MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Unjoni aktar ċentralizzata, aktar inugwali, aktar anti-demokratika: Il-Kostituzzjoni ta’ l-UE

 

Il-Komunità Ekonomika Ewropea (EEC), imwaqqfa bit-Trattat ta’ Ruma fl-1957, kienet żona ta’ kummerċ ħieles li magħha kellha wkoll politika tal-biedja li tipproteġi l-biedja.

Il-Kostituzzjoni proposta ta’ l-Unjoni Ewropea (li żviluppat mill-EEC ta’ qabilha) għandha l-għan li tibdel l-Unjoni f’tip ta’ stat federali, b’sistema ċentralizzata ħafna taħt il-kontroll ta’ l-istati membri kbar, l-aktar il-Ġermanja u Franza.

 

L-Unjoni Ewropea diġà għandha ħafna fatturi ta’ stat wieħed magħmul minn numru ta’ stati (multi-nazzjonali).

Infatti l-Unjoni Ewropea tagħmel liġijiet li għandhom jitħarsu miċ-ċittadini ta’ l-istati membri.

 

Hija tiddeċiedi kif għandhom jimxu f’ħafna oqsma kemm l-istati membri kif ukoll iċ-ċittadini tagħhom.

 

Il-liġijiet tagħha li flimkien jissejħu l-“Acquis Communitaire” jgħodd aktar minn 20,000 liġi, li jagħmlu aktar minn 100,000 paġna.

L-Unjoni Ewropea għandha l-flus tagħha u bank ċentrali tagħha.

Għandha wkoll l-armata tagħha, ir-“Rapid Reaction Force”.

Qiegħda tfassal biex ikollha l-politika komuni tagħha dwar l-affarijiet barranin u dwar is-sigurtà.

Għandha l-gvern eżekuttiv tagħha, il-Kummissjoni Ewropea.

Għandha l-leġislatura tagħha, il-Kunsill tal-Ministri.

Għandha l-Qorti Suprema tagħha.

 

Għandha l-bidu ta’ Korp tal-Pulizija, il-Europol.

Issa ħejjiet mandat ta’ arrest komuni għall-pajjiżi membri kollha.

 

Fasslet politika komuni dwar ħafna ħwejjeġ,

* bħal ma huma,

* il-kriminalità,

* l-immigrazzjoni,

* il-visa,

* u l-kenn li jingħata lill-barranin.

L-Unjoni għandha anki s-simboli ta’ stat,

* bħal ma huma l-bandiera,

* l-innu,

* il-passaport,

* il-pjanċi tal-karozzi,

* orkestra taż-żgħażagħ ta’ l-Unjoni Ewropea,

* il-Jum ta’ l-Ewropa,

* u ħwejjeġ oħra bħal dawn.

Il-propagandisti ta’ l-Unjoni Ewropea jinqdew b’dawn il-ħwejjeġ kollha ħalli joħolqu tip ta’ nazzjonaliżmu ta’ l-Unjoni ’l fuq min-nazzjonaliżmu ta’ l-istati membri.

Il-fruntieri tal-pajjiżi membri fit-truf ta’ l-Unjoni huma l-fruntieri ta’ l-Unjoni u t-territorju ta’ kull pajjiż membru jifforma parti mit-territorju sħiħ ta’ l-Unjoni.

 

Issa ħolqot sistema kif tgħasses dawn il-fruntieri komuni, u min jitħalla jidħol.

Hemm xi stat ieħor fid-dinja li m’għandux dawn il-fatturi kollha?

 

L-Unjoni Ewropea u l-globalizzazzjoni

 

Il-globalizzazzjoni ħolqot u qiegħda toħloq problemi kbar.

 

Fil-pajjiżi avvanzati qiegħda tikkaġuna qgħad kbir.

 

Fil-pajjiżi li għadhom ekonomikament lura, qiegħda toħloq skjavitù ġdid.

 

Il-pajjiżi li llum huma membri ta’ l-Unjoni Ewropea ntlaqtu bil-kbir bil-globalizzazzjoni.

L-industrija tal-manifattura u l-industrija ta’ l-informatika qegħdin iżarmaw mill-pajjiżi li llum huma fl-UE u qegħdin imorru f’pajjiżi barra l-Unjoni, li m’humiex magħkusa bir-regoli ta’ l-Unjoni u fejn l-ispejjeż tal-produzzjoni huma ħafna aktar baxxi.

Il-globalizzazzjoni hija frott ta’ l-iżvilupp kbir tat-teknoloġija fl-oqsma kollha tal-komunikazzjoni – tat-trasport u ta’ l-informazzjoni.

 

Il-kapitaliżmu selvaġġ ħataf l-opportunitajiet ġodda li l-globalizzazzjoni ħolqot għall-investimenti bit-twaqqif ta’ fabbriki tal-produzzjoni u uffiċċji ta’ l-informatika f’pajjiżi fejn l-ispejjeż tal-produzzjoni u ta’ l-impjiegi fl-uffiċċji huma l-aktar baxxi.

L-għan ewlieni ta’ l-investituri kapitalisti dejjem kien u għadu dak li jagħmlu l-aktar qligħ, ikunu x’ikunu l-mezzi wżati u l-effetti kkaġunati fil-proċess ta’ dan.

 

Għalhekk qegħdin jitħaddmu f’ħafna pajjiżi mhux żviluppati, miljuni, fosthom anke tfal, b’pagi baxxi ħafna u b’kundizzjonijiet mill-aktar ħżiena ta’ xogħol – skjavi ġodda ta’ żminijietna.

Għalhekk ukoll xogħol ta’ l-informatika qiegħed jittieħed f’pajjiżi fejn impjegati kkwalifikati sewwa jitħallsu ħafna inqas minn sħabhom f’pajjiżi avvanzati.

Il-konsegwenza ta’ dan kollu hija ħerba soċjali fil-pajjiżi avvanzati – ħafna sensji u qgħad kbir u żieda fil-kriminalità.

Dwar dan l-iskandlu kbir soċjali kkawżat mill-globalizzazzjoni, jixraq li jitfakkru tliet affarijiet.

 

L-ewwel:

L-Unjoni Ewropea miexja b’politika li mhi qiegħda tagħmel xejn biex tilqa’ għall-globalizzazzjoni.

It-tieni:

Imprendituri Ewropej mill-pajjiżi ta’ l-UE huma minn ta’ quddiem li qegħdin jisfruttaw miljuni, fosthom tfal, fil-pajjiżi inqas avvanzati, biex il-prodotti tagħhom jinbiegħu fis-swieq ta’ l-UE, u dan bla ebda skrupli għas-sensji u l-qgħad li qegħdin jikkaġunaw fil-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni.

It-tielet:

Il-politika f’dan il-qasam ta’ l-Unjoni Ewropea hija ddettata mill-imprendituri Ewropej u dawk il-kumpaniji multi-nazzjonali li joperaw mill-Unjoni Ewropea li qegħdin japprofittaw mill-globalizzazzjoni biex ikabbru l-qligħ tagħhom, mingħajr ma jimpurtahom mit-tbatijiet u ċ-ċaħdiet li qegħdin jikkaġunaw lil miljuni ta’ ħaddiema li qegħdin jisfaw bla xogħol fil-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Bil-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, Malta ntrabtet li timxi bil-politika skandaluża ta’ l-Unjoni Ewropea li ma tagħmel xejn biex tilqa’ għall-effetti ħżiena tal-globalizzazzjoni.

 

Il-konsegwenza se tkun l-istess li seħħet u qiegħda sseħħ fil-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni – aktar sensji u qgħad akbar.

Dawn – aktar sensji qgħad akbar – qegħdin narawhom iseħħu diġà għalkemm uffiċjalment Malta tissieħeb fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju li ġej.

 

Dan qed jiġri għax il-Gvern Malti ilu li beda japplika f’pajjiżna l-politika u r-regoli ta’ l-UE, bil-konsegwenza li naqas ix-xogħol ta’ l-imprendituri li jaħdmu għas-suq lokali, u li għalqu fabbriki li kienu jesportaw u marru f’pajjiżi barra l-Unjoni.

Minħabba f’hekk insostnu li l-ftehim tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea huwa l-bojja ta’ ħafna ħaddiema Maltin u Għawdxin.

 

Karl u Ġeorġe żbaljati t-tnejn

 

Waqt programm ta’ Xarabank dwar il-qgħad f’pajjiżna, kemm id-deputat Dr Karl Chircop kif ukoll l-Avukat George Abela ċaħdu li hemm xi konnessjoni bejn il-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea u l-mewġa ta’ sensji li hawn f’pajjiżna.

Dr Karl Chircop, li deher ftit imbarazzat bid-domanda jekk is-sensji kellhomx x’jaqsmu mal-ftehim tas-sħubija, wara li pprova jaħrab mill-mistoqsija, fl-aħħar iżda qal li s-sħubija m’għandhiex x’taqsam mas-sensji.

Dr Abela kien aktar avventuruż.

 

Waqt li caħad li hemm xi rabta bejn is-sensji u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea, żied jgħid, biex forsi jikkonvinċi kemm kellu raġun: “lanqas għadna dħalna fl-UE”.

B’dan huwa ried ifisser li la uffiċjalment Malta għad trid tidħol fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju li ġej, allura ma jistax ikun li s-sħubija setgħet kellha xi effett fuq is-sensji li qegħdin jingħataw.

Iżda Dr Abela ħa granċ kbir. Mid-dehra nesa, jew ried jinsa, li r-regoli ta’ l-Unjoni diġà daħħalnihom kważi kollha f’Malta.

 

Ilna nagħmlu dan għal dawn l-aħħar tliet snin, skond il-pjan nazzjonali għat-twettieq ta’ l-Acquis Communitaire.

Dr Abela jaf li l-Unjoni ġiegħlitna nneħħu l-‘import levies’ li kienu jipproteġu l-impriżi li jaħdmu għas-suq Malti u li kienu jħaddmu ħafna ħaddiema li kellhom jiġu ssensjati.

 

Huwa jaf li l-Unjoni mponiet dazji fuq il-materja prima ta’ ħafna fabbriki, fosthom dik tal-VF u dawn il-fabbriki jew naqqsu l-produzzjoni jew għalqu u marru f’pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea.

Dr Abela ma nesiex li ftit ta’ żmien ilu Malta kienet imġiegħla mill-Unjoni biex tneħħi inċentivi f’seba’ liġijiet fiskali li bihom konna nattiraw l-investimenti barranin fis-servizzi finanzjarji ta’ pajjiżna.

 

Huwa jaf ukoll, kif jafu l-investituri barranin u lokali, li l-Gvern Malti, minħabba s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni, ma jistax ikompli jagħtihom l-għajnuniet u l-inċentivi li bihom konna niġbduhom lejn pajjiżna.

 

Dan l-ostaklu tas-sħubija fl-Unjoni qed ikabbar il-qgħad f’Malta.

Ta’ min ifakkar lil Dr Chircop u lil Dr Abela dwar dak li kiteb il-kandidat Laburista Joe Sammut f’l-orizzont tat-12 ta’ Jannar:

“L-inċentivi li stajna nagħtu, il-benefiċċji ta’ taxxa marbuta man-numru ta’ postijiet ta’ xogħol maħluqa, il-valur tal-lira, ir-rati ta’ l-imgħax, it-trażżin ta’ l-għoli tal-ħajja, is-servizzi essenzjali bi prezzijiet imnaqqsa, l-għoti ta’ self b’imgħaxijiet baxxi u mitt inċentivi oħra li dejjem stajna nagħtu għax pajjiżna stajna nagħmlu kif jaqblilna dak issa jrid jispiċċa kollu!”

Ma’ dan inżidu dak li stqarr Tony Zarb, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union.

 

Huwa qal li minħabba r-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Gvern Malti “għandu jdejħ marbutin tant li lanqas jista’ jgħin kumpaniji li nixfulhom l-ordnijiet, anki kieku jixtieq jgħinhom!”

 

Bir-rispett kollu, aħna nemmnu li kemm il-kandidat Laburista Joe Sammut, li huwa accountant u awditur, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali Tony Zarb, li huwa l-mexxej ta’ l-akbar union f’pajjiżna, huma f’qagħda ferm aħjar biex jistgħu jgħidu x’verament issa qed jaffettwa ħażin is-settur tax-xogħol f’pajjiżna, mill-ħbieb tagħna Karl u George.

 

Il-mewt tal-ġuri f’Malta

 

Tlett ijiem ilu, fuq it-taraġ ta’ quddiem Kastilja, il-Prim Ministru ħabbar is-sentenza tal-mewt tal-ġuri f’Malta.

 

Qal li mhux se jikkummenta dwar id-deċiżjoni tal-ġurati li ma sabux lil Meinrad Calleja ħati.

Iżda huwa u l-Ministri kienu ddeċidew li għandna nikkupjaw lill-Ingliżi u nbiddlu s-sistema tal-ġurijiet.

Il-pubbliku fehem mill-kliem tal-Prim Ministru, li dan se jkollu jseħħ minħabba l-fatt li l-ġurati, minflok qablu ma’ Fenech Adami, ma qagħdux fuq il-kelma ta’ Zeppi l-Ħafi.

Iżda l-verità nħbiet lill-poplu Malti.

 

Il-Gvern Malti se jneħħi s-sistema tal-ġuri f’Malta għax l-Unjoni Ewropea tridu jagħmel dan, u Malta, li saret issa kolonja ta’ l-Unjoni Ewropea, jkollha tobdiha.

Meta gvern imur ħażin f’kawża, ibiddel il-liġi, jagħmel hekk biex bil-liġi mibdula, imur aħjar.

 

Jekk il-Gvern Malti issa se jbiddel is-sistema tal-ġurati, se jagħmel dan biex ma jiġrilux kif ġralu fil-ġuri ta’ Calleja.

 

F’għajnejn il-poplu, hekk jidher li se jagħmel il-Gvern Malti, u ta’ dan taħti l-Unjoni Ewropea u l-ftehim tas-sħubija ta’ Malta fiha.

 

Kwotazzjonijiet ta’ min jixtarrhom!

 

Tony Blair dwar l-użu tal-veto

 

“Jekk ikun fl-interess ta’ l-Ingilterra li tkun iżolata għax tagħmel użu mill-veto, allura lesti li nkunu iżolati.

Jekk ikun fl-interess ta’ l-Ingilterra li nkunu minoranza ta’ pajjiż wieħed, lesti li nkunu minoranza ta’ pajjiż wieħed”. (The Daily Telegraph, 16 ta’ Dicembru, 1996).

Qatt smajtu xi mexxej politiku Malti tal-lum jgħid l-istess ħaġa fl-interess ta’ Malta?

 

Jean-Luc Dehaene, ex-Prim Ministru tal-Belġju.

 

Ukoll dwar il-veto:

“Jekk pajjiż jipprova juża l-veto b’mod daqshekk distruttiv (bħal l-Ingilterra), dak il-pajjiż għandu jkun suġett għal sanzjonijiet mill-bqija tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea.” (The Guardian, 22 ta’ Ġunju, 1996).

Mela taparsi li l-Unjoni Ewropea tagħtik id-dritt tal-veto, u mbagħad Allaħares tużaħ, għax tiekol is-sanzjonijiet tal-pajjiżi l-oħra ta’ l-Unjoni!

 

Il-Ħamis, 5 ta’ Frar 2004

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

  << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ