MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 misruqa minn ħalq uliedek

 

L-UE timmina l-familja

 

L-Unjoni Ewropea timmina l-familja.

 

Dan qegħdin jgħiduh ħafna nies prominenti, fosthom il-Kardinal Sean Brady, il-Primat ta’ l-Irlanda.

 

Aħna tas-CNI għidnih qabel ir-Referendum dwar is-sħubija fl-UE, iżda min kellu d-dmir jiftaħ għajnejn l-Insara Maltin, ma qalux, għax ġab l-iskuża li s-sħubija fl-UE kienet kwistjoni politika.

Il-Kardinal Sean Brady, waqt li kien qiegħed iżur skola tas-sajf fil-Punent ta’ l-Irlanda, stqarr li

* l-UE ħadet ħafna deċiżjonijiet li jimminaw il-familja bbażata fuq iż-żwieġ, u                               

* li jmorru kontra d-dritt għall-ħajja mill-mument tal-konċepiment sal-mewt naturali.                 

 

X’uħud mid-deċiżjonijiet ta’ l-Unjoni joħduha kontra t-tqaddis tal-Ħadd u jheddu d-dritt tal-istituzzjonijiet Insara, inkluż l-iskejjel, li jżommu u jippromwovu l-karattru fundamentali u distint tagħhom (l-‘ethos’).

Il-Kardinal Brady qal ukoll li wħud mill-mexxejja ta’ l-UE injoraw il-fatt li d-deċiżjonijiet tagħhom kontra l-familja effettwaw bis-sħiħ nies li għandhom twemmin Nisrani sod, u dan l-effett wassal lil ħafna biex inaqqsu l-appoġġ tagħhom għall-Unjoni Ewropea.

Aħna tas-CNI nittamaw li l-Insara Maltin u Għawdxin jagħmlu kuraġġ u bħall-Insara Irlandiżi jirtiraw l-appoġġ tagħhom għall-UE.

 

B’hekk biss jista’ jissewwa l-iżball li għamlu meta fir-Referendum ivvotaw “IVA” għas-sħubija.

Il-Kardinal Brady ssokta jgħid li l-kultura u l-aġenda li hemm fl-UE bħalissa jidhru li huma mmexxija minn tradizzjoni sekulari aktar milli mill-memorja u l-wirt Kattoliku tal-maġġoranza tal-istati membri.

 

Aħna tas-CNI dejjem insistejna li l-UE m’għandhiex valuri Nsara, bħalma kienu jgħidu ħażin Fenech Adami u Gonzi qabel ir-Referendum biex iqarrqu bl-Insara Maltin u Għawdxin.

Dejjem ilmentajna

* li l-politika ekonomika liberali kapitalista ta’ l-UE

* mhix mibnija fuq il-ġustizzja soċjali,

* iżda fuq is-suq,

* il-kompetizzjoni u

* l-profitt.

 

Għall-Unjoni l-ewwel jiġu r-regoli tal-kompetizzjoni bla rażan, u mhux id-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem, li huma aqwa għall-Insara vera.

Fenech Adami u Gonzi kienu jafu dan, iżda għalihom l-għan politiku li jsieħbu lil Malta fl-UE kien aqwa mill-ħarsien tal-valuri tajbin tal-poplu Malti.

 

Għall-flus mwegħdin mill-UE ħeġġew lill-Maltin u l-Għawdxin ibiegħu ruħhom u lil pajjiżhom.

Il-ġenituri li jaraw kif iż-żgħażagħ tagħhom tilfu l-valuri, għandhom raġun jistħu l-mument li pajjiżna ssieħeb fl-UE, għax huma jafu li din taħti ħafna għat-telfien tal-valuri.

 

L-indipendenza, in-newtralità u l-UE

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici

 

L-inkwiet li nqala’ f’Georgia jista’ jwassal mill-ġdid għal gwerra bierda bejn ir-Russja u l-pajjiżi tal-Punent, inkluża l-Unjoni Ewropea.

 

Pajjiżna, issa la x-xitan ried li jissieħeb fl-Unjoni, se jkun imdaħħal fil-gwerra bierda.

 

Dan jikser in-newtralità attiva tagħna, li hija bbażata fuq in-nonallineament u għalhekk imur kontra li trid il-Kostituzzjoni ta’ Malta.

L-inkwiet f’Georgia nqala’ meta l-Gvern tiegħu attakka lir-reġjun ta’ Ossetia t’Isfel biex irażżan is-separatisti t’hemm, ir-Russi ndaħlu biex jiddefenduhom, u ħatfu l-okkażjoni biex ifarrku l-Armata ta’ Georgia.

 

Ir-Russi jafu li wara l-Gvern ta’ Georgia hemm l-Amerikani u n-NATO.

 

Dawn iridu li jdaħħlu lil Georgia fin-NATO u r-Russja ma tridx għax tħossha mhedda jekk n-NATO tasal sal-fruntieri tagħha.

Pajjiżna, jekk verament irid jonora l-missjoni tiegħu li jaħdem attivament għall-paċi, għandu jiskoraġġixxi, mhux jappoġġja l-manuvri Amerikani u tan-NATO f’Georgia, li jitqiesu ta’ theddida mir-Russi.

 

Malta għandha tinsisti li l-aktar soluzzjoni ġusta tkun li Georgia ma tallineax ruħha la mal-Amerikani u lanqas mar-Russi.

 

Iżda sakemm il-Gvern Malti jibqa’ maħkum mill-Unjoni Ewropea, pajjiżna jibqa’ jitkaxkar mill-politika ta’ l-Unjoni, u ma jwettaqx il-politika ta’ newtralità attiva li l-Kostituzzjoni ta’ Malta tgħammar.

Għalissa qed jintqal biss li hemm fin-nofs mill-ġdid gwerra bierda.

 

Mhux qed jintqal li fil-fatt hemm il-periklu li tfaqqa’ gwerra vera, li tista’ tispiċċa f’waħda nukleari.

 

Għax ħdejn Georgia, hemm ukoll tmiss mar-Russja, l-Ukranja u l-Amerikani u n-NATO jridu li din ta’ l-aħħar ukoll tidħol taħt l-umbrella militari tagħhom.

 

Ir-Russi jqisu dan bħala theddida serja għas-sigurtà ta’ pajjiżhom u aktarx li jkunu lesti jidħlu fi gwerra biex ma jħallux li dan jiġri, anke jekk din tkun gwerra nukleari.

Bħalma seħħ fil-każ ta’ Georgia, fil-każ ta’ l-Ukrajna u l-UE tkun fuq in-naħa ta’ l-Amerikani u n-NATO.

 

U Malta, minħabba l-misħuta sħubija fl-Unjoni, issib ruħha bla ma trid, fi gwerra nukleari kontra r-Russja, bi ksur tal-obbligu kostituzzjonali tan-newtralità u nonallineament.

L-istess bħal fir-rigward ta’ Georgia, Malta għandha tinsisti li l-aktar soluzzjoni ġusta għal kulħadd tkun li l-Ukranja tħaddan in-newtralità u non-allineament u b’hekk tispiċċa t-theddida Amerikana u tan-NATO, li biex ixxejjinha, ir-Russja lesta tiġġieled anke bl-armi nukleari.

Dan kollu jurina f’liema gwaj ta’ gwerra bierda u ta’ gwerra nukleari s-sħubija fl-UE tista’ ddaħħal lill-poplu tagħna intortament, għax m’għarafniex nibżgħu għan-newtralità u n-nonallineament tagħna.

 

Il-politika ta’ newtralità u nonallineament mhix xi kapriċċ, iżda hija essenzjali għall-ħarsien tal-poplu tagħna.

L-inkwiet ta’ Georgia qanqal kwistjoni oħra għal pajjiżna, minbarra dik tas-siwi tan-newtralità u n-nonallinament.

 

Din hija kif għandna nġibu ruħna meta l-poplu ta’ parti minn pajjiż jitlob l-indipendenza u li jinqata’ mill-pajjiż, bħalma talbu l-popli tar-reġjuni ta’ Ossetia t’Isfel u ta’ Abkhazia li jiksbu l-indipendenza minn Georgia.

L-Unjoni Ewropea għażlet li għandha ssostni l-prinċipju tal-ħarsien tal-integrità territorjali ta’ Georgia, u għalhekk ma qablitx li l-popli taż-żewġ reġjuni jiksbu l-indipendenza.

 

Fil-każ tal-Kosovo u tas-Serbja, iżda, ħafna pajjiżi ta’ l-UE (inkluża Malta) appoġġjaw l-indipendenza tal-Kosovo, allavolja din marret kontra l-integrità territorjali tas-Serbja.

 

Mhux sewwa li pajjiżna anke dwar il-kisba ta’ l-indipendenza u l-prinċipju tal-integrità territorjali, jiżfen skond id-daqqa ta’ l-UE u kif jaqbel lilha.

Il-poplu Malti, li ġġieled għall-indipendenza sħiħa ta’ pajjiżna, m’għandu jkun qatt kontra li xi poplu jitlob l-indipendenza u jinqata’ għalih mill-pajjiż tiegħu.

 

Id-dritt għall-ħelsien ta’ poplu huwa aqwa mill-prinċipju tal-integrità territorjali ta’ pajjiż.

Kieku l-Għawdxin kellhom iridu l-indipendenza minn Malta, m’għandniex niċħduhielhom, minkejja li tikser l-integrità territorjali ta’ Malta.

Bħala prinċipju għalhekk, Malta m’għandhiex tissieħeb ma’ l-UE biex tikkundanna l-indipendenza ta’ Ossetia t’Isfel u ta’ Abkhazia.

Is-sħubija fl-UE waqqgħetna f’dan l-għajb, li la nħarsu n-newtralità u non-allineament u lanqas ngħożżu d-dritt għall-ħelsien ta’ kull poplu.

 

Jeħtieġilna nerġgħu nkunu indipendenti u ħielsa mill-UE biex niżguraw il-ħarsien tagħna permezz tan-newtralità u n-nonallineament u biex nappoġġjaw kull poplu li jiġġieled għall-indipendenza u l-ħelsien tiegħu.

 

Kellna raġun li għedna dwar ix-Schengen!

 

minn Eddy Privitera

 

Rapport interessantissimu tal-ġurnalist John Pisani f’dan il-ġurnal tal-25 ta’ Awwissu, bit-titlu “Omiċidji ‘barranin’ u hold-ups ‘bizzilla’ mhux solvuti”, ikkonferma kemm kellna raġun meta tkellimna fuq Smash TV u anke ktibna f’din il-paġna, li d-dħul ta’ Malta fiż-Żona Schengen kien se jdgħajfilna s-sigurtà.

Nhar il-Ħamis, l-1 ta’ Mejju, f’din il-paġna ktibna artiklu bit-titlu “Schengen naqqas is-sigurtà ta’ pajjiżna”.

 

Se nikkwota parti mill-artiklu u għidulna konniex profeti jew le.

Ktibna hekk:

 

“L-agħar konsegwenza tal-ftehim hija li l-kriminali ta’ pajjiżi fiż-Żona Schengen issa għandhom il-faċilità li joperaw fejn iridu fil-pajjiżi kollha taż-żona mingħajr ħadd ma jżomm kont fejn imorru. Fil-każ tagħna, dan ifisser li tal-Mafja u tal-Camorra ma jsibu ebda xkiel li jinkrew biex iwettqu delitti f’pajjiżna, bħalma jagħmlu f’pajjiżhom. Il-ftehim ta’ Schengen kabbar it-theddida ta’ delitti li jitwettqu fuq il-poplu tagħna u għalhekk naqqas is-sigurtà f’pajjiżna.”

U aktar ’l isfel fl-artiklu għidna (u hawn nemmen li konna lqatna l-musmar fuq rasu):

 

“L-istil Mafjuż tal-qtil li sar f’Birkirkara forsi jgħin biex il-poplu Malti jirrealizza li aħjar ftit inqas kumdità meta jsiefer, milli inqas sigurtà f’pajjiżu, bħala riżultat li daħħluh fiż-Żona Schengen”.

Dan mhux biżżejjed.

 

Jien tkellimt dwar il-perikli għas-sigurtà tagħna minħabba x-Schengen, fil-programm fuq Smash TV fis-26 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, fejn għidt li issa li kellna bilfors nidħlu fiż-Żona Schengen, anke l-eħrex kriminali li hemm fil-pajjiżi Ewropej li qegħdin bħalna fiż-Żona Schengen, jistgħu jiġu f’pajjiżna, iwettqu xi atti kriminali bħal qtil jew serq, bla kontroll ta’ xejn u aħna lanqas inkunu nafu li kienu f’pajjiżna.

Araw issa x’kiteb il-ġurnalist li semmejt ta’ l-orizzont.

 

Beda billi rrefera għall-qtil li seħħ f’Birkirkara fl-24 ta’ April, 2008, u li aħna semmejna fil-paġna tas-CNI li kkwotajt minnha aktar ’il fuq.

John Pisani kiteb:

“Għalkemm il-Pulizija tibqa’ tinvestiga kull każ, mhux dejjem tasal biex issolvihom kollha. Forsi delitt li huwa fost l-aktar diffiċli, huwa dak li seħħ nhar il-Ħamis, 24 ta’ April, 2008, f’Birkirkara. Għalkemm il-Pulizija fl-ebda ħin ma semmiet li dan kien qtil professjonali, sorsi qrib il-Pulizija qalu lil l-orizzont li kollox jindika li l-qattiela kienu barranin mibgħutin hawn Malta, wettqu d-delitt u telqu dakinhar stess.”

Aħna issa aktar minn qatt qabel nemmnu li hekk ġara.

 

Xi ħadd ikkummissjona kriminali barranin biex iwettqu dan id-delitt, għax issa huwa faċli li jsiru atti kriminali bħal dawn minn kriminali barranin, għax m’hemm ebda kontroll biex inkunu nafu min daħal u min ħareġ minn Malta, meta dawn jiġu minn xi pajjiż taż-Żona Schengen.

 

Ara taħsbu li xi darba’ però se jammettu li hekk ġara, għax ikunu qegħdin jammettu li meta daħħlu lil Malta fiż-Żona Schengen, kienu qegħdin jimminaw is-sigurtà ta’ pajjiżna.

Tgħid dan ukoll iqisuh bħala xi “benefiċċju” li issa għandna għax qegħdin fl-Unjoni Ewropea?

 

Il-Ħamis, 4 ta’ Settembru, 2008

 

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ