MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID
LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET
TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA
LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.
L-Ewwel ta’ Mejju
u l-Unjoni Ewropea
L-EWWEL ta’ Mejju, Jum il-Ħaddiem, fakkarna fil-problemi ewlenin li l-poplu Malti għandu llum:
In-nuqqas ta’ xogħol,
In-nixfa ta’ l-investimenti produttivi,
It-telfien tal-kompetittivita`,
It-theddida għall-impjiegi u għall-kundizzjonijiet
tax-xogħol,
It-tħarbit tas-servizzi soċjali u tal-welfare state, u
l-imminar tas-sistema tal-pensjonijiet.
Iżda
l-mexxejja politiċi u trejdunjonistiċi, għajr dawk tal-General Workers Union, ma
kellhomx id-dehen u l-kuraġġ ifakkru lill-poplu li dawn il-problemi kollha
tkabbru bil-ġirja ta’ ferneżija biex isieħbu ‘l pajjiżna fl-Unjoni Ewropea u
bil-ftehim diżastruż ta’ sħubija li għamlu fl-2003 ma’ l-Unjoni.
Dan il-ftehim
ta’ sħubija mhux se jgħinna nsolvu dawn il-problemi ewlenin, għax il-ftehim
iġiegħelna nwettqu politika ekonomika u soċjali ta’ l-Unjoni li ma tħalliniex
inħaddmu miżuri li jkattru x-xogħol, jattiraw l-investiment produttiv barrani,
iħarsu s-servizzi soċjali u l-welfare state u jsostnu s-sistema tagħna
tal-pensjonijiet.
Agħar minn
hekk.
Issa
l-mexxejja politiċi ma għandhomx id-dehen u l-kuraġġ li ma jorbtux idejhom aktar
milli rabathomlhom il-ftehim tas-sħubija ta’ l-2003.
Ma għandhomx
id-dehen u l-kuraġġ ma jintrabtux aktar milli diġa` intrabtu, billi jgħidu le
għall-kundizzjonijiet iebsa tal-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea.
Din
il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea ma tipprovdi l-ebda għajnuna biex
insolvu l-problemi ewlenin ta’ pajjiżna.
Mhux biss ma toffrilna ebda għajnuna, iżda tagħmilha aktar diffiċli għall-mexxejja politiċi tagħna biex jagħżli li jħaddmu l-miżuri li pajjiżna jeħtieġlu biex:
Inkattru x-xogħol u l-impjiegi,
Biex niġbdu l-investiment produttiv barrani,
Biex inħarsu s-servizzi soċjali u l-welfare state, u
Biex insostnu s-sistema tal-pensjonijiet.
Hija ħasra
kbira li tara mexxejja Soċjalisti Ewropej maqbuda fil-morsa tal-politika
ekonomika u soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea li ma jistgħu jagħmlu xejn biex jegħlbu
l-qgħad f’pajjiżhom.
L-akbar
eżempju ta’ dan huwa l-Kanċillier Ġermaniż Schroeder bil-qgħad fil-Ġermanja
jlaħħaq 11 fil-mija.
Ma jistgħu
jagħmlu xejn biex jipproteġu l-industriji tagħhom mill-importazzjoni ta’
prodotti maħduma f’pajjiżi fejn il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema huma mill-agħar
u l-kapital huwa pprovdut mill-investituri Ewropej li sostnew li l-Unjoni
Ewropea tagħmel il-kmandament tal-moviment ħieles tal-kapital.
Il-mexxejja
Maltin ikunu qegħdin jaċċettaw dawn id-dnubiet soċjali meta jivvutaw favur
il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea.
INĦOSSU li
għandna nikkummentaw fuq ittra ta’ korrispondent li ffirma “Fenice” li dehret
f’dan il-ġurnal (L-Orizzont) fl-20 ta’ April, għax inħossuha bħala għajta ta’
wġiegħ ħierġa minn qalb imnikkta ta’ delegat Laburista.
Kiteb li huwa
delegat u kiteb biex jisfoga r-rabja li għandu fih meta qed jara
“l-amministrazzjoni tal-Partit, flimkien mal-media li tmexxi, hija diġa`
preġudikata fil-pożizzjoni tagħha favur ir-ratifika tat-Trattat Kostituzzjonali
(il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE) ta’ l-Unjoni Ewropea”.
Hekk kiteb
il-korrispondent li ffirma “Fenice”.
Dan id-delegat
staqsa għalfejn stiednuh “għal diskussjoni jew djalogu meta huma diġa` ħadu
pożizzjoni, jew iffurmaw l-opinjoni tagħhom?”
Aħna nagħtu
mitt raġun lil dan id-delegat.
Għax ikun daħq
fil-wiċċ li tgħid li sejjer tisma` x’għandhom x’jgħidu d-delegati, meta inti
diġa` ddeċidejt xi trid li jagħmlu d-delegati.
Jiġifieri,
trid li jaċċettaw il-pożizzjoni li tkun ħadt int u ma tridhomx jisimgħu ebda
opinjoni differenti minn tiegħek.
Meta wieħed
jaqra r-rapport politiku miktub mill-Onor. Dr Geroge Vella, wieħed isib dan
il-kliem miktub mingħajr ebda tingiż tal-kuxjenza, dwar x’għandu jagħmel
il-Partit Laburista dwar ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE:
“Me nemminx li f’dan il-każ, nistgħu nħallu għażliet miftuħa
għall-partitarji tagħna. Irridu nagħtu linja ta’ gwida ċara li jifhimha kulħadd
u li ma tħawwad moħħ ħadd”.
Huwa preċiżament dan li qegħdin jagħmlu l-istrateġisti tal-Partit.
Ma jħallu ebda
opinjoni li hija kritika għall-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE tinstema` fuq
il-media tal-Partit.
U b’hekk moħħ
id-delegati ma jitħawwadx!
Il-korrispondent “Fenice” kiteb aktar minn hekk.
U aħna se
nġibu l-aħħar paragrafu ta’ l-ittra tiegħu, forsi l-istrateġisti tal-Partit
tmisshom il-kuxjenza u jindunaw, qabel ikun tard wisq xi ħsara qiegħda ssir
lill-Partit b’dak li qed jimponu fuq id-delegati.
L-aħħar
paragfrafu ta’ l-ittra jgħid hekk:
“Mela issa nsejnihom il-prinċipji Nsara u dawk Xellugin? Vot favur
ir-ratifika tat-Trattat tal-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea mill-uffiċjali
tal-partit, mhux il-vot li jkun sar bil-barka tal-maġġoranza fil-Partit
Laburista”.
M’hemmx
għalfejn inżidu kliem aktar ma’ dawk ta’ “Fenice”.
L-Onor Leo Brincat
jinsulta
DAWK li
jiffurmaw il-Moviment Iva fil-Partit Laburista qed jagħmlu l-almu tagħhom kollu biex
ibeżżgħu lid-delegati Laburisti li jekk l-Oppożizzjoni Laburista ma tivvutax
mal-Gvern Nazzjonalista favur il-Kostituzzjoni ta’ l-UE, il-partit jitlef
l-elezzjoni ġenerali.
Ewlieni f’dan
il-Moviment Iva li qiegħed ixerred din il-ħrafa hemm l-Onor.
Leo Brincat, li fl-1 ta’ Mejju wasal biex ħarbex dan f’ġurnal
bl-Ingliż:
“Irridu nagħmlu differenza bejn li nfissdu l-partitarji akkaniti
tagħna u li ngħoġbu dawk il-Laburisti ta’ moħħom f’postu u lill-floating voters
li għandna bżonn il-fiduċja tagħhom, jekk verament fi ħsiebna nirbħu
l-maġġoranza fl-elezzjoni ġenerali li jmiss biex niggvernaw”.
Għall-Onor. Brincat huwa aktar importanti li jogħġob
lil-Laburisti li vvutaw Iva u lin-Nazzjonalisti,
milli jogħġob lill-eluf kbar ta’ Laburisti
“akkaniti”.
Forsi hekk
ipprova jagħmel meta bħala Ministru tal-Finanzi fl-1997 ħareġ bil-miżuri
anti-soċjali taż-żieda fir-rati tal-ħlas tad-dawl u l-ilma u tat-taxxa fuq
id-drenaġġ.
Dan in-nhar irnexxielu jogħġob ħafna lin-Nazzjonalisti u jnaffar ħafna Laburisti.
Kuntrarju għal
dak li qed jgħid l-Onor Leo Brincat, il-Partit Laburista qed jirriskja li jitlef l-elezzjoni
ġenerali li jmiss jekk minflok jogħġob lill-eluf ta’ Laburisti “akkaniti”, jipprova
jogħġob lil ftit Laburisti li vvutaw iva u lill-floaters, li ħafna minnhom mhux
se jivvutaw lin-Nazzjonalisti għax ħarġu ngannati
dwar l-Unjoni Ewropea.
Hemm eluf kbar
ta’ Laburisti li ma jaċċettawx li l-membri
parlamentari Laburisti jivvutaw favur il-Kostituzzjoni ta’ l-UE u kontra
l-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Fl-istess
artiklu tiegħu ta’ l-1 ta’ Mejju, l-Onor Brincat
għadd lil-Laburisti li vvotaw iva u lin-Nazzjonalisti
mal-‘level-headed Labourites’, b’kuntrast mal-Laburisti “akkaniti” li ma jaqblux miegħu u ma’ l-Onor. Dr
George Vella.
L-eluf kbar
ta’ Laburisti “akkaniti” li skond l-Onor Brincat u l-Onor Vella
m’humiex ‘level-headed’, jagħmlu tajjeb li jiftakru dan il-kliem fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, jekk l-Onor Brincat u l-Onor Vella
jisfidawhom u jivvutaw favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE.
Liema tridu
jirbaħ?
L-artikolu I-16 tal-Kostituzzjoni ta’ l-UE jgħid:
2. L-istati
membri għandhom attivament u mingħajr riżervi jagħtu sostenn lill-politika
esterna u ta’ sigurta` komuni ta’ l-Unjoni, fi spirtu ta’ lealta` u solidarjeta`
reċiproka u għandhom jirrispettaw l-azzjoni ta’ l-Unjoni f’dan il-qasam.
Għandhom jastjenu minn azzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta’ l-Unjoni jew
li x’aktarx ifixklu l-effikaċja tagħha.
L-artikolu 1
tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jgħid:
(3) Malta hija
stat newtrali li jrid attivament jilħaq il-paċi, is-sigurta` u l-progress
soċjali fost in-nazzjonijiet kollha billi jħaddan politika ta’ non-allinjament u
jirrofta li jipparteċipa f’kull alleanza militari.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
L-Erbgħa, 5 ta’ Mejju, 2005.
<< Lura http://www.cnimalta.org/2005.html
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman CNI,
Dr Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.
81, Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ