MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

Inħarsu n-newtralità u l-ħelsien

 

IŻ-ŻEWĠ studenti żgħażagħ, John Axiaq u Mark Camilleri, li fl-aħħar tas-sena marru jipprotestaw kontra l-preżenza fil-Port il-Kbir tal-bastiment Amerikan tal-gwerra, il-USS Obannon, għandhom iħammru wiċċ il-membri Parlamentari Maltin, li bis-silenzju tagħhom fil-Parlament qegħdin iħallu tinkiser il-Kostituzzjoni tagħna u l-politika ta’ newtralità ta’ pajjiżna.

Il-Gvern qiegħed jagħti permess lill-bastimenti ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika jidħlu fil-portijiet tagħna fi żmien meta l-Istati Uniti qegħdin fi gwerra. 

 

Dan imur kontra l-prinċipju tan-newtralità.

 

Il-Parlament Malti qiegħed iħalli dan il-ksur tan-newtralità iseħħ, mingħajr ma ħadd jitniffes. 

 

B’hekk il-Parlament qiegħed isir kompliċi mal-Gvern f’dan il-ksur.

 

Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tesiġi li pajjiżna jwettaq politika attiva ta’ newtralità.

 

Dan ifisser li mhux biss m’għandna nagħmlu xejn li jmur kontra l-prinċipju tan-newtralità, iżda li għandna nieħdu passi biex permezz tan-newtralità tagħna, naħdmu ħalli jkun hemm il-paċi fost il-ġnus. 

 

Meta aħna nħallu pajjiż li qed jagħmel gwerra ma’ pajjiż ieħor, bħalma qegħdin jagħmlu l-Istati Uniti fl-Iraq, jinqeda bil-portijiet tagħna, ma nkunux qegħdin naħdmu għall-paċi, iżda nkunu qegħdin ngħinu lill-pajjiż fil-gwerra li jkun qed jagħmel.

Xi żmien qabel l-elezzjoni presidenzjali Amerikana tas-sena l-oħra ħafna Maltin iffirmaw sejħa biex ma jidħlux bastimenti tal-gwerra fil-portijiet tagħna fi żmien ta’ gwerra.

 

Is-sejha kienet organizzata mill-Front Maltin Inqumu.

 

Aħna nafu li Membri Parlamentari miż-żewġ nahat tal-Kamra ġew imħeġġa jiffirmaw is-sejħa kontra l-bastimenti tal-gwerra fil-portijiet tagħna.

 

Skond it-tagħrif li għandna, numru mhux żgħir ta’ deputati qablu mas-sejħa.

Aħna ċerti li l-maġġoranza tal-poplu Malti trid in-newtralità, għax temmen li hija politika tajba fiha nfisha biex tiżgura li jkun hawn is-sliem, kif ukoll temmen li hija l-aħjar politika biex tiżgura lill-poplu Malti l-ħarsien mill-ħerba li ġġib il-gwerra.

 

Il-poplu Malti jaf li biex ikollna l-ħelsien irid ikollna l-ħarsien u la darba n-newtralità biss tiżguralna l-ħarsien, in-newtralità hija meħtieġa għall-ħelsien tagħna.

Għalhekk aħna nħossu li għandna nappoġġjaw liż-żewġ studenti żgħażagħ li kellhom il-kuraġġ imorru jipprotestaw kontra l-ksur tan-newtralità u tal-Kostituzzjoni tagħna.

 

Mhux biss.

 

Aħna nħossu li għandna nħeġġu aktar żgħażagħ juru t-twemmin tagħhom fin-newtralità u l-għadab tagħhom kontra l-ksur tagħha.

 

B’hekk inkunu qegħdin ukoll inħarsu l-ħelsien nazzjonali tagħna.

 

Il-Politika ta' l-UE se tkisser lil pajjiżna

 

META persuna tkun marida, trid tagħtiha mediċina li tista' tfejjaqha, mhux mediċina li mhix addattata għall-marda li jkollha.

 

Pajiżna huwa mifni minn mard serju, finanzjarju, ta nuqqas ta' xogħol u ta' mpjiegi, fost l-oħrajn.

 

Id-dejn li huwa mgħobbi bih il-pajjiż, l-iżbilanċ bejn id-dħul u l-ħruġ ta' kull sena tal-Gvern, il-qgħad u n-nuqqas ta' xogħol u ta' investiment barrani li joħloq xogħol u mpjiegi ġodda, iż-żieda fl-importazzjoni u t-tnaqqis fl-esportazzjoni, id-dħul inqas mit-turiżmu, u l-istaġnar ta' l-ekonomija, huma kollha xhieda tal-mard gravi finanzjarju, ekonomiku u soċjali li qiegħed jifni lil pajiżna.

 

Dan il-mard finanzjarju, ekonomiku u soċjali ta' pajjiżna jeħtieġlu mediċina qawwija u addattata biex tfejqu.

 

Minflok, minħabba l-ftehim ta' sħubija magħmul ma' l-Unjoni Ewropea, pajjiżna qed jingħata mediċina magħmula mill-politika finanzjarja, ekonomika u soċjali ta' l-Unjoni, li mhix tajba u addattata għall-mard ta' pajjiżna.

 

Din il-politika ta' l-Unjoni, minflok se tfejjaq lil pajjiżna, aktar se tmarradna.

 

Il-Poltika tal-ftehim li l-Gvern għamel ma' l-UE qiegħda tkabbrilna l-qgħad, tnaqqsilna x-xogħol f'pajjiżna, tnaffrilna l-investiment produttiv barrani, iżżidilna t-taxxi u l-ispejjeż, tgħollilna l-prezzijiet, iġġiegħelna nimportaw aktar, nonfqu aktar minn flusna barra minn pajjiżna u ndaħħlu inqas flus minn barra.

Dawn l-affarijiet, li lkoll huma l-effetti ħżiena tal-ftehim li sar ma l-UE, ma joffrux il-mediċina li l-pajjiż għandu bżonn għal-mard finanzjarju, ekonomiku u soċjali li għandna.

 

Jagħmlulna aktar hsara.

 

Hija l-politika ekonomika, finanzjarja u soċjali ta' l-Unjoni Ewropea li qiegħda tmarradna aktar u se tkissirna jekk nibqgħu sejrin biha. 

 

Kull gvern f'pajjiżna li jkun marbut li jimxi bil-politika tal-ftehim li għamilna ma' l-UE, ma jkunx jista' jagħti l-għajnuniet u l-inċentivi ħalli jiġu impriżi barranin f'pajjiżna u biex l-impriżi f'pajjiżna jiġu mgħejuna biex jimpjegaw aktar ħaddiema.

 

Għax il-politika ta' l-UE tqis dawn l-għajnuniet u l-inċentivi bħala ħwejjeġ li jisfrattaw il-kompetizzjoni tas-suq.

 

Il-politika tal-ftehim magħmul ma' l-UE ma tħallix lill-Gvern Malti jipproteġi l-industrija lokali biex tħaddem aktar ħaddiema.

 

Għax l-Unjoni Ewropea trid tkabbar il-kummerċ lejn pajjiżna u ma jimportahix li b'hekk jonqsu l-impjiegi f'Malta.

 

L-Unjoni ma tridx taf li l-politika tagħha mhix tajba għal mard li għandna f'pajjiżna.

 

Lanqas ma tiddejjaq li l-politika tagħha se tagħmlilna aktar deni milli ġid.

 

L-għajn huwa il-partiti politiċi Maltin m'għandhomx il-kuraġġ jgħidu lill-Unjoni li l-politika tagħha ma tgħoddx għalina.

 

Qabel ma jagħmlu dan, il-mard tagħna se jikber.

 

Fl-UE, l-interessi personali jegħlbu l-prinċipji

 

IL-POLITIĊI li jgħożżu l-prinċipji aktar mill-interessi personali tagħhom, jistħoqqilhom kull appoġġ, waqt li dawk li huma opportunisti, jistħoqqilhom kull stmerrija.

 

Fil-kwistjoni tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, hafna politiċi Maltin warrbu l-prinċipji tagħhom u fittxew l-interessi personali tagħhom.

 

Dawn jisthoqqilhom l-istmerrija tal-poplu.

 

Dawn il-politiċi Maltin għamlu bħal politiċi ta' pajjiżi oħrajn li sieħbu fl-Unjoni Ewropea.

 

Għax l-Unjoni għandha mezzi kif tirbaħ lill-politiċi u permezz tagħhom tirbaħ l-appoġġ tal-poplu li huma jmexxu.

 

L-Unjoni Ewropea tonfoq il-miljuni fil-propaganda favoriha.

 

Tħallas miljuni oħrajn fi spejjeż ta' vjaġġi b'xejn, miljuni oħrajn biex isiru ruxxmata laqgħat ta' diskussjoni u seminars dwar l-Unjoni, b'ikel u xorb kemm trid b'xejn, għal kull min jattendihom, u patafluni ta' pubblikazzjonijiet ikkuluriti u jolqtu l-għajn, u jigglorifikaw lill-Unjoni.

 

Hija tikkapparra wkoll il-mezzi tal-mass media - radju, televiżjoni u gurnali - b'reklami u ħlasijiet lill-ġurnalisti ta' dawn il-mezzi li jinfluwenzaw ħafna l-opinjoni pubblika.

 

F'kull pajjiż fejn il-poplu ntalab jivvota dwar l-Unjoni Ewropea, din indaħlet bil-kbir biex ixxaqilbu favuriha.

 

Jista' jingħad li ebda votazzjoni f'ebda pajjiż imsieħeb fl-Unjoni ma kienet ħielsa mill-indħil barrani ta' l-Unjoni u għalhekk ebda waħda ma kienet demokratika, inkluża dik ta' Malta.

 

L-Unjoni Ewropea m'għandhiex skrupli.

Ma jimportahiex li l-poplu ma jkunx ingħata tagħrif sħiħ u korrett.

 

L-aqwa li bit-tagħrif li jingħata, il-poplu jiddawwar favoriha u jinqabad fin-nassa tagħha.

 

Imbagħad il-politiċi jgħidulu , jew li issa ma jistax jerġa' lura, jew imur agħar jekk jipprova jiżgiċċa minn taħt id-dwiefer ta' l-Unjoni.

 

Jiġri iżda, li l-poplu jibda jħossu li gie ttradut.

 

Malajr jitlef il-fiduċja fl-Unjoni.

 

U juri dan billi ma jindenjax ruħu joħroġ jivvota fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

 

Għalhekk f'Ġunju tas-sena l-oħra, fil-maġġoranza tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni, lanqas nofs il-poplu ma ħareġ jivvota.

 

F'Malta marru jivvotaw 80 fil-mija, minkejja li kienet l-ewwel darba li l-poplu Malti kellu d-dritt li jagħżel il-membri tiegħu għall-Parlament Ewropew.

 

Minn dak in-nhar 'il hawn, eluf oħra diġa` biddlu fehemthom dwar l-Unjoni.

 

Qegħdin jgħidu li qarrqu bihom u li l-Unjoni mhix kif pinġuhielhom.

 

Iżda dawn, minflok isibu lill-politiċi li jmexxuhom lejn il-fidwa mill-għawg li jinsabu fih, jaraw fihom laħam minbjugħ lill-Unjoni.

 

Favur l-Unjoni, iżda kontra l-Kostituzzjoni tagħha

 

DAWK li partu l-Indipendenza ta' pajjiżna ma l-Integration fl-Unjoni Ewropea spiss jitkellmu dwar ir-realta` ġdida ta' Malta msieħba fl-Unjoni.

 

Imma huma jinjoraw ir-realta` l-oħra tal-lum, li hija li l-maġġoranza tal-poplu Malti m'għadhiex favur l-UE.

 

L-istħarriġ organizzat mill-programm televiżiv "Xarabank" wera li wara disa' xhur mid-dħul ta' Malta fl-UE fl-1 ta' Mejju tas-sena l-oħra, 10% ta' dawk li fir-referendum ivvotaw favur is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni, diġa` daru kontra l-UE. 

 

Għalhekk illum, il-maġġoranza tal-poplu Malti m'għadhiex dik li kienet fis-sena 2003.

 

Din hija r-realta tal-lum, daqs ir-realta` l-oħra li pajjiżna jifforma parti llum mill-UE.

 

La darba ġiet demokratikament aċċettata r-realta` li s-sena l-oħra l-maġġoranza għażlet li pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni, issa għandha tiġi demokratikament aċċettata r-realta` li l-lum il-maġġoranza hija kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni.

Iżda minflok li jagħrfu r-realta` l-ġdida tal-lum, il-President tar-Repubblika, il-Gvern, l-Opożizzjoni u l-mezzi tal-mass media jkomplu jinjoraw din ir-realta` ġdida tal-lum.

 

Huma abbużivament ikomplu jtambru li issa f'pajjiżna hawn kunsens dwar is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea.

 

Din hija GIDBA u hija falsifikazzjoni tar-realta` tal-lum.

 

F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Gvern u l-mezzi tal-komunikazzjoni li jappoggjawh, iridu jimpressjonaw lill-pubbliku Malti li la darba ġiet aċċettata r-realta` tas-sħubija fl-Unjoni, għandha issa tiġi wkoll aċċettata l-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea l-ġdida.

 

Dan huwa raġunar qarrieqi.

 

L-ewwelnett, għax l-Unjoni Ewropea l-ġdida skond il-Kostituzzjoni l-ġdida, hija differenti ħafna mill-Unjoni Ewropea tal-lum, li l-maġġoranza tal-poplu vvotat favoriha s-sena l-oħra. 

 

Fit-tieni lok, wieħed jista' jkun mija fil-mija favur li pajjiżna jkun issieħeb fl-Unjoni u fl-istess ħin ikun mija fil-mija ma jaqbilx mal-Kostituzzjoni l-ġdida li tfasslet għall-Unjoni.

 

Min hu kontra l-Kostituzzjoni l-ġdida ta' l-UE, mhux bilfors huwa kontra l-Unjoni.

 

F'ħafna pajjiżi membri hemm miljuni kontra l-Kostituzzjoni l-ġdida tagħha.

 

Bl-istess mod f'pajjiżna, hawn min huwa favur is-sħubija fl-Unjoni, iżda huwa kontra l-Kostituzzjoni l-ġdida tagħha.

 

Din hija realta` oħra li l-Gvern qiegħed jinjora.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

L-Erbgħa, 5 ta' Jannar, 2005.

<< Lura <<

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ