MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn KARMENU MIFSUD BONNICI CNI

 

Il-politika tal-Gvern Malti dwar il-Libja

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

Importanti li l-Gvern Mal­ti jibqa’ ffokat dwar dak li qed iseħħ fil-Libja qal il-Prim Ministru Gon­zi fil-Parlament Malti l-ġimgħa l-oħra.

 

Mhux hekk imissu qal. Imissu qal li l-Gvern Malti hu ċċassat jara dak li qed iseħħ fil-Libja, u mhu qed jagħmel xejn biex jipprova jwaqqaf it-tixrid tad-demm u l-qerda tal-pajjiż.


Li kieku l-Gvern Malti kien verament iffokat dwar li qed iseħħ fil-Libja, kieku kien mill-ewwel jintebaħ bil-frodi tal-President Franċiż Sarkozy li, biex jipprova jikseb lura l-popolarità li tilef f’pajjiżu, ikkonfoffa ma’ xi Libjani ta’ Benghazi li dejjem kienu kontra l-Gvern Libjan immexxi minn Gaddafi, ħeġġiġhom meta qab­du l-armi u attakkaw il-forzi tas-sigurtà governattivi, u mingħajr ma qal lil sħabu tal-Unjoni Ewropea, qabad u rrikonoxxihom bħala l-Gvern tal-Libja kollha.


Il-Gvern Malti jmissu kien jaf dak li kuħadd jaf, li l-Gvern Franċiż webbel lill-Gvern Ingliż u lill-Gvern Amerikan biex iressqu riżoluzzjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda li pproponew sanzjonijiet ħorox fuq il-Libja, iffriżaw il-fondi tal-poplu Libjan fil-paj­jiżi tal-Punent, għalqu l-portijiet Libjani, imponew żona ta’ bla titjir biex ikollhom skuża jeqirdu l-ajruplani Libjani kollha, u awtorizzaw li jittieħdu miżuri biex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili.

 

B’din l-iskuża, l-ewwel il-Franċiżi, imbagħad l-Ingliżi u l-Amerikani attakkaw il-forzi governattivi Libjani biex iwaqqfuhom milli jwettqu “ġenoċidju” jew massakru tal-poplu Libjan, u wara daħħlu lin-NATO biex jibbumbardjaw kemm iridu, fejn iridu u meta jridu, anke nħawi residenzjali u jikkaġunaw imwiet u ferimenti ta’ nies ċivili, dejjem bl-iskuża li jagħmlu dan biex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili skont il-mandat tal-Ġnus Magħquda.


Kieku l-Gvern huwa ffokat dwar dak li qed iseħħ fil-Libja, jaf bil-qerq tal-Gvern Franċiż li nkixef l-ewwel f’ġurnal Franċiż u wara ġie kkonfermat uffiċjalment, li bi ksur tar-riżoluzz­jonijiet tal-Ġnus Magħquda li waqqfu l-importazzjoni tal-armi fil-Libja, il-Gvern Franċiż ilu minn Mejju jibgħat armi, armamenti u munizzjon lir-ribelli ta’ Benghazi, l-ewwel bil-baħar, u mbagħad billi organizza ‘air lifts’ li jwaddbu bil-paraxuts l-armi fl-inħawi li fihom joperaw ir-ribelli, bħall-muntanji fil-Lbiċ ta’ Tripli fejn il-ġellieda tar-razza tal-Berberi, huma tradizzjonalment ostili għal-Libjani Għarab.


Min hu verament iffokat dwar dak li qed iseħħ fil-Libja jmissu jistaqsi x’inhi r-raġuni għall-ħerqa tal-Franċiżi li jattakkaw lill-Gvern Libjan immexxi minn Gaddafi, u għaliex il-Gvern Franċiż diġà għamel ftehim mar-ribelli ta’ Benghazi dwar is-sehem ta’ Franza mill-industrija taż-żejt tal-Libja u min-negozju Libjan.

 

Għaliex il-Gvern Franċiż insista li ma jiqafx il-ġlied fil-Libja qabel Gaddafi jwarrab mill-poter, allavolja din mhix fil-mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda?

 

Għaliex qed isiru attakki fuq il-forzi governattivi Libjani biex jgħinu lir-ribelli jattakkaw l-ibliet li huma f’idejn il-Gvern Libjan, meta l-attaki tan-NATO u tar-ribelli fuq dawn il-bliet huma ta’ periklu u mhux ta’ protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili tagħhom?

 

It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet jafuhom dawk kollha li huma ffokati dwar dak li qed iseħħ fil-Libja, u l-Gvern Mal­ti jmissu jafhom ukoll.

 

Għax il-Prim Ministru Gonzi jaqra l-ġurnal tal-partit tiegħu fejn kemm-il darba tqanqlu dawn il-punti dwar il-gwerra tan-NATO kontra l-Libja u kkummenta b’mod negattiv dwar l-ipokrezija tal-Ġnus Magħquda.

 

Fil-ħarġa tal-ġurnal tal-Partit Nazz­jonalista tat-28 ta’ Lulju ssir referenza għall-“ironija klamoruża” ta’ kif il-Ġnus Magħquda tat id-dawl l-aħdar lill-Istati Uniti, lill-Ingilterra, lil Franza u lill-Italja, u mbagħad lin-NATO “biex tfarrak il-Libja bil-premessa li qed tkun protetta l-popolazzjoni ċivli.

 

Fil-gwerra bejn Gaddafi u r-ribelli armati, mgħejjunin min-NATO, sal-lum inqatlu 10,000 persuna.

 

In-numru ta’ mwiet ċivili fl-attakki min-NATO baqa’ tiela’.

 

Qatt ma kien hemm tentattiv għal negozjati u l-mottiv ma baqax aktar il-protezzjoni taċ-ċivili, iżda l-eliminazzjoni (ukoll fiżika) ta’ Gaddafi, wara li tant pajjiżi Ewropej, ibda mill-Italja u spiċċa bl-Ingilterra u Franza, għamlu ġenuflessjonijiet”.

 

Seta’ ntqal ukoll li anke Gonzi għamel dan.


Il-Prim Ministru Gonzi ilu jaf b’dan kollu għax hu qara fil-ġurnal tal-Partit tiegħu fil-ħarġa tad-19 ta’ Mejju dawn il-kummenti: “Qatt ma kien hemm interess li l-kwistjoni Libjana tkun solvuta jew negozjata permezz ta’ djalogu. U l-affarijiet, konxjament, kienu mbuttati għall-konflagrazzjoni, għall-gwerra ċivili li matulha qed jingħad li tilfu ħajjithom eluf fuq eluf ta’ Libjani. Il-midja internazzjonali ġeneralment baqgħet tikkarga s-sitwazzjoni. L-effetti huma tremendi: hemm it-tifrik ta’ pajjiż sħiħ u fuq kollox inħolqot kriżi umanitarja li għad iridu jidhru l-konsegwenzi sħaħ tagħha”.


“Ovvjament, il-gwerra ċivili Libjana laqtet lil Malta wkoll u issa beda jkun hemm l-anzjetà gravi ta’ miljunu fuq miljuni ta’ ewro f’investimenti maqbudin f’dak il-pajjiż ġar. Iżda l-konsiderazzjonijiet ekonomiċi jsiru pallidi quddiem il-possibbiltà ta’ konsegwenzi gravi oħrajn”.

 

Fost il-kosegwenzi gravi oħrajn tissemma dik tar-refuġjati u l-periklu li elementi tal-al Qaeda jinfiltraw fosthom.


Ma setax il-Prim Ministru Gonzi ma jkunx jaf kemm hemm mistoqsijiet li għalihom ma ngħatawx risposti dwar dak li qiegħed iseħħ fil-Libja, għax hu qara fil-ġurnal tal-partit tiegħu fil-ħarġa tas-7 ta’ Lulju, dawn il-kummenti:

 

“skont l-‘intelligence’ Amerikana, mhux magħ­ruf x’inhu eżattament il-karattru preċiż tar-ribelli ta’ Benghazi u lanqas hu magħruf jekk wara Gaddafi hux se jkun hemm reġim li joħloq problemi ġodda”.

 

Ikompli jingħad:

“Hemm mistoqsijiet realistiċi oħrajn: kemm hu leġittimu li l-alleati għamlu l-ħerba li għamlu u kienu l-kaġun ta’ tant imwiet fil-Libja? Kemm hu moralment ġust li ħadu n-naħa tar-ribelli fi gwerra ċivili mingħajr ma taw ebda ċans li tkun negozjata l-paċi? X’se tkun swiet il-gwerra kontra Gaddafi? X’se jkun il-prezz tar-rikostruzzjoni tat-tifrik kollu? Min se jgawdi mir-rikos­truzzjoni? Kif se jinqasam il-profitt? Liema pajjiżi se jerġgħu jarmaw id-difiża Libjana? Mill-ġdid, min se jgawdi? U min se jikseb l-aktar kuntratti taż-żejt?”


Jekk il-Prim Ministru hu verament iffokat dwar il-Libja, imissu qiegħed f’qagħda li jwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet kollha li saru fil-ġurnal tal-partit tiegħu stess.

 

Iżda l-Prim Ministru ma jaqbillux iwieġeb għax kieku kellu jagħti t-tweġibiet korretti, juri kemm il-Gvern Malti mexa ħażin fil-kwistjoni tal-kunflitt tal-Libja u kemm għamel ħsara lill-interessi Maltin.

 

Għax x’għamel il-Prim Ministru biex iħares ix-xogħol ta’ ħafna ħaddiema Maltin fil-Libja, biex isalva n-negozji ta’ ħafna Maltin f’dak il-pajjiż, u biex ma jintilifx l-investiment kbir li ħafna Maltin għamlu hemm?

 

M’għamel proprju xejn.

 

Anzi, b’dak li qal u b’dak li ddeċieda, għarraq ix-xogħol, in-negozji u l-investiment tal-Maltin fil-Libja.

 

Hu tkellem kontra l-Gvern Libjan u għalaq l-ambaxxata Maltija fi Tripli, u għamilha kważi impossibbli għal-Libjani li jiġu Malta u biex minn Malta jmorru provvisti anke ta’ ħwejjeġ essenzjali għal Tripli.

 

Il-Gvern Malti waqqaf it-trasport bl-ajru u bil-baħar bejn iż-żewġ pajjiżi, u b’hekk, barra l-ħsara li għamel lil-Libjani, ikkaġuna telf kbir lill-ekonomija Maltija.


Il-Prim Ministru jaf li bil-politika li l-Gvern Malti mexa biha fil-konfront tal-Gvern Libjan, sa Ġunju kienet diġà swiet €30 miljun lill-esportazzjoni Maltija lejn il-Libja.

 

Huwa jaf li sa Ġunju d-deċiżjoni li l-Libja tkun żona bla titjir swiet lil pajjiżna €400,000, għax parti sostanzjali tal-ajru kienet magħluqa għall-ajruplani, iżda miftuħa bla xkiel għall-arjuplani tal-gwerra tan-NATO.

 

L-iskejjel tas-sajf tat-tagħlim tal-Ingliż lill-barranin naqsu sew minħabba l-gwerra fil-Libja li l-Prim Ministru m’għamel xejn biex din tieqaf.

 

Anzi ma jridx li din tintemm qabel  jitwarrab Gaddafi mit-tmexxija tal-Libja.

 

U ma kienx kuntent b’dak li qara fil-ġurnal tal-partit tiegħu tal-21 ta’ April, li l-Ministru Libjan għall-Affarijiet Barranin, Abdelati Obiedi ddikjara li kemm-il darba jieqfu l-bombi tan-NATO, tista’ ssir elezzjoni fil-Libja, taħt is-superviżjoni tal-Ġnus Magħquda fi żmien sitt xhur, u li l-elezzjoni għandha tkopri kwalunkwe kwistjoni u tista’ tiddeċiedi kollox, inkluż il-futur ta’ Gaddafi bħala l-Mexxej tal-Libja.

 

Iżda Gonzi, minflok ħatfu fil-kelma lil Obeidid, urieh li ma riedx jaf bih meta laqgħu f’Kastilja fl-okkażjoni meta l-Gvern Libjan talab lill-Gvern Malti biex jipprova jġib il-paċi bejn il-Gvern Libjan u r-ribelli ta’ Benghazi.


S’issa, il-Gvern Malti wera li hu għal kollox sfokat dwar il-Libja, bi ħsara kbira għall-ħbi­berija bejn il-poplu Malti u l-poplu Libjan. Għax is-sanzjonijet li l-Gvern Malti daħħal fis-seħħ huma ta’ ħsara kbira mhux għall-Gvern Libjan, iżda għall-popolazzjoni ċivili Libjana.

 

L-Ingliżi u l-Amerikani jridu jerġgħu jaħkmu lil-Libja

 

Charles Micallef (CNI)

 

Kollox qiegħed juri li l-pajjiżi tan-NATO qegħdin fil-Libja jagħżqu fl-ilma u jagħmlu ż-żejt fil-bażwa, filwaqt li qegħdin ikomplu jaħlu u jaħlu l-flus tat-‘tax payers’ Ewropej, fosthom tal-ħaddiema tal-UE.

 

U dan, meta kulħadd jaf f’liema qagħda finanzjarja mwiegħra jinsabu l-pajjiżi tal-UE.

 

Il-flus tat-‘tax payers’ tal-UE qegħdin jaħ­luhom fil-bombi li qegħdin iwaddbu fuq Tripli u bliet oħrajn Libjani, bil-għan li jġibu fi tmiemha l-ħajja tal-Kurunell Gaddafi u tal-Gvern immexxi minnu.


Ħadd ma jaf fiċ-ċert jekk il-ħidma militari tan-NATO fil-Libja u l-għajnuna f’tagħmir militari li qegħdin jagħtu lir-ribelli ta’ Benghazi hux jitħallsu, jew fi ħsiebhom li jitħallsu mill-flus tal-Libjani li hemm fil-banek Amerikani, Ingliżi u banek Ewropej.


Ilhom issa mal-ħames xhur iwaddbu l-bombi fuq bini fi Tripli li hemm suspett li fihom hemm suldati Libjani, u diġà ntefqu miljuni kbar f’dawn il-bumbardamenti.

 

Imma kollox qiegħed juri li n-NATO qiegħda tiġi umiljata fil-Libja.

 

In-NATO ma tistax tegħleb lill-poplu komuni Libjan u l-armata nazzjonali magħmula mill-Gwardji Rivoluzzjonarji.

 

U r-ribelli ma azzardawx joqorbu lejhom fi Tripli.

 

In-NATO lill-poplu kwiet Libajn irnexxilha tibdlu minn wieħed paċifista għal wieħed gwerrier.


Għalxejn xi pajjiżi tal-UE qegħdin inaqqsu mill-għarfien tal-Gvern ta’ Tripli bħala l-Gvern tal-Libja u minflok jagħrfu lill-Kunsill tar-Ribelli ta’ Benghazi.

 

Issa anke t-Turkija għamlet dan il-pass u wiegħdet li tagħti lir-ribelli kemm flus kif ukoll provvisti ta’ fjuwil u ħwejjeġ oħrajn essenzjali.


F’dan ix-xenarju, pajjiżna, bħala membru sħiħ fl-UE, sab ruħu jiżfen fin-nofs bejn l-Ewropa u l-Afrika.

 

Flok pont ta’ paċi bejn l-Ewropa u l-Afrika, Malta, bi ksur tal-Kostituzzjoni u kontra r-rieda tal-poplu ħaddiem, qiegħda sservi bħala bażi tal-gwerra, fejn ajruplani militari u ta’ tkixxif Franċiżi u ta’ pajjiżi oħrajn tan-NATO, għamlu l-ajruport ta’ Malta bażi tagħhom, bla ebda rispett lejn it-titjiriet kummerċjali li jaslu u jitilqu mill-uniku ajruport Malti.


Jintqal li l-ajruplani militari li jinżlu fl-ajruport ta’ Malta, jkollhom ħsarat.

 

Possibbli li dawn l-ajruplani li jitilqu mill-viċin, x’uħud minnhom minn Sqallija, tiġrilhom il-ħsara meta jmorru jibbumbardjaw Tripli?

 

Dawn l-ajruplani mhux qegħdin jiġu attakkati minn ajruplani Libani u lanqas qed jintlaqtu mill-‘anti aircraft’ Libjani, allura kif qed ikollhom dawn il-ħsarat kollha spiss u regolari?

 

Forsi qiegħda ssir manutenzjoni ħażina fuqhom, jew jintużaw fihom ‘parts’ inferjuri, jew hemm tekniċi inferjuri li jieħdu ħsiebhom fil-ajruporti minn fejn jitilqu, fosthom dawk ta’ Sigonella?


Hu ħażin li f’din il-gwerra li n-NATO qiegħda tagħmel kontra l-Libja mmexxija minn Gaddafi, Malta żżeffnet fin-nofs.

 

Dan ma setax jonqos mill-Gvern immexxi minn Gonzi, ‘yes man’ tal-UE u tan-NATO li qiegħed iħallihom jużaw mhux biss l-ajruport internazzjonali, iżda anke l-Port il-Kbir, fejn bastimenti militari tan-NATO jidħlu u joħorġu regolarment.

 

Naħseb li f’każ tal-invażjoni tal-Libja, il-Gvern immexxi minn Gonzi jkun lest joffrilhom l-użu tal-ajruport u tal-Port il-Kbir, bħalma kien sar fil-każ tal-invażjoni ta’ Sqallija fis-snin 40 u bħalma sar bil-moħbi f’Ġunju tal-1967 meta bastimenti Ingliżi u Amerikani telqu mill-Port il-Kbir biex imorru jgħinu lil Iżrael minn Malta u Iżrael kien għamel rebħiet kbar fuq l-armati Għarab u kiseb meded kbar ta’ art, fosthom is-Sinai u Ġerusalem tal-Lvant, flimkien max-Xatt tal-Punent tax-xmara Ġordan.


Issa n-NATO wara madwar ħames xhur ta’ bumbardamenti fuq Tripli u bliet oħrajn Libjani, tidher li qiegħda taqta’ nifisha.

 

Qiegħda tiġi umiljata minn Gaddafi u ibnu Sejf al-Islam, flimkein mal-gwardji rivoluzzjonarji u poplu Libjan, li qegħdin jirreżistu u jiddefendu pajjiżhom.


Fl-Ewwel ta’ Settembru li ġej, Gaddafi u l-armata rivoluzzjonarja se jiċċelebraw it-42 sena minn meta ħadu t-tmexxija tal-Libja f’idejhom b’kolp ta’ stat kontra l-monarkija li kienet protetta mir-Rejnu Unit u mill-Istati Uniti tal-Amerika.


Dak­inhar fil-Libja kien hemm bażijiet militari Ingliżi f’Tobruk u oħrajn Amerikani fi Tripli.

 

Tnejn u erbgħin sena wara, il-poplu Libjan qiegħed jerġa’ jħabbat wiċċu mal-Ingliżi u l-Amerikani li ma’ pajjiżi oħrajn tan-NATO, iridu jerġgħu jiddominaw lil-Libja u qegħdin jinqdew bir-ribelli ta’ Benghazi u l-appoġġ ta’ Malta.

 

Il-Ħamis, 8 ta’ Awwissu, 2011

 

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ