

L-aqwa ċertifikat tal-falliment tal-politika ekonomika u soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea huwa l-għadd ta’ 18-il miljun u nofs ħaddiem qegħda li huwa mbassar li jkun hemm fil-blokk din is-sena.

 

Filwaqt li l-Unjoni taħraq il-miljuni fi proġetti ta’ propaganda, m’għandhiex il-kuxjenza  li toħroġ dawn il-miljuni billi tħaddem bihom il-miljuni ta’ ħaddiema bla xogħol li għandha fil-pajjiżi membri tagħha.

 

L-UE tippretendi li s-suq ħieles joħloq ix-xogħol għat-18-il miljun u nofs ħaddiema qegħda, meta huwa s-suq ħieles li ħoloq ir-riċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja li ħakmet l-Ewropa u l-pajjiżi kapitalisti tad-dinja, u meta l-istati qegħdin ikollhom joħorġu l-biljuni biex jirfdu l-kumpaniji u l-industriji privati u ma jħalluhomx jitfarrku.

 

Quddiem dawn il-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi u l-appelli lill-gvernijiet għall-interventi massiċċi biex jevitaw il-falliment totali fil-pajjiżi ta’ l-UE, jeħtieġ li nammettu li l-politika ekonomika u finanzjarja Ewropea mhix sostenibbli u hija defiċjenti u m’għandniex inkomplu nħaddmuha.

 

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali ta’ l-Unjoni ma jistgħux jitwemmnu aktar li l-politika, id-direttivi u r-regoli, li jimponu fuq il-pajjiżi membri, jiggarantixu stabbilita` u progress ekonomiku u finanzjarju, la darba wasslu għall-qagħda ekonomika u finanzjarja mwiegħra tal-lum.

 

L-UE, bil-politika ekonomika li ħaddnet, qerdet l-industrija tal-manifattura fl-Ewropa u minflok, kabbritha fil-pajjiżi barra l-unjoni fejn il-pagi huma baxxi ħafna u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema huma ħżiena.

 

Bil-politika tagħha, l-UE ikkaġunat it-telfien ta’ mpjieg lil miljuni ta’ ħaddiema Ewropej.

 

F’pajjiżna, il-politika ta’ l-UE ħarbtitilna l-industrija li kienet tipproduċi għas-suq lokali, għax ġiegħlitna nneħħu kull għajnuna u protezzjoni li konna nagħtuha ħalli tkun tista’ tikkompeti mal-prodotti importati minn barra l-pajjiż.

 

Qalulna li la nissieħbu fis-suq komuni kbir ta’ l-UE, se nkunu nistgħu nżidu fil-bejgħ u fl-esportazzjoni.

 

Iżda spiċċajna biex is-suq komuni belgħana huwa u minflok żidna fl-esportazzjoni, naqqasniha u żidna l-importazzjoni.

 

Il-politika ta’ l-UE ikkaġunat f’pajjiżna l-għeluq ta’ numru ta’ fabbriki u telfien ta’ eluf ta’ mpjiegi.

 

Bis-sħubija fl-Unjoni,                                                            

* sirna inqas kompetittivi għax kollox għola,                              

* l-ispejjeż żdiedu u                                                                     

* twikkejna b’ħafna taxxi bħall-VAT,                                        

* il-‘levies’ fuq il-prodotti taż-żejt,                                                

* l-Eco-Tax,                                                                                 

* it-taxxa fuq il-basktijiet tal-plastik,                                         

* it-tariffi komuni fuq l-oġġetti importati minn barra l-Unjoni, u

* spejjeż oħra li daħlu minħabba s-sħubija.                                

 

Il-politika ta’ l-Unjoni qegħda tikkaġuna telf kbir lil pajjiżna

* billi l-qliegħ li jagħmlu l-imtrapriżi kbar tagħna jmorru barra l-pajjiż għand il-barranin,

* bħal ma huma l-qliegh tal-bank HSBC,

* tal-kumpanija Malta International Airport,

* tal-kumpanija tat-telefonija GO,

* tal-kumpanija li tmexxi l-Freeport,

* tal-kumpanija li ngħatat in-negozju tat-trasport tal-merkanzija tas-Sea Malta,

* tal-kumpanija li tagħmel ix-xogħol ta’ l-irmonk,

* tal-Posta,

* tal-Lottu u tal-‘betting’,

* u tal-kumpanija tat-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija fil-Port il-Kbir. 

 

Saħansitra ħafna mill-qliegħ tal-bejgħ bl-imnut imur għand is-sidien barranin tas-supermarkets li nfetħu f’pajjiżna.

 

F’dan l-istat ġabitna l-politika ta’ l-UE li tellfitna l-qliegħ kollu li jsir minn fuq ix-xogħol li nagħmlu u minn fuq il-kummerċ li għandna f’pajjiżna.

 

Il-barranin reġgħu saru s-sidien ekonomiċi tagħna u f’darna.

 

Ma konniex hekk qabel sirna membri fl-UE.

 

Konna sidien f’darna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis, 5 ta’ Marzu, 2009

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ